Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 86

L-iben li kien mitluf jerġaʼ lura

L-iben li kien mitluf jerġaʼ lura

LUQA 15:11-​32

  • IT-​TIXBIHA TAL-​IBEN LI KIEN MITLUF

Ġesù rrakkonta t-​tixbihat tan-​nagħġa l-​mitlufa u tal-​munita l-​mitlufa waqt li x’aktarx kien għadu l-​Perija, lejn in-​naħa tal-​Lvant tax-​Xmara Ġordan. Iż-​żewġ tixbihat jgħallmuna li għandna nifirħu meta midneb jindem u jerġaʼ lura għand Alla. Il-​Fariżej u l-​iskribi kkritikaw lil Ġesù għax jilqaʼ lill-​midinbin. Imma jitgħallmu xi ħaġa dawn il-​kritiċi miż-​żewġ tixbihat taʼ Ġesù? Jifhmu huma kif Missierna tas-​sema jħossu dwar midinbin li jindmu? Issa Ġesù jirrakkonta tixbiha li tmiss il-​qalb u li tenfasizza l-​istess lezzjoni importanti.

It-​tixbiha tinvolvi missier li għandu żewġ subien, u t-​tifel iż-​żgħir hu l-​karattru prinċipali f’din it-​tixbiha. Kemm il-​Fariżej u l-​iskribi, kif ukoll oħrajn li jisimgħu dak li jgħid Ġesù, għandhom ikunu kapaċi jitgħallmu minn dak li jingħad dwar l-​iben iż-​żgħir. Madankollu, m’għandniex ninjoraw dak li Ġesù jgħid dwar il-​missier u l-​iben il-​kbir, għax l-​attitudnijiet tagħhom jistgħu jgħallmuna ħafna wkoll. Allura aħseb dwar dawn it-​tlett irġiel hekk kif Ġesù jirrakkonta t-​tixbiha:

“Wieħed raġel kellu żewġ ulied,” jibda Ġesù. “Iż-​żgħir qal lil missieru, ‘Missier, agħtini l-​parti mill-​proprjetà li hi sehmi.’ Imbagħad dan qassmilhom ġidu.” (Luqa 15:11, 12) Innota li l-​iben iż-​żgħir qed ifittex li jieħu l-​wirt tiegħu waqt li missieru għadu ħaj. L-​iben irid sehmu issa ħalli jkun indipendenti u jkun jistaʼ jagħmel li jrid. U xi jrid jagħmel?

“Wara ftit jiem,” jispjega Ġesù, “iż-​żgħir ġabar kollox u siefer lejn pajjiż imbiegħed, u hemmhekk berbaq ġidu billi għex ħajja sfrattata.” (Luqa 15:13) Minflok ma jibqaʼ fis-​sigurtà taʼ daru, maʼ missier li jieħu ħsieb lil uliedu u jagħtihom dak li għandhom bżonn, l-​iben jitlaq f’pajjiż ieħor. Hemmhekk iberbaq wirtu kollu biex ipaxxi x-​xewqat sesswali tiegħu. Imbagħad jgħaddi minn żmien diffiċli, kif Ġesù jkompli jirrakkonta:

“Meta nefaq kollox, waqaʼ ġuħ kbir maʼ dak il-​pajjiż kollu, u hu ġie fil-​bżonn. Hu saħansitra mar u qabad maʼ wieħed miċ-​ċittadini taʼ dak il-​pajjiż, u dan bagħtu fl-​għelieqi tiegħu biex jirgħa l-​ħnieżer. U kien jixtieq jimla żaqqu bil-​ħarrub li kienu jieklu l-​ħnieżer, imma ħadd ma kien jagħtih xejn.”—Luqa 15:14-​16.

Skont il-​Liġi t’Alla, il-​ħnieżer mhumiex meqjusin nodfa, imma dan l-​iben ikollu jirgħahom. Hu mejjet bil-​ġuħ, u għalhekk jixtieq jiekol ikel li normalment hu għall-​annimali biss, għall-​ħnieżer li qed jirgħa. Fl-​istat iddisprat tiegħu l-​iben ‘jiġi f’sensih.’ X’jagħmel? Jgħid bejnu u bejn ruħu: “Kemm lavranti maʼ missieri għandhom ħobż bix-​xabaʼ, waqt li jien qed immut bil-​ġuħ hawnhekk! Inqum u mmur għand missieri u ngħidlu: ‘Missier, jien dnibt kontra s-​sema u kontrik. M’għadux jistħoqqli li nissejjaħ ibnek. Agħmilni bħal wieħed mil-​lavranti tiegħek.’” Imbagħad iqum u jmur għand missieru.—Luqa 15:17-​20.

Missieru kif se jirreaġixxi? Se jdur irrabjat lejn ibnu u jċanfru minħabba li kien iblah u telaq mid-​dar? Se juri l-​missier attitudni indifferenti u ma jilqgħux lura? Li kieku kont int minfloku, x’kont tagħmel? Xi ngħidu kieku kien ibnek jew bintek?

JINSTAB L-​IBEN IL-​MITLUF

Ġesù jiddeskrivi kif iħossu l-​missier u kif jaġixxi: “Waqt li [ibnu] kien għadu ’l bogħod, missieru lemħu u ħassu mqanqal u tħassru, u telaq jiġri u għannqu u biesu b’tenerezza.” (Luqa 15:20) Anki jekk il-​missier semaʼ bil-​ħajja sfrattata t’ibnu, hu xorta jilqgħu lura. Mir-​reazzjoni tal-​missier, sejrin il-​mexxejja Lhud, li jsostnu li jafu u jqimu lil Ġeħova, jifhmu kif Missierna tas-​sema jħossu lejn midinbin niedma? Barra minn dan, se jagħrfu li Ġesù qed juri l-​istess attitudni billi jilqaʼ lill-​midinbin?

Il-​missier għaqli x’aktarx li jistaʼ jara mill-​espressjoni mnikkta taʼ wiċċ ibnu li hu jiddispjaċih minn dak li għamel. Xorta waħda, l-​inizjattiva kollha mħabba tal-​missier biex jilqgħu tagħmilhielu iktar faċli biex jistqarr dnubietu miegħu. Ġesù jirrakkonta: “Imbagħad l-​iben qallu, ‘Missier, jien dnibt kontra s-​sema u kontrik. M’għadux jistħoqqli li nissejjaħ ibnek.’”—Luqa 15:21.

Il-​missier jordna lill-​ilsiera tiegħu: “Ħaffu! Oħorġu libsa, l-​aħjar waħda, u libbsuhielu, u poġġulu ċurkett f’idu u sandli f’saqajh. U ġibu l-​għoġol l-​imsemmen, oqtluh, u ejja nieklu u nieħdu pjaċir, għax dan ibni kien mejjet u reġaʼ ħa l-​ħajja; kien mitluf u nstab.” U hekk jagħmlu, “jieħdu pjaċir” flimkien.—Luqa 15:22-​24.

Sadanittant, l-​iben il-​kbir tal-​missier qiegħed fl-​għalqa. Dwaru Ġesù jgħid: “X’ħin kien ġej u wasal qrib id-​dar semaʼ d-​daqq u ż-​żfin. Għalhekk, sejjaħ wieħed mill-​qaddejja u staqsieh dan x’kien ifisser. Qallu, ‘Ġie ħuk, u missierek qatel l-​għoġol l-​imsemmen, għax laqgħu lura qawwi u sħiħ.’ Imma hu rrabja u ma riedx jidħol. Imbagħad missieru ħareġ barra u beda jitolbu bil-​ħrara. Hu wieġeb u qal lil missieru, ‘Ili tant snin nitjassar għalik u qatt ma ksirt il-​kmand tiegħek, u madankollu lili qatt ma tajtni gidi biex nieħu pjaċir maʼ ħbiebi. Imma malli wasal dan ibnek li ħela ġidek mal-​prostituti, int qtiltlu l-​għoġol l-​imsemmen.’”—Luqa 15:25-​30.

Min, bħall-​iben il-​kbir, ikkritika l-​ħniena u l-​attenzjoni li Ġesù wera man-​nies komuni u l-​midinbin? L-​iskribi u l-​Fariżej. Din it-​tixbiha ġiet rakkontata minħabba l-​kritika tagħhom li Ġesù jilqaʼ lill-​midinbin. M’għandniex xi ngħidu, kull min jikkritika l-​fatt li Alla juri l-​ħniena għandu jaħseb bis-​serjetà dwar din il-​lezzjoni.

Ġesù jtemm it-​tixbiha tiegħu billi jirrakkonta l-​kliem mill-​qalb li l-​missier jgħid lil ibnu l-​kbir: “Ibni, int dejjem kont miegħi, u kulma hu tiegħi hu tiegħek; imma aħna ma stajniex ma niħdux pjaċir u nifirħu, għax dan ħuk kien mejjet u ħa l-​ħajja, u kien mitluf u nstab.”—Luqa 15:31, 32.

Ġesù ma jgħidx x’jagħmel eventwalment l-​iben il-​kbir. Madankollu, wara l-​mewt u l-​irxoxt taʼ Ġesù, “folla kbira taʼ qassisin bdew jobdu l-​fidi.” (Atti 6:7) Din il-​folla għandha mnejn inkludiet lil xi wħud minn dawk li qed jisimgħu lil Ġesù jirrakkonta din it-​tixbiha qawwija dwar l-​iben li kien mitluf. Iva, anki dawn l-​uħud setgħu jiġu f’sensihom, jindmu, u jerġgħu lura għand Alla.

Minn dakinhar ’il quddiem, id-​dixxipli taʼ Ġesù jistgħu u għandhom jieħdu bis-​serjetà lezzjonijiet importanti minn din it-​tixbiha mill-​aħjar. L-​ewwel lezzjoni hi kemm hu għaqli li nibqgħu fis-​sigurtà tal-​poplu t’Alla, taħt il-​ħarsien taʼ Missierna li jħobbna u jieħu ħsiebna, minflok ma nimxu wara xewqat li jħajruna f’“pajjiż imbiegħed.”

Lezzjoni oħra hi li jekk nitbiegħdu minn Alla, bl-​umiltà għandna nerġgħu lura għand Missierna ħalli nerġgħu ngawdu l-​approvazzjoni tiegħu.

Nistgħu nitgħallmu lezzjoni oħra mill-​kuntrast bejn l-​attitudni tal-​missier li jaħfer u jilqaʼ lil ibnu lura u l-​attitudni tal-​iben il-​kbir li jżomm f’qalbu għal ħuh u ma jilqgħux. Jidher ċar li jekk xi ħadd ikun tbiegħed minn Alla imma mbagħad jindem verament u jerġaʼ lura ‘fid-​dar tal-​Missier,’ il-​qaddejja t’Alla għandhom jaħfrulu u jilqgħuh. Ejja nifirħu li ħuna li ‘kien mejjet u mitluf’ issa ‘ħa l-​ħajja u nstab.’