Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 76

Jiekol maʼ Fariżew

Jiekol maʼ Fariżew

LUQA 11:37-​54

  • ĠESÙ JIKKUNDANNA L-​FARIŻEJ IPOKRITI

Waqt li qiegħed il-​Lhudija, Ġesù jaċċetta stedina biex imur jiekol għand Fariżew. X’aktarx li hi ikla matul il-​ġurnata u mhux filgħaxija. (Luqa 11:37, 38; qabbel Luqa 14:12.) Qabel ma jieklu, il-​Fariżej għandhom id-​drawwa li jaħslu jdejhom sal-​minkeb. Imma Ġesù ma jagħmilx hekk. (Mattew 15:1, 2) Li jaħslu jdejhom sal-​minkeb mhijiex xi ħaġa li tmur kontra l-​Liġi t’Alla, imma lanqas mhi xi ħaġa li Alla jirrikjedi.

Il-​Fariżew jissorprendi ruħu meta jara li Ġesù ma jsegwix din it-​tradizzjoni. Ġesù jinduna b’dan u jgħid: “Issa intom il-​Fariżej tnaddfu t-​tazza u l-​platt minn barra, imma minn ġewwa intom mimlijin serq u ħażen. Nies bla raġuni! Dak li għamel in-​naħa taʼ barra m’għamilx il-​ġewwieni wkoll?”—Luqa 11:39, 40.

Il-​kwistjoni mhijiex li jkollok idejk nodfa qabel ma tiekol, imma hi l-​ipokrisija reliġjuża. Il-​Fariżej u oħrajn li bħala drawwa reliġjuża jaħslu jdejhom jonqsu milli jnaddfu qlubhom mill-​ħażen. Allura Ġesù jagħtihom dan il-​parir: “Agħtu bħala għotjiet taʼ ħniena dak li hu minn ġewwa, u, ara, kollox ikun nadif għalikom.” (Luqa 11:41) Kemm hu minnu dan! L-​għoti għandu jiġi mill-​qalb, mhux minn xewqa li timpressjona lil oħrajn biex turi li taparsi int ġust.

Il-​problema mhijiex li dawn l-​irġiel ma jagħtux. Ġesù jgħid: “Intom tagħtu l-​għexur tan-​nagħniegħ u tal-​fejġel u taʼ kull ħaxixa oħra, imma ma tagħtux kas il-​ġustizzja u l-​imħabba t’Alla! Dawn l-​affarijiet kontu obbligati li tagħmlu, waqt li ma tħallux barra dawk l-​affarijiet l-​oħra.” (Luqa 11:42) Il-​Liġi t’Alla kienet titlob li jingħataw l-​għexur (parti minn kull għaxra) tal-​prodotti tar-​rabaʼ. (Dewteronomju 14:22) Dan inkluda n-​nagħniegħ u l-​fejġel, ħxejjex li jintużaw biex jagħtu t-​togħma lill-​ikel. Il-​Fariżej kienu jaraw li jħallsu sal-​iċken wieħed minn kull għaxra taʼ dawn il-​ħxejjex, imma xi ngħidu għall-​ħtiġijiet iktar importanti tal-​Liġi, bħal li jkunu ġusti u modesti quddiem Alla?—Mikea 6:8.

Ġesù jkompli biex jgħid: “Gwaj għalikom Fariżej, għax intom tħobbu s-​siġġijiet taʼ quddiem fis-​sinagogi u t-​tislim fis-​swieq! Gwaj għalikom, għax intom bħal dawk l-​oqbra tat-​tifkira li ma jidhrux u li n-​nies jimxu fuqhom bla ma jindunaw!” (Luqa 11:43, 44) Iva, xi ħadd setaʼ jirfes xi qabar bħal dan bla ma jinduna u b’hekk ma jkunx nadif taħt il-​Liġi Mosajka. Ġesù juża dan il-​fatt biex jenfasizza li n-​nuqqas taʼ ndafa tal-​Fariżej ma jagħtix fl-​għajn.—Mattew 23:27.

Wieħed raġel li hu midħla sew tal-​Liġi t’Alla jilmenta: “Għalliem, meta tgħid dan tkun qed tinsulta lilna wkoll.” Imma rġiel bħal dawn jeħtieġu jirrikonoxxu li mhumiex qed jgħinu lin-​nies. Ġesù jgħid: “Gwaj għalikom ukoll intom li tafu l-​Liġi, għax tgħabbu lin-​nies b’tagħbijiet tqal biex iġorruhom, imma intom ma tmissux dawn it-​tagħbijiet b’sabaʼ wieħed! Gwaj għalikom, għax intom tibnu l-​oqbra tat-​tifkira tal-​profeti, imma missirijietkom qatluhom!”—Luqa 11:45-​47.

It-​tagħbijiet li qed jirreferi għalihom Ġesù huma t-​tradizzjonijiet u l-​mod kif il-​Fariżej jinterpretaw il-​Liġi. Dawn l-​irġiel mhumiex qed jagħmlu l-​ħajja faċli għan-​nies. Minflok, huma jinsistu li kulħadd għandu jerfaʼ dawn it-​tagħbijiet tqal. L-​antenati tagħhom qatlu lill-​profeti t’Alla, minn Abel ’il quddiem. Issa dawn, li taparsi qed jonoraw lill-​profeti billi jibnulhom l-​oqbra, qed jimitaw l-​attitudni u l-​azzjonijiet taʼ missirijiethom. Saħansitra qed jipprovaw joqtlu l-​akbar Profeta t’Alla. Ġesù jgħid li Alla se jitlob kont minn din il-​ġenerazzjoni. U dan sar realtà xi 38 sena wara, fis-​sena 70 WK.

Ġesù jkompli: “Gwaj għalikom intom li tafu l-​Liġi, għax ħadtu l-​muftieħ taʼ l-​għarfien; intom stess ma dħaltux, u lil min kien dieħel fixkiltuh!” (Luqa 11:52) Dawn l-​irġiel, li suppost qed jgħallmu l-​Kelma t’Alla, minflok qed jisirqu l-​opportunità li għandhom in-​nies biex isiru jafuha u jifhmuha.

Kif jirreaġixxu l-​Fariżej u l-​iskribi? Hekk kif Ġesù jkun sejjer, jibdew jopponuh bir-​rabja u jattakkawh bil-​mistoqsijiet. Mhumiex qed jistaqsuh għax jixtiequ jitgħallmu. Minflok, iridu jipprovaw iġiegħlu lil Ġesù jgħid xi ħaġa biex jarrestawh fuqha.