Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 87

Ippjana bil-quddiem—Uża l-għaqal

Ippjana bil-quddiem—Uża l-għaqal

LUQA 16:1-​13

  • IT-​TIXBIHA TAL-​PROKURATUR MHUX SEWWA

  • ‘AGĦMEL ĦBIEB’ PERMEZZ TAL-​GĦANA TIEGĦEK

It-​tixbiha tal-​iben li kien mitluf, li Ġesù għadu kemm irrakkonta, imissha wriet lill-​kolletturi tat-​taxxi, lill-​iskribi, u lill-​Fariżej li Alla hu lest li jaħfer lill-​midinbin niedma. (Luqa 15:1-​7, 11) Issa Ġesù jkellem lid-​dixxipli tiegħu. Hu juża tixbiha oħra, din id-​darba dwar raġel għani li jsir jaf li dak li jmexxi daru, jew il-​prokuratur tiegħu, m’aġixxiex sew.

Ġesù jirrakkonta li l-​prokuratur ġie akkużat li qed iberbaq il-​ġid taʼ sidu. Allura s-​sid jgħid li se jkeċċi lill-​prokuratur. “Issa x’nagħmel,” jgħid bejnu u bejn ruħu l-​prokuratur, “la sidi jneħħili l-​prokura? Ma niflaħx nagħżaq u nistħi nittallab.” Biex ikampa mas-​sitwazzjoni, hu jikkonkludi: “Naf x’għandi nagħmel sabiex, meta titneħħieli l-​prokura, in-​nies jilqgħuni fi djarhom.” Hu mill-​ewwel isejjaħ għandu lil dawk li għandhom id-​dejn maʼ sidu u jistaqsihom: “Kemm għandek tagħtih lil sidi?”—Luqa 16:3-​5.

L-​ewwel wieħed jgħidlu: “Mitt ġarra kbira żejt taż-​żebbuġa.” Dawn jiġu xi 2,200 litru żejt. Dak li kellu d-​dejn forsi kellu masġar kbir taż-​żebbuġ jew kien negozjant li jbigħ iż-​żejt. Il-​prokuratur jgħidlu: “Ħu l-​kitba tal-​ftehim tiegħek u oqgħod bil-​qiegħda u ikteb malajr ħamsin [1,100 litru].”—Luqa 16:6.

Il-​prokuratur jistaqsi lil ieħor: “Issa int, kemm għandek tagħtih?” Dan iwieġbu: “Mitt xkora kbira qamħ.” Dawn jiġu xi 22,000 litru. Il-​prokuratur jgħid lil dan il-​midjun: “Ħu l-​kitba tal-​ftehim tiegħek u ikteb tmenin.” B’hekk, inaqqaslu d-​dejn b’20 fil-​mija.—Luqa 16:7.

Il-​prokuratur għadu inkarigat mill-​finanzi taʼ sidu, allura f’ċertu sens għandu l-​awtorità li jnaqqas dak li oħrajn għandhom jagħtu lis-​sid. Billi jnaqqsilhom id-​dejn, il-​prokuratur qed jagħmel ħbieb maʼ dawk li jistgħu jagħmlulu pjaċiri wara li jitlef l-​impjieg tiegħu.

Eventwalment, is-​sid isir jaf x’għamel il-​prokuratur. Għalkemm dak li ġara jfisser li se jmur minn taħt, hu jibqaʼ impressjonat bil-​prokuratur u jfaħħru għax “għalkemm ma kienx raġel sewwa,” hu “mexa bl-​għaqal taʼ moħħu.” Ġesù jżid jgħid: “Ulied din is-​sistema jimxu bl-​għaqal taʼ moħħhom mal-​ġenerazzjoni tagħhom iktar minn ulied id-​dawl.”—Luqa 16:8.

Ġesù mhuwiex qed jagħlaq għajnejh għall-​metodi li uża l-​prokuratur, u lanqas mhu qed jinkuraġġixxi l-​qerq fin-​negozju. Allura, x’inhu l-​punt tiegħu? Hu jħeġġeġ lid-​dixxipli: “Agħmlu għalikom ħbieb permezz taʼ l-​għana mhux ġust, sabiex meta jispiċċa, jilqgħukom fl-​għamajjar taʼ dejjem.” (Luqa 16:9) Iva, hawnhekk nitgħallmu biex nippjanaw bil-​quddiem u nużaw l-​għaqal. Il-​qaddejja t’Alla, “ulied id-​dawl,” għandhom bżonn jużaw l-​affarijiet materjali tagħhom b’mod għaqli, billi jżommu l-​ħajja taʼ dejjem f’moħħhom.

Alla Ġeħova u Ibnu biss jistgħu jilqgħu lil xi ħadd fis-​Saltna tas-​sema jew fil-​Ġenna fuq l-​art taħt it-​tmexxija taʼ din is-​Saltna. Aħna għandna naħdmu iebes biex nikkultivaw ħbiberija magħhom billi nużaw il-​ġid materjali li għandna biex nappoġġaw l-​interessi tas-​Saltna. B’hekk, meta d-​deheb, il-​fidda, u l-​affarijiet materjali oħra jispiċċaw, il-​ħajja taʼ dejjem tagħna se tkun fis-​sod.

Ġesù jgħid ukoll li dawk li jużaw u jieħdu ħsieb kwalunkwe għana jew ġid materjali li jkollhom bil-​fedeltà, se jieħdu ħsieb affarijiet ħafna iktar importanti bil-​fedeltà wkoll. “Għalhekk,” jgħid Ġesù, “jekk ma wrejtux fedeltà fl-​għana mhux ġust, min se jafdakom b’dak li hu veru [bħall-​interessi tas-​Saltna]?”—Luqa 16:11.

Ġesù qed juri lid-​dixxipli tiegħu li se jintalab ħafna mingħandhom jekk jiġu milqugħin “fl-​għamajjar taʼ dejjem.” Wieħed ma jistax ikun qaddej veru t’Alla u fl-​istess ħin ikun ilsir tal-​għana mhux ġust. Ġesù jikkonkludi: “Ebda qaddej fid-​dar ma jistaʼ jkun ilsir taʼ żewġ sidien; għax jew jobgħod lil wieħed u jħobb lill-​ieħor, jew jintrabat maʼ wieħed u jistmerr lill-​ieħor. Ma tistgħux tkunu lsiera t’Alla u tal-​flus.”—Luqa 16:9, 13.