Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 78

Kun dejjem għal-lest, prokuratur leali!

Kun dejjem għal-lest, prokuratur leali!

LUQA 12:35-​59

  • IL-​PROKURATUR LEALI GĦANDU JKUN DEJJEM GĦAL-​LEST

  • ĠESÙ JIĠI BIEX IĠIB FIRDA

Ġesù spjega li “merħla żgħira” biss se tingħata post fis-​Saltna tas-​smewwiet. (Luqa 12:32) Imma li jirċievu dan il-​premju meraviljuż mhijiex xi ħaġa li għandha tittieħed ħafif ħafif. Infatti, hu jkompli billi jenfasizza kemm se jkun importanti li individwu jkollu attitudni xierqa biex ikun parti mis-​Saltna.

Għalhekk, Ġesù jħeġġeġ lid-​dixxipli tiegħu biex jibqgħu jistennew ir-​ritorn tiegħu. Hu jgħid: “Ħa jkunu ġenbejkom imħażżmin u l-​imsiebaħ tagħkom mixgħulin, u intom kunu bħal nies li jistennew lil sidhom meta jiġi lura mit-​tieġ, biex malli jasal u jħabbat ikunu jistgħu jiftħulu minnufih. Henjin dawk l-​ilsiera li meta jasal is-​sid isibhom jgħassu!”—Luqa 12:35-​37.

Mhuwiex diffiċli għad-​dixxipli biex jifhmu l-​attitudni li Ġesù qed jiddeskrivi. L-​ilsiera li jsemmi qegħdin għassa u qed jistennew il-​wasla taʼ sidhom. Ġesù jispjega: ‘Jekk [is-​sid] jasal fit-​tieni għassa [bejn id-​disgħa taʼ filgħaxija u nofsillejl] jew fit-​tielet għassa [bejn nofsillejl u madwar it-​tlieta taʼ filgħodu] u jsibhom jgħassu, henjin huma!’—Luqa 12:38.

Dan mhuwiex sempliċement parir biex wieħed ikun ilsir, jew ħaddiem, bieżel fid-​dar. Dan jidher ċar mill-​mod kif Ġesù, Bin il-​bniedem, idaħħal lilu nnifsu fit-​tixbiha. Hu jgħid lid-​dixxipli tiegħu: “Intom ukoll, kunu dejjem għal-​lest, għax f’siegħa li ma tobsruhiex ġej Bin il-​bniedem.” (Luqa 12:40) Allura f’xi żmien fil-​futur, Ġesù se jiġi. Hu jrid li s-​segwaċi tiegħu—partikularment dawk tal-​“merħla żgħira”—ikunu għal-​lest.

Pietru jrid jifhem b’mod ċar x’qed jgħid Ġesù, allura jistaqsi: “Mulej, din it-​tixbiha qed tgħidha għalina jew ukoll għal kulħadd?” Minflok ma jwieġeb lil Pietru direttament, Ġesù jirrakkonta tixbiha oħra: “Min hu tassew il-​prokuratur leali, l-​għaqli, li sidu jaħtru fuq il-​ġemgħa taʼ qaddejja tiegħu biex jibqaʼ jagħtihom is-​sehem tagħhom taʼ l-​ikel fiż-​żmien xieraq? Hieni dak l-​ilsir li sidu, meta jasal, isibu jagħmel hekk! Ngħidilkom il-​verità, Hu jaħtru fuq kulma għandu.”—Luqa 12:41-​44.

Fl-​ewwel tixbiha, “is-​sid” b’mod ċar jirreferi għal Ġesù, Bin il-​bniedem. B’mod loġiku, “il-​prokuratur leali” jinkludi rġiel li huma parti mill-​“merħla żgħira” u li se jingħataw is-​Saltna. (Luqa 12:32) Hawnhekk Ġesù qed jgħid li ċerti membri taʼ dan il-​grupp se jagħtu lill-​“ġemgħa taʼ qaddejja tiegħu” “l-​ikel fiż-​żmien xieraq.” Allura Pietru u dixxipli oħrajn li Ġesù qed jgħallem u jitmaʼ spiritwalment jistgħu jikkonkludu li fil-​futur se jkun hemm perijodu li fih se jiġi Bin il-​bniedem. U f’dan il-​perijodu, se jkun hemm arranġament biex is-​segwaċi taʼ Ġesù, “il-​ġemgħa taʼ qaddejja” tas-​Sid, jiġu mitmugħin spiritwalment.

Ġesù jenfasizza b’mod ieħor għala d-​dixxipli tiegħu jridu jibqgħu għassa u joqogħdu attenti għall-​attitudni tagħhom. Dan għaliex dak li jkun jistaʼ jsir traskurat u saħansitra jasal sal-​punt li jopponi lil ħutu: “Imma jekk xi darba dak l-​ilsir jgħid f’qalbu, ‘Sidi se jdum ma jiġi,’ u jibda jsawwat lill-​qaddejja rġiel u nisa, u jiekol u jixrob u jisker, jiġi sid dak l-​ilsir f’jum li ma jkunx qed jistennieh u f’siegħa li ma jafhiex, u jikkastigah bl-​akbar ħruxija u jagħtih sehmu maʼ dawk li m’humiex leali.”—Luqa 12:45, 46.

Ġesù jgħid li hu ‘ġie jqabbad nar fuq l-​art.’ U hekk għamel billi qajjem kwistjonijiet li wasslu għal kontroversja taħraq u li ġabu t-​tagħlim falz u t-​tradizzjonijiet fix-​xejn. Dan saħansitra jifred lil individwi li s-​soltu jkunu magħqudin, iġib “il-​missier kontra l-​iben u l-​iben kontra l-​missier, l-​omm kontra bintha u l-​bint kontra ommha, il-​kunjata kontra mart binha u l-​mara tat-​tifel kontra l-​kunjata tagħha.”—Luqa 12:49, 53.

Dawn il-​kummenti kienu l-​iktar għad-​dixxipli tiegħu. Imbagħad Ġesù jdur lejn il-​folol. Il-​biċċa l-​kbira min-​nies b’ras iebsa rrifjutaw li jaċċettaw l-​evidenza li hu l-​Messija, allura jgħidilhom: “Meta taraw sħaba tielgħa mill-​punent, mill-​ewwel tgħidu, ‘Ġejja maltempata,’ u hekk jiġri. U meta taraw li qed jonfoħ riħ isfel, tgħidu, ‘Se jkollna mewġa taʼ sħana kbira,’ u hekk jiġri. Ipokriti, tafu teżaminaw kif jidhru minn barra l-​art u s-​sema, imma kif ma tafux teżaminaw dan iż-​żmien partikulari?” (Luqa 12:54-​56) Jidher ċar li mhumiex għal-​lest.