Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 68

“Id-dawl tad-dinja”—L-Iben t’Alla

“Id-dawl tad-dinja”—L-Iben t’Alla

ĠWANNI 8:12-​36

  • ĠESÙ JISPJEGA MIN HU L-​IBEN

  • IL-​LHUD KIF INHUMA LSIERA?

Fl-​aħħar ġurnata tal-​Festa tal-​Għerejjex, is-​sebaʼ jum, Ġesù qed jgħallem fil-​parti tat-​tempju msejħa “t-​teżorerija.” (Ġwanni 8:20; Luqa 21:1) Din milli jidher qiegħda fil-​Bitħa tan-​Nisa, fejn in-​nies jitfgħu l-​kontribuzzjonijiet tagħhom.

Billejl matul il-​festa, din in-​naħa tat-​tempju tkun imdawla b’mod speċjali. Hemmhekk hemm erbaʼ gandlieri daqsiex, kollha b’erbaʼ bwieqi kbar mimlijin żejt. Id-​dawl minn dawn il-​gandlieri tant hu qawwi li jkun jidher mill-​bogħod. Dak li Ġesù jgħid issa forsi jfakkar lis-​semmiegħa tiegħu f’din il-​ħaġa: “Jien id-​dawl tad-​dinja. Min jimxi warajja żgur ma jimxix fid-​dlam, imma jkollu d-​dawl tal-​ħajja.”—Ġwanni 8:12.

Il-​Fariżej joġġezzjonaw għall-​istqarrija taʼ Ġesù u jgħidu: “Int tixhed dwarek innifsek; ix-​xiehda tiegħek mhix vera.” Ġesù jwieġeb: “Anki jekk nixhed dwari nnifsi, ix-​xiehda tiegħi hi vera, għax jien naf minfejn ġejt u fejn sejjer. Imma intom ma tafux minfejn ġejt u fejn sejjer.” Hu jżid jgħid: “Fil-​Liġi tagħkom stess hemm miktub, ‘Ix-​xiehda taʼ tnejn hi vera.’ Hemm jien li nixhed dwari nnifsi, u hemm il-​Missier li bagħatni li jixhed dwari.”—Ġwanni 8:13-​18.

Il-​Fariżej ma jaċċettawx l-​irraġunar tiegħu u jistaqsu: “Fejn hu Missierek?” Ġesù jgħidilhom ċar u tond: “Intom la tafu lili u lanqas lil Missieri. Kieku kontu tafuni, kontu tkunu tafu lil Missieri wkoll.” (Ġwanni 8:19) Avolja l-​Fariżej xorta jridu li Ġesù jiġi arrestat, ħadd ma jmidd idu fuqu.

Ġesù jerġaʼ jgħid xi ħaġa li diġà qalha: “Jien sejjer, u intom għad tfittxuni, u madankollu għad tmutu fi dnubkom. Fejn sejjer jien intom ma tistgħux tiġu.” Il-​Lhud, billi kliem Ġesù jifhmuh ħażin għalkollox, jibdew jistaqsu: “Mhux se joqtol lilu nnifsu, hux? Għax qed jgħid, ‘Fejn sejjer jien intom ma tistgħux tiġu.’” Huma ma jifhmux x’qed jgħid Ġesù, għax mhumiex konxji tal-​oriġini tiegħu. Hu jispjega: “Intom mill-​oqsma taʼ taħt; jien mill-​oqsma taʼ fuq. Intom minn din id-​dinja; jien m’iniex minn din id-​dinja.”—Ġwanni 8:21-​23.

Ġesù qed jirreferi għall-​ħajja tiegħu fis-​sema qabel ma sar bniedem u għall-​fatt li hu l-​Messija, jew Kristu, imwiegħed, li dawn il-​mexxejja reliġjużi suppost qed jistennew. Minkejja dan, huma jistaqsu bi tmaqdir kbir: “Min int?”—Ġwanni 8:25.

Minkejja li jiċħduh u jopponuh, Ġesù jwieġeb: “Għala qed nitkellem magħkom wara kollox?” Xorta waħda, hu jidderieġi l-​attenzjoni lejn Missieru u jispjega għala l-​Lhud għandhom jagħtu widen lill-​Iben: “Dak li bagħatni hu veru, u dak li smajt mingħandu qed ngħidu fid-​dinja.”—Ġwanni 8:25, 26.

Imbagħad Ġesù jesprimi fiduċja f’Missieru, xi ħaġa li dawn il-​Lhud m’għandhomx: “Wara li tgħollu lil Bin il-​bniedem, imbagħad tkunu tafu li jien hu, u li ma nagħmel xejn minn rajja; imma dan ngħidu skond kif għallimni l-​Missier. U dak li bagħatni qiegħed miegħi; hu ma telaqnix waħdi, għax dejjem nagħmel dak li jogħġob lilu.”—Ġwanni 8:28, 29.

Però, xi Lhud ipoġġu fidi f’Ġesù u lil dawn jgħidilhom: “Jekk tibqgħu fil-​kelma tiegħi, tkunu tassew dixxipli tiegħi, u tkunu tafu l-​verità, u l-​verità teħliskom.”—Ġwanni 8:31, 32.

Għal xi wħud, dan il-​kliem dwar li jinħelsu jinstemaʼ stramb. Huma joġġezzjonaw billi jgħidu: “Aħna wlied Abraham u qatt ma konna lsiera taʼ ħadd. Kif qed tgħidilna, ‘Se tinħelsu’?” Il-​Lhud jafu li kien hemm perijodi meta huma kienu taħt il-​ħakma taʼ ġnus oħra, iżda jirrifjutaw li jissejħu lsiera. Madankollu, Ġesù juri li xorta huma lsiera: “Tassew, tassew, ngħidilkom, Kulmin jagħmel id-​dnub hu lsir tad-​dnub.”—Ġwanni 8:33, 34.

Il-​fatt li l-​Lhud ma jridux jammettu li huma lsiera tad-​dnub ipoġġihom f’pożizzjoni perikoluża. “L-​ilsir ma jibqax fid-​dar għal dejjem,” jispjega Ġesù. “L-​iben jibqaʼ għal dejjem.” (Ġwanni 8:35) Ilsir m’għandu l-​ebda dritt għal wirt, u jistaʼ jitkeċċa fi kwalunkwe ħin. L-​iben biss li twieled fid-​dar jew li ġie adottat jibqaʼ “għal dejjem,” jiġifieri, kemm idum ħaj.

B’hekk, il-​verità dwar l-​Iben hi l-​verità li teħles lin-​nies għal dejjem mid-​dnub li jġib il-​mewt. Ġesù jgħid: “Jekk l-​Iben jeħliskom, tkunu ħielsa tassew.”—Ġwanni 8:36.