KAPITLU 70
Ġesù jfejjaq raġel li twieled agħma
-
JIĠI MFEJJAQ TALLAB AGĦMA MIT-TWELID
Ġesù għadu Ġerusalemm fis-Sabat. Hekk kif hu u d-dixxipli tiegħu jkunu mexjin fil-belt, jaraw tallab li ilu agħma mit-twelid. Id-dixxipli jistaqsu lil Ġesù: “Rabbi, min dineb, dan ir-raġel jew il-ġenituri tiegħu, biex twieled agħma?”—Ġwanni 9:2.
Id-dixxipli jafu li r-raġel m’għandux ruħ inviżibbli li eżistiet qabel ma twieled, imma huma forsi jridu jkunu jafu jekk xi ħadd jistax jidneb waqt li jkun għadu fil-ġuf t’ommu. Ġesù jwieġeb: “La dan ir-raġel ma dineb u lanqas il-ġenituri tiegħu, imma dan ġara sabiex fil-każ tiegħu jintwerew l-għemejjel t’Alla.” (Ġwanni 9:3) Allura la dan ir-raġel u lanqas il-ġenituri tiegħu ma kienu ħatjin taʼ xi żball jew dnub speċifiku li minħabba fih twieled agħma. Minflok, minħabba d-dnub t’Adam, il-bnedmin kollha jitwieldu imperfetti u mhumiex ħelsien mid-difetti, bħan-nuqqas taʼ dawl. Imma l-fatt li dan ir-raġel hu agħma jagħti opportunità lil Ġesù biex juri l-għemejjel t’Alla, bħalma għamel drabi oħra meta fejjaq lin-nies mill-mard tagħhom.
Ġesù jenfasizza li dawn l-għemejjel huma urġenti. “Irridu nwettqu l-għemejjel taʼ dak li bagħatni waqt li hu bi nhar” jgħid hu. “Ġej il-lejl meta ebda bniedem ma jkun jistaʼ jaħdem. Sakemm qiegħed fid-dinja, jien id-dawl tad-dinja.” (Ġwanni 9:4, 5) Iva, il-mewt taʼ Ġesù dalwaqt se titfgħu ġod-dlam tal-qabar fejn ma jkun jistaʼ jagħmel xejn. Sadanittant, hu sors taʼ tidwil għad-dinja.
Imma Ġesù se jfejqu lir-raġel, u jekk iva, kif? Ġesù jobżoq fl-art u bil-bżieq jagħmel it-tajn. Ipoġġi ftit minnu fuq għajnejn ir-raġel agħma u jgħid: “Mur inħasel fl-għadira taʼ Silogħam.” (Ġwanni 9:7) Ir-raġel jobdih. Meta jagħmel dan, hu jibda jara! Immaġina kemm hu ferħan hekk kif jara għall-ewwel darba f’ħajtu!
Ġirien u oħrajn li kienu jafu lil dan ir-raġel agħma jibqgħu mbellhin. “Dan mhux ir-raġel li kien joqgħod bil-qiegħda jittallab?” jistaqsu huma. “Dan hu,” iwieġbu xi wħud. Imma oħrajn ma jistgħux jemmnu ’l għajnejhom u jgħidu: “Le mhux hu, imma jixbhu.” Ir-raġel innifsu jgħid: “Jien hu.”—Ġwanni 9:8, 9.
Għalhekk, huma jistaqsuh: “Allura, kif infetħulek għajnejk?” Hu jwiġibhom: “Ir-raġel li jgħidulu Ġesù għamel it-tajn, poġġihuli fuq għajnejja, u qalli, ‘Mur Silogħam u nħasel.’ Għalhekk, mort u nħsilt u ksibt id-dawl.” Huma mbagħad jistaqsu: “Fejn hu dak ir-raġel?” It-tallab iwieġeb: “Ma nafx.”—Ġwanni 9:10-12.
In-nies jieħdu lir-raġel għand il-Fariżej, li anki huma jridu jkunu jafu kif ġie jara. Hu jgħidilhom: “Poġġa t-tajn fuq għajnejja, u nħsilt u ġejt nara.” Kienet tkun ħaġa naturali kieku l-Fariżej Ġwanni 9:15, 16) Allura mhumiex tal-istess fehma.
qabdu jifirħu mat-tallab imfejjaq. Imma minflok, xi wħud minnhom jikkundannaw lil Ġesù. Huma jgħidu: “Dan ir-raġel mhux ġej minn Alla, għax ma josservax is-Sabat.” Jerġaʼ oħrajn jgħidu: “Kif jistaʼ raġel midneb iwettaq sinjali bħal dawn?” (B’dawn l-opinjonijiet differenti, huma jduru fuq ir-raġel li issa jistaʼ jara u jistaqsuh: “X’tgħid dwaru, peress li fetaħlek għajnejk?” Hu m’għandu l-ebda dubju dwar Ġesù u jgħidilhom: “Hu profeta.”—Ġwanni 9:17.
Il-Lhud jirrifjutaw li jemmnu dan. Huma għandhom mnejn jaħsbu li hemm xi konfoffa bejn Ġesù u dan ir-raġel biex iqarrqu bin-nies. Huma jikkonkludu li mod kif jissetiljaw il-kwistjoni hu billi jistaqsu lill-ġenituri tat-tallab jekk verament kienx agħma.