Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 96

Ġesù jwieġeb lil ħakkiem żagħżugħ u għani

Ġesù jwieġeb lil ħakkiem żagħżugħ u għani

MATTEW 19:16-​30 MARKU 10:17-​31 LUQA 18:18-​30

  • RAĠEL GĦANI JISTAQSI DWAR IL-​ĦAJJA TAʼ DEJJEM

Ġesù għadu għaddej mill-​Perija fi triqtu lejn Ġerusalemm. Żagħżugħ għani jiġri lejh u jinżel għarkopptejh quddiemu. Ir-​raġel hu wieħed mill-​ħakkiema, forsi jaqdi bħala uffiċjal li jippresiedi f’sinagoga jew bħala membru tas-​Sinedriju. Hu jistaqsi: “Għalliem Tajjeb, xi rrid nagħmel biex niret il-​ħajja taʼ dejjem?”—Luqa 8:41; 18:18; 24:20.

“Għala ssejjaħli tajjeb?” iwieġeb Ġesù. “Ħadd m’hu tajjeb, ħlief Alla biss.” Iż-​żagħżugħ x’aktarx juża l-​kelma “tajjeb” bħala titlu formali, xi ħaġa li jagħmlu r-​rabbini. Għalkemm Ġesù hu tajjeb f’li jgħallem, hu jgħid lir-​raġel li Alla biss jistaʼ jingħata t-​titlu “Tajjeb.”

“Iżda, jekk trid tidħol fil-​ħajja, osserva l-​kmandamenti kontinwament,” jgħidlu Ġesù. Allura ż-​żagħżugħ jistaqsih: “Liema?” Ġesù jsemmi ħamsa mill-​Għaxar Kmandamenti—li wieħed ma joqtolx, ma jagħmilx adulterju, ma jisraqx, ma jixhidx falz, u jonora lill-​ġenituri tiegħu. Imbagħad iżid kmandament iktar importanti: “Ħobb lill-​proxxmu tiegħek bħalek innifsek.”—Mattew 19:17-​19.

“Dawn kollha ħaristhom,” iwieġbu r-​raġel. “X’jonqosni iktar?” (Mattew 19:20) Għandu mnejn iħoss li jonqsu xi att qalbieni li permezz tiegħu se jikseb il-​ħajja taʼ dejjem. Ġesù jinduna kemm din it-​talba hi sinċiera u allura ‘jħoss imħabba għalih.’ (Marku 10:21) Madankollu, ir-​raġel għandu ostaklu quddiemu.

Ir-​raġel għandu qalbu marbuta wisq mal-​affarijiet materjali tiegħu, allura Ġesù jgħidlu: “Ħaġa waħda jonqsok: Mur, bigħ dak li għandek u agħti lill-​foqra, u jkollok teżor fis-​sema, u ejja kun segwaċi tiegħi.” Iva, ir-​raġel jistaʼ jqassam flusu lill-​foqra, li ma jistgħux iħallsuh lura, u jsir dixxiplu taʼ Ġesù. Imma meta ż-​żagħżugħ iqum u jitlaq qalbu sewda, Ġesù x’aktarx tiġih ħasra minnu. Minħabba r-​rabta li r-​raġel għandu mal-​“ħafna ġid” tiegħu ma jistax jara t-​teżor veru. (Marku 10:21, 22) Ġesù jgħid: “Kemm se jkun diffiċli għal dawk li għandhom il-​flus biex jidħlu fis-​saltna t’Alla!”—Luqa 18:24.

Id-​dixxipli jibqgħu mbellhin b’dan il-​kliem u b’dak li Ġesù jkompli biex jgħid: “Fil-​fatt, hu eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn il-​labra tal-​ħjata milli raġel għani jidħol fis-​saltna t’Alla.” Dan iqanqal lid-​dixxipli biex jistaqsu: “Allura, min jistaʼ jiġi salvat?” Hija din xi ħaġa impossibbli għal bnedmin? Ġesù jħares fiss lejhom u jwieġeb: “Dak li hu impossibbli għall-​bnedmin, hu possibbli għal Alla.”—Luqa 18:25-​27.

Pietru jiġbed l-​attenzjoni lejn il-​fatt li huma ħadu deċiżjoni differenti minn dik taż-​żagħżugħ għani billi jgħid: “Ara! Aħna tlaqna kollox u ġejna warajk; allura aħna x’se jmissna?” Ġesù jgħidilhom x’se jkun ir-​riżultat tad-​deċiżjoni tajba li ħadu: “Fit-​tiġdid taʼ kollox, meta Bin il-​bniedem joqgħod bil-​qiegħda fuq it-​tron glorjuż tiegħu, intom li ġejtu warajja toqogħdu wkoll bil-​qiegħda fuq tnax-​il tron, tiġġudikaw lit-​tnax-​il tribù taʼ Israel.”—Mattew 19:27, 28.

Jidher ċar li Ġesù għandu f’moħħu ż-​żmien fil-​futur meta fuq l-​art il-​kundizzjonijiet se jerġgħu jkunu kif kienu fil-​ġnien tal-​Għeden. Pietru u d-​dixxipli l-​oħra se jiġu premjati billi jsaltnu flimkien maʼ Ġesù fuq din l-​art magħmula ġenna, premju li tassew jistħoqqlu kull sagrifiċċju li forsi jagħmlu!

Iżda l-​barkiet mhux kollha se jkunu fil-​futur. Id-​dixxipli tiegħu qed igawdu ftit minnhom issa stess. Ġesù jgħid: “M’hemm ħadd li telaq lil daru jew lil martu jew lil ħutu jew lill-​ġenituri jew lit-​tfal minħabba s-​saltna t’Alla li ma jiħux ħafna iktar f’dan iż-​żmien, u fis-​sistema li ġejja, ħajja taʼ dejjem.”—Luqa 18:29, 30.

Iva, imorru fejn imorru d-​dixxipli tiegħu, huma jistgħu jgawdu fratellanza mal-​aduraturi sħabhom li hi iktar b’saħħitha u prezzjuża minn dik li jistaʼ jkollhom maʼ tal-​familja. B’dispjaċir, jidher li l-​ħakkiem żagħżugħ u għani mhux se jgawdi din il-​barka u lanqas il-​premju taʼ ħajja fis-​Saltna tas-​sema t’Alla.

Ġesù jżid jgħid: “Imma ħafna li huma l-​ewwel ikunu l-​aħħar u taʼ l-​aħħar l-​ewwel.” (Mattew 19:30) Xi jrid ifisser b’dan?

Il-​ħakkiem żagħżugħ u għani hu fost dawk tal-​“ewwel,” peress li hu wieħed mill-​mexxejja tal-​Lhud. Bħala wieħed li jżomm mal-​kmandamenti t’Alla, hu juri potenzjal kbir u forsi hu mistenni ħafna minnu. Iżda hu qed ipoġġi l-​għana u l-​ġid qabel kull ħaġa oħra f’ħajtu. B’kuntrast, in-​nies komuni jaraw fit-​tagħlim taʼ Ġesù l-​verità u t-​triq li twassal għall-​ħajja. Huma kienu tal-​“aħħar,” biex ngħidu hekk, imma issa qed isiru tal-​“ewwel.” Huma jistgħu jħarsu ’l quddiem biex joqogħdu fuq it-​tronijiet fis-​sema maʼ Ġesù u jsaltnu fuq l-​art magħmula ġenna.