KAPITLU 90
“L-irxoxt u l-ħajja”
-
ĠESÙ JASAL WARA L-MEWT TAʼ LAZZRU
-
“L-IRXOXT U L-ĦAJJA”
Ġesù jitlaq mill-Perija u jasal viċin Betanja, raħal li jinsab xi tliet kilometri lejn il-Lvant taʼ Ġerusalemm. Marija u Marta, ħut Lazzru, qed jibku t-telfa taʼ ħuhom, u għalhekk ġew ħafna nies biex ifarrġuhom.
Imbagħad xi ħadd jgħid lil Marta li Ġesù kien riesaq lejhom, u allura hi toħroġ tiltaqaʼ miegħu. Marta tgħid lil Ġesù dak li hi u oħtha x’aktarx ilhom jaħsbu erbat ijiem: “Mulej, kieku kont hawnhekk ħija ma kienx imut.” Madankollu, m’għandhiex qalbha maqtugħa. Marta tgħid: “Naf li anki issa kulma titlob lil Alla, Alla jagħtihulek.” (Ġwanni 11:21, 22) Hi tħoss li Ġesù xorta forsi jistaʼ jgħin lil ħuha.
Ġesù jwiġibha: “Ħuk iqum.” Marta tikkonkludi li hu qed jirreferi għal irxoxt fil-futur fuq l-art, it-tama li kellu Abraham u oħrajn. U bi kliemha turi li temmen li dan se jseħħ żgur: “Naf li jqum fl-irxoxt fl-aħħar jum.”—Ġwanni 11:23, 24.
Iżda, jistaʼ jkun li Ġesù jistaʼ jagħmel xi ħaġa issa stess f’dan il-każ? Hu jfakkar lil Marta li Alla tah il-qawwa fuq il-mewt billi jgħidilha: “Min jeżerċita l-fidi fija, avolja jmut, se jieħu l-ħajja; u kulmin qed jgħix u jeżerċita l-fidi fija ma jmut qatt.”—Ġwanni 11:25, 26.
Ġesù mhux qed jagħti x’jifhem li d-dixxipli tiegħu li qed ikellem dak il-ħin qatt mhu se jmutu. Anki hu se jmut, kif kien qal lill-appostli tiegħu. (Mattew 16:21; 17:22, 23) Ġesù qed jenfasizza li wieħed jistaʼ jkollu l-prospett taʼ ħajja taʼ dejjem jekk jeżerċita l-fidi fih. Għal ħafna, din il-ħajja se tinkiseb permezz taʼ rxoxt. Madankollu, dawk leali li jkunu għadhom ħajjin fl-aħħar taʼ din is-sistema għandhom mnejn ma jmutu qatt. Ikun xi jkun il-każ, kull min jeżerċita l-fidi fih jistaʼ jkun ċert li qatt mhu se jmut b’mod permanenti.
Imma jistaʼ Ġesù, li għadu kemm qal, “Jien l-irxoxt u l-ħajja,” jgħin lil Lazzru, peress li issa ilu mejjet ġranet sħaħ? Ġesù jistaqsi lil Marta: “Temmnu dan?” Hi twieġbu: “Iva, Mulej; jien nemmen li int il-Kristu, l-Iben t’Alla, Dak li ġie fid-dinja.” B’fidi li Ġesù jistaʼ jagħmel xi ħaġa dakinhar stess, Marta titlaq tiġri lejn id-dar u tgħid lil oħtha bil-moħbi: “L-Għalliem qiegħed preżenti hawnhekk u qed isejjaħlek.” (Ġwanni 11:25-28) Xħin tismaʼ hekk, Marija titlaq mid-dar u ma jdumux ma jsegwuha oħrajn, li jaħsbu li sejra ħdejn il-qabar taʼ Lazzru.
Minflok, Marija tmur għand Ġesù, tinxteħet f’riġlejh tibki, u tirripeti dak li qalet oħtha: “Mulej, kieku kont hawnhekk ħija ma kienx imut.” Imqanqal minħabba li jara lil Marija u l-folol jibku, Ġesù jitniehed, jitnikket, u saħansitra jaqbiżlu d-dmugħ. Dan imiss qalb dawk kollha li qed jarawh. Imma xi wħud jistaqsu: ‘Jekk Ġesù kellu l-ħila jfejjaq raġel li twieled agħma, ma kellux il-ħila ma jħallix lil dan imut?’—Ġwanni 11:32, 37.