Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 92

Għaxar imġiddmin jiġu mfejqin—Wieħed biss juri gratitudni

Għaxar imġiddmin jiġu mfejqin—Wieħed biss juri gratitudni

LUQA 17:11-​19

  • ĠESÙ JFEJJAQ LIL GĦAXAR IMĠIDDMIN

Ġesù jfixkel il-​pjanijiet tas-​Sinedriju biex joqtluh billi jivvjaġġa lejn il-​belt t’Efrajm, lejn il-​Grigal taʼ Ġerusalemm. Hu jibqaʼ hemmhekk mad-​dixxipli, ’il bogħod mill-​għedewwa tiegħu. (Ġwanni 11:54) Madankollu, qed joqrob iż-​żmien għall-​Qbiż tas-​sena 33 WK, allura Ġesù ma jdumx ma jerġaʼ jerħilha għal post ieħor. Hu jivvjaġġa lejn it-​Tramuntana, jgħaddi mis-​Samarija, u jibqaʼ tielaʼ l-​Galilija. Din se tkun l-​aħħar żjara tiegħu f’dan il-​post qabel ma jmut.

Fil-​bidu tal-​vjaġġ, waqt li Ġesù qed jgħaddi minn raħal għal ieħor, hu jiltaqaʼ m’għaxart irġiel li għandhom il-​ġdiem. F’ċerti każi, din il-​marda tistaʼ twassal għat-​telf taʼ xi parti tal-​ġisem, bħas-​swabaʼ tas-​saqajn u tal-​idejn jew il-​widnejn. (Numri 12:10-​12) Il-​Liġi t’Alla tirrikjedi li l-​imġiddem jgħajjat, “Mhux nadif, mhux nadif!” u li jgħix maqtugħ minn kulħadd.—Levitiku 13:45, 46.

Għalhekk, l-​għaxar imġiddmin jibqgħu ’l bogħod minn Ġesù. Però, b’leħen għoli jgħajtu: “Ġesù, Mgħallem, ikollok ħniena minna!” Xħin jara l-​imġiddmin, Ġesù jgħidilhom: “Morru uru ruħkom lill-​qassisin.” (Luqa 17:13, 14) B’hekk, hu juri rispett għal-​Liġi t’Alla, li tagħti l-​awtorità lill-​qassisin biex jiddikjaraw il-​fejqan taʼ dawk li qabel kienu mġiddmin. Imbagħad ikunu jistgħu jerġgħu jgħixu fost nies f’saħħithom.—Levitiku 13:9-​17.

L-​għaxar imġiddmin għandhom fiduċja sħiħa fil-​qawwa taʼ Ġesù biex ifejjaq. Huma jmorru biex jidhru quddiem il-​qassisin, saħansitra qabel ma jkunu fiequ. Huma u sejrin, il-​fidi tagħhom f’Ġesù tiġi premjata. Jibdew jaraw u jħossu li reġgħu kisbu saħħithom lura!

Disgħa mill-​imġiddmin imfejqin ikomplu fi triqithom. Imma wieħed minnhom le. Dan ir-​raġel, li hu Samaritan, imur lura biex ifittex lil Ġesù. Għala? Ir-​raġel hu grat għall-​aħħar għal dak li Ġesù għamel għalih. Dak li kien imġiddem issa “jigglorifika lil Alla b’leħen għoli,” għax hu jirrealizza li Alla huwa l-​wieħed responsabbli għall-​fejqan tiegħu. (Luqa 17:15) Meta jsib lil Ġesù, jinxteħet fl-​art quddiemu u jirringrazzjah.

Lil dawk taʼ madwaru, Ġesù jgħidilhom: “Mhux għaxra ndafu? Allura, fejnhom id-​disgħa l-​oħra? Ma kien hemm ħadd li dar lura biex jagħti glorja lil Alla ħlief dan ir-​raġel taʼ ġens ieħor?” Imbagħad Ġesù jgħid lis-​Samaritan: “Qum u mur fi triqtek; il-​fidi tiegħek fejqitek.”—Luqa 17:17-​19.

Billi jfejjaq lill-​għaxar imġiddmin, Ġesù juri li għandu l-​appoġġ t’Alla Ġeħova. Issa wieħed minn dawn l-​għaxra mhux biss ġie mfejjaq minn Ġesù, imma x’aktarx li se jikseb il-​ħajja taʼ dejjem. Aħna m’aħniex ngħixu fi żmien meta Alla qed juża lil Ġesù biex iwettaq fejqan bħal dan. Madankollu, jekk ikollna fidi f’Ġesù aħna wkoll nistgħu niksbu l-​ħajja taʼ dejjem. Kif qed nuru li aħna grati għal dan, bħalma għamel dan ir-​raġel Samaritan?