Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 98

L-appostli jerġgħu jfittxu l-prominenza

L-appostli jerġgħu jfittxu l-prominenza

MATTEW 20:17-​28 MARKU 10:32-​45 LUQA 18:31-​34

  • ĠESÙ JERĠAʼ JBASSAR MEWTU

  • JITTRATTA MAX-​XEWQA TAL-​APPOSTLI GĦALL-​PROMINENZA

Hekk kif Ġesù u d-​dixxipli tiegħu jkomplu jivvjaġġaw lejn in-​Nofsinhar tal-​Perija fi triqithom lejn Ġerusalemm, huma jaqsmu x-​Xmara Ġordan ħdejn Ġeriko. Oħrajn qed jivvjaġġaw magħhom għall-​Qbiż tas-​sena 33 WK.

Ġesù qed jimxi quddiem id-​dixxipli għax hu determinat li jasal il-​belt fil-​ħin għall-​Qbiż. Imma d-​dixxipli qed jibżgħu. Iktar kmieni, meta Ġesù mill-​Perija ried imur il-​Lhudija minħabba li miet Lazzru, Tumas qal lill-​oħrajn: “Ejjew immorru aħna wkoll, biex immutu miegħu.” (Ġwanni 11:16, 47-​53) Allura hu perikoluż għalihom li jmorru Ġerusalemm, u nistgħu nifhmu għala d-​dixxipli qed jibżgħu.

Biex iħejji lill-​appostli għal dak li kien ġej, Ġesù jkellimhom waħedhom u jgħidilhom: “Aħna telgħin Ġerusalemm, u Bin il-​bniedem se jingħata f’idejn il-​qassisin ewlenin u l-​iskribi, u dawn jikkundannawh għall-​mewt, u jagħtuh f’idejn in-​nies tal-​ġnus biex jiżżuffjettaw bih u jsawtuh u jsammruh maʼ zokk, u fit-​tielet jum jiġi mqajjem.”—Mattew 20:18, 19.

Din it-​tielet darba li Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu dwar il-​mewt u l-​irxoxt tiegħu. (Mattew 16:21; 17:22, 23) Madankollu, din id-​darba jgħidilhom li se jmut fuq zokk. Huma għalkemm jisimgħu x’qed jgħid ma jifhmux xi jrid ifisser. Forsi huma qed jistennew li s-​saltna t’Iżrael se tiġi restawrata fuq l-​art, peress li huma jridu jgawdu l-​glorja u l-​unur f’saltna fuq l-​art maʼ Kristu.

Omm l-​appostli Ġakbu u Ġwanni, li milli jidher hi Salomè, hi fost dawk li qed jivvjaġġaw magħhom. Ġesù ta lil dawn iż-​żewġ appostli isem li jfisser “Ulied ir-​Ragħad,” bla dubju minħabba li huma żbukkati. (Marku 3:17; Luqa 9:54) Għal xi żmien, dawn it-​tnejn kellhom ix-​xewqa li jkunu prominenti fis-​Saltna taʼ Kristu. Ommhom taf b’din ix-​xewqa, u allura issa hi tersaq lejn Ġesù għan-​nom tagħhom, tmil quddiemu, u titolbu pjaċir. Ġesù jwieġeb: “Xi trid?” Hi tgħidlu: “Ordna li dawn iż-​żewġ uliedi joqogħdu bil-​qiegħda, wieħed fuq il-​lemin tiegħek u l-​ieħor fuq ix-​xellug, fis-​saltna tiegħek.”—Mattew 20:20, 21.

Din it-​talba fil-​fatt ġejja mingħand Ġakbu u Ġwanni. Minħabba li għadu kemm qalilhom dwar l-​għajb u l-​umiljazzjoni li se jġarrab, Ġesù jgħidilhom: “Ma tafux x’qed titolbu. Tistgħu tixorbu l-​kies li dalwaqt nixrob jien?” Huma jwiġbuh: “Nistgħu.” (Mattew 20:22) Xorta waħda, huma x’aktarx li ma jifhmux bis-​sħiħ xi jfisser dan għalihom.

Minkejja dan, Ġesù jgħidilhom: “Tassew li se tixorbu l-​kies tiegħi, imma li toqogħdu bil-​qiegħda fuq il-​lemin u fuq ix-​xellug tiegħi ma nistax nagħtih jien, imma hu taʼ dawk li tħejja għalihom minn Missieri.”—Mattew 20:23.

L-​għaxar appostli l-​oħra tgħidx kemm jirrabjaw meta jisimgħu dwar it-​talba taʼ Ġakbu u Ġwanni. Jistaʼ jagħti l-​każ li Ġakbu u Ġwanni kienu minn taʼ quddiem fl-​argument li kellhom l-​appostli iktar qabel dwar min hu l-​akbar fosthom? (Luqa 9:46-​48) Kienu jew ma kinux, it-​talba li qed jagħmlu issa tikxef li t-​Tnax m’applikawx il-​parir li tahom Ġesù biex iġibu ruħhom bħal wieħed mill-​iżgħar. Ix-​xewqa tagħhom għall-​prominenza ma naqsitx.

Ġesù jiddeċiedi li jittratta maʼ din il-​kwistjoni li nqalgħet u d-​diżgwid li ġabet magħha. Hu jsejjaħ lit-​Tnax flimkien u bi mħabba jwiddibhom billi jgħid: “Intom tafu li dawk li jidhru li qed jaħkmu lill-​ġnus jiddominawhom u l-​kbarat tagħhom għandhom awtorità fuqhom. Dan m’għandux ikun fostkom; imma kulmin irid isir kbir fostkom irid ikun il-​qaddej tagħkom, u kulmin irid ikun l-​ewwel fostkom irid ikun l-​ilsir taʼ kulħadd.”—Marku 10:42-​44.

Ġesù jsemmi l-​eżempju li għandhom jimitaw—l-​eżempju tiegħu. Hu jispjega: “Bin il-​bniedem ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u jagħti ruħu b’fidwa għal ħafna.” (Mattew 20:28) Ġesù issa ilu xi tliet snin jaqdi lil oħrajn. U dan se jkompli jagħmlu saħansitra sal-​punt li jmut għall-​umanità! Id-​dixxipli għandhom bżonn din l-​istess attitudni bħal taʼ Kristu, jiġifieri li jkunu jridu jaqdu minflok ma jiġu moqdijin, li jkunu bħal wieħed mill-​iżgħar minflok ma jkollhom pożizzjoni taʼ prominenza.