Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 79

Għala l-Lhud li ma jemmnux se jinqerdu

Għala l-Lhud li ma jemmnux se jinqerdu

LUQA 13:1-​21

  • ĠESÙ JOĦROĠ TAGĦLIMA MINN ŻEWĠ TRAĠEDJI

  • MARA MAGĦTUBA TIĠI MFEJQA FIS-​SABAT

Ġesù uża diversi modi biex jipprova jqanqal lin-​nies jaħsbu dwar ir-​relazzjoni tagħhom m’Alla. Issa jkollu opportunità oħra wara d-​diskussjoni tiegħu maʼ xi nies quddiem id-​dar taʼ wieħed Fariżew.

Xi wħud minnhom isemmu ġrajja traġika. Huma jitkellmu dwar “il-​Galilin li [l-​Gvernatur Ruman Ponzju] Pilatu kien ħallat demmhom mas-​sagrifiċċji tagħhom.” (Luqa 13:1) Għal xiex qed jirreferu?

Forsi dawn il-​Galilin kienu dawk li nqatlu meta eluf taʼ Lhud ipprotestaw għax Pilatu kien qed juża l-​flus mit-​teżorerija tat-​tempju biex jibni akwadott ħalli f’Ġerusalemm ikun hemm l-​ilma. Pilatu għandu mnejn akkwista l-​flus bl-​għajnuna tal-​awtoritajiet tat-​tempju. Dawk li qed jirrakkontaw din it-​traġedja forsi jħossu li l-​Galilin ġarrbu dan il-​gwaj għax kienu ħatja t’għemejjel mill-​agħar. Ġesù ma jaqbilx magħhom.

Hu jistaqsi: “Timmaġinaw intom li dawn il-​Galilin kienu iżjed midinbin mill-​Galilin l-​oħra kollha għax sofrew dan?” It-​tweġiba tiegħu hi le. Imma juża l-​ġrajja biex iwissi lil-​Lhud: “Jekk ma tindmux, intom ilkoll tinqerdu bl-​istess mod.” (Luqa 13:2, 3) Ġesù mbagħad jirreferi għal traġedja oħra li għandha mnejn ġrat reċentement u li forsi kellha x’taqsam mal-​bini taʼ dan l-​akwadott. Hu jistaqsi:

“Dawk it-​tmintax li waqaʼ fuqhom it-​torri f’Silogħam u qatilhom, timmaġinaw intom li kienu iżjed midjunin min-​nies l-​oħra kollha li joqogħdu Ġerusalemm?” (Luqa 13:4) Dawk fil-​folla għandhom mnejn iħossu li dawn l-​uħud mietu għax kienu ħżiena. Għal darb’oħra, Ġesù ma jaqbilx magħhom. Hu jaf li “ż-​żmien u l-​ġrajjiet mhux mistennijin jiġu fuq kulħadd” u x’aktarx li huma l-​kaġun taʼ din it-​traġedja wkoll. (Ekkleżjasti 9:11) Imma n-​nies imisshom jieħdu tagħlima minn din il-​ġrajja. Ġesù jgħid: “Jekk ma tindmux, intom ilkoll tinqerdu bl-​istess mod.” (Luqa 13:5) Imma għala qed jenfasizza din it-​tagħlima issa?

Dan għandu x’jaqsam mal-​perijodu li qiegħed fih fil-​ministeru tiegħu, u hu jagħti din it-​tixbiha biex jispjega: “Wieħed raġel kellu siġra tat-​tin imħawla fl-​għalqa tad-​dwieli tiegħu, u mar ifittex il-​frott fiha, imma ma sab xejn. Imbagħad qal lil dak li kien jiħodlu ħsieb id-​dwieli, ‘Ili tliet snin niġi nfittex il-​frott f’din is-​siġra tat-​tin, imma qatt ma sibt. Qaċċatha! Għala għandha tibqaʼ tħalli l-​art moħlija?’ Dak wieġeb u qallu, ‘Mgħallem, ħalliha għal din is-​sena wkoll, sakemm inħaffer madwarha u nitfgħalha d-​demel; u jekk imbagħad fil-​futur tagħmel il-​frott, tajjeb; imma jekk le, qaċċatha.’”—Luqa 13:6-​9.

Ġesù ilu iktar minn tliet snin jipprova jikkultiva l-​fidi tal-​Lhud. Però, ftit biss saru dixxipli u jistgħu jitqiesu bħala l-​frott taʼ xogħlu. Issa, fir-​rabaʼ sena tal-​ministeru tiegħu, hu qed iżid l-​isforzi tiegħu. Hu bħallikieku qed iħaffer madwar is-​siġra tat-​tin Lhudija u jagħtiha l-​fertilizzant billi jipprietka u jgħallem fil-​Lhudija u l-​Perija. X’inhuma r-​riżultati? Numru żgħir biss taʼ Lhud jilqgħu l-​messaġġ tiegħu. Bħala ġens, huma jirrifjutaw li jindmu u għalhekk se jinqerdu.

Ftit wara, fis-​Sabat, jerġaʼ jidher ċar kemm il-​biċċa l-​kbira tan-​nies ma jridux jagħtu widen lil Ġesù. Waqt li qed jgħallem f’sinagoga, hu jara lil waħda mara li, minħabba l-​influwenza taʼ demonju, ilha 18-​il sena mgħawġa ganċ. Ġesù juriha ħniena billi jgħidilha: “Mara, int meħlusa mid-​dgħjufija tiegħek.” (Luqa 13:12) Ġesù jpoġġi jdejh fuqha, u hi mill-​ewwel tiddritta u tibda tfaħħar lil Alla.

Dan jirrabja lill-​uffiċjal li jippresiedi fis-​sinagoga, li jgħid: “Hemm sitt ijiem li fihom għandu jsir ix-​xogħol; għalhekk, fihom ejjew tfejqu, u mhux f’jum is-​Sabat.” (Luqa 13:14) Dan l-​uffiċjal mhuwiex qed jiċħad il-​fatt li Ġesù għandu l-​qawwa li jfejjaq; minflok, hu qed jikkundanna lin-​nies talli qed jiġu biex jiġu mfejqin fis-​Sabat! Ġesù jwieġeb b’raġunar sod: “Ipokriti, ma jħollx kull wieħed minnkom f’jum is-​Sabat il-​barri jew il-​ħmar tiegħu mill-​istalla u jieħdu biex jisqih? Allura, ma kienx wasal iż-​żmien għal din il-​mara li hi bint Abraham u li Satana żammha marbuta, ara, għal tmintax-​il sena, li tinħall minn dan l-​irbit f’jum is-​Sabat?”—Luqa 13:15, 16.

L-​opponenti jistħu, imma l-​folol jifirħu ħafna minħabba l-​affarijiet meraviljużi li qed jaraw lil Ġesù jwettaq. Imbagħad hawnhekk fil-​Lhudija, Ġesù jirripeti żewġ tixbihat profetiċi dwar is-​Saltna, li kien qal qabel minn fuq dgħajsa fil-​Baħar tal-​Galilija.—Mattew 13:31-​33; Luqa 13:18-​21.