KAPITLU 99
Ġesù jfejjaq lil irġiel għomja u jgħin lil Żakkew
MATTEW 20:29-34 MARKU 10:46-52 LUQA 18:35–19:10
-
ĠESÙ JFEJJAQ LIL IRĠIEL GĦOMJA F’ĠERIKO
-
JINDEM ŻAKKEW IL-KOLLETTUR TAT-TAXXI
Ġesù u dawk li qed jivvjaġġaw miegħu jaslu Ġeriko, li hi xi ġurnata mixi ’l bogħod minn Ġerusalemm. F’ċertu sens, Ġeriko hi belt maqsuma fi tnejn. Il-belt l-antika hi xi kilometru u nofs ’il bogħod mill-belt Rumana iktar ġdida. Hekk kif Ġesù u l-folol joħorġu minn waħda minn dawn il-bliet u jersqu lejn l-oħra, żewġ tallaba għomja jisimgħu l-istorbju li hemm. Wieħed minnhom jismu Bartimew.
Hekk kif jisimgħu li għaddej Ġesù, Bartimew u dak li qiegħed miegħu jibdew jgħajtu: “Mulej, ikollok ħniena minna, Bin David!” (Mattew 20:30) Xi wħud fil-folla bl-aħrax jgħidulhom biex jisktu, imma ż-żewġt irġiel jgħajtu saħansitra iktar. Ġesù jismaʼ l-istorbju u jieqaf. Hu jistaqsi lil dawk li qegħdin miegħu biex isejħu lil dawk li qed jgħajtu. Huma jmorru għand it-tallaba u jgħidu lil wieħed minnhom: “Agħmel kuraġġ, qum, qed isejjaħlek.” (Marku 10:49) Bl-eċċitament, ir-raġel agħma jtajjar il-mantar minn fuqu, iqum jiġri bilwieqfa, u jmur ħdejn Ġesù.
Ġesù jistaqsi: “Xi triduni nagħmlilkom?” Iż-żewġt irġiel għomja bil-ħniena jgħidulu: “Mulej, agħmel li jinfetħu għajnejna.” (Mattew 20:32, 33) Ġesù jitħassarhom u jmissilhom għajnejhom u, partikularment lil wieħed minnhom, jgħid: “Mur, il-fidi tiegħek fejqitek.” (Marku 10:52) Iż-żewġ tallaba għomja jibdew jaraw, u bla dubju t-tnejn li huma jibdew jigglorifikaw lil Alla. Hekk kif jaraw x’ġara, anki n-nies jibdew ifaħħru lil Alla. L-irġiel li kienu għomja issa jibdew isegwu lil Ġesù.
Hemm folol kbar madwar Ġesù hekk kif jgħaddi minn Ġeriko. Kulħadd irid jara lil dak li fejjaq lill-irġiel għomja. In-nies irossu fuq Ġesù minn kull naħa; għalhekk, xi wħud lanqas biss jistgħu jarawh. Żakkew hu wieħed minn dawn. Hu kap fuq il-kolletturi tat-taxxi f’Ġeriko u fl-inħawi tal-madwar. Peress li hu qasir, ma jistax jara x’qed jiġri. Allura Żakkew jitlaq jiġri quddiemu u jitlaʼ fuq tina salvaġġa li qiegħda fit-triq li Ġesù għaddej minnha. Minn hemm fuq, Żakkew jistaʼ jara tajjeb kulma qed jiġri. Hekk kif Ġesù jersaq eqreb u jara lil Żakkew fuq is-siġra, hu jgħidlu: “Żakkew, isa, inżel, għax illum irrid noqgħod f’darek.” (Luqa 19:5) Żakkew jinżel u jmur jiġri d-dar biex jilqaʼ lill-mistieden importanti tiegħu.
Meta n-nies jaraw x’qed jiġri, huma jibdew igergru. Huma jħossu li mhuwiex sew li Ġesù jmur fid-dar taʼ raġel li huma jqisuh bħala midneb. Żakkew sar sinjur minn fuq dahar in-nies li kien iqarraq bihom hu u jiġbor it-taxxi.
Hekk kif Ġesù jidħol fid-dar taʼ Żakkew, in-nies jilmentaw: “Maʼ midneb mar joqgħod.” Madankollu, Ġesù jara f’Żakkew il-potenzjali li jindem. Luqa 19:7, 8.
U Ġesù ma joħroġx diżappuntat. Żakkew iqum bilwieqfa u jgħidlu: “Ara! Mulej, nofs ġidi se nagħtih lill-foqra, u kulma ħadt b’qerq u b’akkuża falza mingħand xi ħadd se rroddu lura għal erbaʼ darbiet.”—X’mod mill-aħjar biex Żakkew jagħti prova li l-indiema tiegħu hi ġenwina! X’aktarx li mid-dokumenti tat-taxxi li għandu jistaʼ jikkalkula kemm ħa flus mingħand diversi Lhud, u jwiegħed li kulma ħa se jroddu lura għal erbaʼ darbiet. Dan hu saħansitra iktar milli titlob il-liġi t’Alla. (Eżodu 22:1; Levitiku 6:2-5) Barra minn hekk, Żakkew iwiegħed li nofs ġidu se jagħtih lill-foqra.
Ġesù jieħu pjaċir b’din it-turija taʼ ndiema taʼ Żakkew u jgħidlu: “Illum ġiet is-salvazzjoni f’din id-dar, għax int ukoll bin Abraham. Għax Bin il-bniedem ġie jfittex u jsalva dak li kien mitluf.”—Luqa 19:9, 10.
Dan l-aħħar, Ġesù ffoka fuq is-sitwazzjoni tal-‘mitlufin’ bit-tixbiha tiegħu dwar l-iben il-mitluf. (Luqa 15:11-24) Issa ta eżempju reali taʼ xi ħadd li kien mitluf imma li nstab. Il-mexxejja reliġjużi u s-segwaċi tagħhom għandhom mnejn igergru kontra Ġesù u jikkritikawh talli jagħti attenzjoni lil uħud bħal Żakkew. Xorta waħda, Ġesù jkompli jfittex lil dawn l-ulied mitlufin t’Abraham ħalli jerġgħu jissaħħu.