Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 77

Ġesù jagħti pariri dwar l-għana materjali

Ġesù jagħti pariri dwar l-għana materjali

LUQA 12:1-​34

  • IT-​TIXBIHA TAR-​RAĠEL GĦANI

  • ĠESÙ JITKELLEM DWAR IĊ-​ĊAWLUNI U L-​ĠILJI

  • “MERĦLA ŻGĦIRA” SE TIRET IS-​SALTNA

Hekk kif Ġesù jiekol fid-​dar tal-​Fariżew, eluf jinġabru barra jistennewh. Fil-​Galilija hu kellu esperjenzi simili mal-​folol. (Marku 1:33; 2:2; 3:9) Hawnhekk fil-​Lhudija, ħafna jridu jarawh u jisimgħuh, u b’hekk juru attitudni differenti mhux ħażin minn dik tal-​Fariżej fl-​ikla.

Dak li Ġesù jgħid l-​ewwel għandu tifsir speċjali għad-​dixxipli tiegħu: “Oqogħdu attenti mill-​ħmira tal-​Fariżej, li hi l-​ipokrisija.” Ġesù ta din it-​twissija qabel, imma dak li ra waqt l-​ikla juri kemm dan il-​parir hu urġenti. (Luqa 12:1; Marku 8:15) Il-​Fariżej għandhom mnejn jipprovaw jaħbu l-​ħażen tagħhom billi jagħtu l-​impressjoni li huma devoti, imma n-​nies jeħtieġu jkunu jafu li dawn huma perikolużi. Ġesù jispjega: “M’hemm xejn moħbi bil-​għaqal li ma jiġix rivelat, u sigriet li ma jsirx magħruf.”—Luqa 12:2.

Forsi ħafna minn dawk li qed jiffollaw madwar Ġesù huma Lhud li ma semgħuhx jgħallem il-​Galilija. Għalhekk, hu jirripeti punti prinċipali li kien qal qabel. Hu jħeġġeġ lil dawk kollha li qed jisimgħuh: “Tibżgħux minn dawk li joqtlu l-​ġisem u mbagħad ma jkunu jistgħu jagħmlu xejn iktar.” (Luqa 12:4) Bħalma diġà għamel, hu jenfasizza l-​bżonn li s-​segwaċi tiegħu jafdaw li Alla se jieħu ħsiebhom. Hemm bżonn ukoll li jirrikonoxxu lil Bin il-​bniedem u jagħrfu li Alla jistaʼ jgħinhom.—Mattew 10:19, 20, 26-​33; 12:31, 32.

Imbagħad raġel fil-​folla jgħid dak li għandu fuq moħħu dak il-​ħin: “Għalliem, għid lil ħija jaqsam il-​wirt miegħi.” (Luqa 12:13) Il-​Liġi tgħid li l-​ewwel iben imwieled jirċievi żewġ partijiet mill-​wirt, allura m’għandu jkun hemm ebda tilwima. (Dewteronomju 21:17) Iżda jidher li dan ir-​raġel ma jridx biss is-​sehem legali tiegħu. Ġesù b’mod għaqli jirrifjuta li jżomm maʼ naħa jew oħra. Hu jistaqsi: “Raġel, min ħatarni mħallef fuqkom jew qabbadni naqsmilkom ġidkom bejnietkom?”—Luqa 12:14.

Ġesù mbagħad jagħti din it-​twissija lil kulħadd: “Żommu għajnejkom miftuħin u għassu kontra kull xenqa b’għira, għax anki meta wieħed ikollu bl-​abbundanza, ħajtu ma tiddependix minn dak li għandu.” (Luqa 12:15) Ikun kemm ikun għani raġel, xi darba jew oħra dan se jmut u jħalli kollox warajh. Ġesù jenfasizza dan il-​punt b’tixbiha memorabbli li turi wkoll il-​valur taʼ li jkollok isem tajjeb m’Alla:

“Ir-​rabaʼ taʼ wieħed għani pproduċa ħafna. Għaldaqstant beda jirraġuna f’qalbu u jgħid, ‘X’se nagħmel, issa li m’għandix fejn niġbor il-​prodotti tiegħi?’ Għalhekk qal, ‘Nagħmel hekk: Inħott l-​imħażen tiegħi u nibni oħrajn akbar, u hemmhekk niġbor il-​qamħ u l-​ġid kollu tiegħi; u ngħid lil ruħi: “Ruħ, għandek ħafna ġid maħżun għal ħafna snin; strieħ, kul, ixrob, u gawdi.”’ Imma Alla qallu, ‘Ja iblah! Dan il-​lejl jitolbuk ruħek. Min, mela, se jiħodhom l-​affarijiet li ħżint?’ Hekk jiġrilu min jaħżen teżor għalih innifsu imma ma jkunx għani m’Alla.”—Luqa 12:16-​21.

Kemm id-​dixxipli taʼ Ġesù kif ukoll l-​oħrajn li qed jisimgħuh jistgħu jinqabdu fin-​nassa taʼ li jfittxu l-​għana jew taʼ li jaħżnu l-​ġid. Barra minn hekk, l-​ansjetajiet tal-​ħajja jistgħu jfixkluhom milli jaqdu lil Ġeħova. Allura Ġesù jirripeti l-​parir mill-​aqwa li qal xi sena u nofs qabel fil-​Prietka taʼ fuq il-​Muntanja:

“Tibqgħux tkunu ansjużi dwar ħajjitkom rigward x’se tieklu jew dwar ġisimkom rigward x’se tilbsu. . . . Innotaw li ċ-​ċawluni la jiżirgħu żerriegħa u lanqas jaħsdu, u la għandhom matmura u lanqas maħżen, iżda Alla jitmagħhom. Kemm tiswew iktar intom mill-​għasafar? . . . Innotaw kif jikbru l-​ġilji; dawn la jitħabtu u lanqas jinsġu; imma ngħidilkom, Lanqas saħansitra Salamun fil-​glorja kollha tiegħu ma kien imżejjen bħal wieħed minnhom. . . . Għalhekk, tibqgħux tfittxu x’se tieklu u x’se tixorbu, u tibqgħux tkunu ansjużi u dubjużi . . . Missierkom jaf li teħtieġu dawn l-​affarijiet. . . . Fittxu kontinwament is-​saltna tiegħu, u dawn l-​affarijiet jiżdidulkom.”—Luqa 12:22-​31; Mattew 6:25-​33.

Min se jfittex is-​Saltna t’Alla? Ġesù jirrivela li ftit bnedmin leali, “merħla żgħira,” se jagħmlu hekk. Iktar tard se jsir magħruf li dawn jgħoddu biss 144,000. X’hemm maħżun għalihom? Huma għandhom l-​assiguranza taʼ Ġesù: “Missierkom approva li jagħtikom is-​saltna.” Dawn mhumiex se jiffokaw fuq li jkollhom teżori fuq l-​art, li jistgħu jinsterqu. Minflok, qalbhom se tkun marbuta maʼ “teżor fis-​smewwiet li qatt ma jfalli.” Hemmhekk huma se jsaltnu maʼ Kristu.—Luqa 12:32-​34.