Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 94

Żewġ ħtiġijiet kbar—It-talb u l-umiltà

Żewġ ħtiġijiet kbar—It-talb u l-umiltà

LUQA 18:1-​14

  • IT-​TIXBIHA TAL-​ARMLA PERSISTENTI

  • IL-​FARIŻEW U L-​KOLLETTUR TAT-​TAXXI

Ġesù diġà qal lid-​dixxipli tiegħu tixbiha dwar il-​persistenza fit-​talb. (Luqa 11:5-​13) Issa forsi qiegħed is-​Samarija jew il-​Galilija, u għal darb’oħra jenfasizza l-​bżonn li ma jaqtgħux qalbhom fit-​talb. Dan jagħmlu b’tixbiha oħra:

“F’ċerta belt kien hemm imħallef li la kien jibżaʼ minn Alla u lanqas jirrispetta lill-​bniedem. U f’dik il-​belt kien hemm ukoll armla li kienet tmur għandu u tgħidlu, ‘Ara li ssir ġustizzja miegħi fil-​kawża maʼ l-​avversarju tiegħi.’ Għal xi żmien hu ma riedx, imma wara qal f’qalbu, ‘Għalkemm la nibżaʼ minn Alla u lanqas nirrispetta lill-​bniedem, minħabba l-​fatt li din l-​armla se tibqaʼ tħabbatni, nara li ssirilha ġustizzja, biex ma tibqax tiġi tiħodli rasi.’”—Luqa 18:2-​5.

Ġesù japplika din it-​tixbiha billi jgħid: “Isimgħu x’qal l-​imħallef, għalkemm ma kienx raġel sewwa! Ċertament, mela, sejjer Alla ma jġegħelx li ssirilhom ġustizzja lill-​magħżulin tiegħu li jgħajtulu lejl u nhar, għalkemm idum juri sabar magħhom?” (Luqa 18:6, 7) B’dan il-​kliem Ġesù x’qed jindika dwar Missieru?

Ġesù żgur li ma jridx ifisser li Alla Ġeħova hu bħal dan l-​imħallef li mhuwiex raġel sewwa. Il-​punt tiegħu jinvolvi kuntrast: Jekk saħansitra mħallef uman mhux sewwa jwieġeb għal talb persistenti, Alla bla dubju taʼ xejn se jagħmel l-​istess. Hu ġust u tajjeb u se jwieġeb jekk in-​nies tiegħu ma jaqtgħux qalbhom meta jitolbuh. Dan nistgħu narawh minn dak li Ġesù jżid jgħid: “Ngħidilkom, [Alla] jġiegħel li ssirilhom ġustizzja malajr.”—Luqa 18:8.

In-​nies komuni u foqra spiss ma jintwerewx ġustizzja, filwaqt li s-​setgħanin u l-​għonja spiss jiġu preferuti. Imma Alla ma jagħmilx hekk. Meta jkun il-​waqt, hu se jara li l-​ħżiena jiġu kastigati u li l-​qaddejja tiegħu jirċievu l-​ħajja taʼ dejjem.

Min għandu fidi bħal dik tal-​armla? Kemm hawn li tassew jemmnu li Alla se “jġiegħel li ssirilhom ġustizzja malajr”? Ġesù għadu kemm ta tixbiha dwar il-​bżonn li nippersistu fit-​talb. Issa, dwar il-​fidi fil-​qawwa tat-​talb, hu jistaqsi: “Meta jasal Bin il-​bniedem, veru jsib il-​fidi fuq l-​art?” (Luqa 18:8) Hu qed jagħti x’jifhem li fidi bħal din forsi mhux se tkun daqshekk komuni meta jasal Kristu.

Xi wħud minn dawk li qed jisimgħu lil Ġesù jħossuhom moħħhom mistrieħ mill-​fidi tagħhom. Huma m’għandhomx dubju li huma nies sewwa, filwaqt li jqisu lil oħrajn bħala li huma inferjuri. Lil uħud bħal dawn, Ġesù jindirizza din it-​tixbiha:

“Żewġt irġiel telgħu fit-​tempju biex jitolbu, wieħed kien Fariżew u l-​ieħor kollettur tat-​taxxi. Il-​Fariżew qam u beda jitlob hekk f’qalbu, ‘O Alla, nirringrazzjak li m’iniex bħall-​bqija tal-​bnedmin, imbroljuni, ma jagħmlux is-​sewwa, adulteri, jew saħansitra bħal dan il-​kollettur tat-​taxxi. Insum darbtejn fil-​ġimgħa, nagħti l-​għexur taʼ dak kollu li nikseb.’”—Luqa 18:10-​12.

Il-​Fariżej huma magħrufin li jħobbu juru kemm huma taparsi nies sewwa fil-​pubbliku. Dan jagħmluh biex jimpressjonaw lil oħrajn. Huma ġeneralment jagħmlu dan is-​sawm, li jimponu fuqhom infushom, it-​Tnejn u l-​Ħamis, il-​ġranet meta jkun hemm swieq kbar u jarawhom ħafna nies. U b’mod skrupluż iħallsu wieħed minn għaxra tal-​iċken ħaxixa. (Luqa 11:42) Ftit xhur qabel, huma esprimew it-​tmaqdir tagħhom għan-​nies komuni billi qalu: “Din il-​folla li ma tafx il-​Liġi [fl-​opinjoni tal-​Fariżej] hi misħuta.”—Ġwanni 7:49.

Ġesù jkompli t-​tixbiha tiegħu: “Imma l-​kollettur tat-​taxxi wieqaf ’il bogħod lanqas ried saħansitra jgħolli għajnejh lejn is-​sema, imma beda jħabbat fuq sidru u jgħid, ‘O Alla, kun ħanin miegħi għax jien midneb.’” Iva, il-​kollettur tat-​taxxi umilment jagħraf in-​nuqqasijiet tiegħu. Ġesù jikkonkludi: “Ngħidilkom, Dan niżel lejn daru magħdud bħala raġel sewwa iktar mill-​ieħor; għax kulmin jitgħolla jiġi umiljat, imma min jumilja ruħu jitgħolla.”—Luqa 18:13, 14.

B’hekk, Ġesù juri b’mod ċar kemm hi importanti l-​umiltà. Dan hu parir siewi għad-​dixxipli tiegħu, li trabbew f’soċjetà li fiha l-​Fariżej ġusti f’għajnejhom stess ipoġġu importanza kbira fuq il-​pożizzjoni u l-​kariga. U dan hu parir tajjeb għas-​segwaċi kollha taʼ Ġesù.