Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

LEZZJONI 6

David Ma Beżax

David Ma Beżax

Inti x’tagħmel meta tibżaʼ?— Forsi tmur għand ommok u missierek għall-għajnuna. Imma hemm xi ħadd ieħor li jistaʼ jgħinek ukoll. M’hemm ħadd b’saħħtu daqsu. Taf min hu?— Iva, hu Alla Ġeħova. Issa ejja nitkellmu dwar żagħżugħ fil-Bibbja jismu David. Hu kien jaf li Ġeħova dejjem kien se jgħinu, allura ma beżax.

Minn meta David kien tarbija, il-ġenituri tiegħu għallmuh biex iħobb lil Ġeħova. Dan għen lil David biex ma jibżax anki meta ġrawlu xi affarijiet tal-biżaʼ. Hu kien jaf li Ġeħova kien il-Ħabib tiegħu u li Hu kien se jgħinu. Darba waħda, meta David kien qed jieħu ħsieb in-nagħaġ, mar iljun kbir u ħataf nagħġa! Taf x’għamel David? Ġera wara l-iljun u milli jidher qatlu mingħajr arma! U mbagħad meta ors attakka lin-nagħaġ, David qatlu wkoll! Min taħseb li għenu lil David?— Iva, kien Ġeħova.

Kien hemm darba oħra meta David kien kuraġġuż ħafna. L-Iżraelin kienu qed jiġġieldu kontra nies li kienu msejħin Filistin. Wieħed mis-suldati Filistin kien raġel twil ħafna, kien ġgant! Hu kien jismu Gulija. Dan il-ġgant kien qed jidħaq bis-suldati Iżraelin u b’Ġeħova. Gulija sfida lis-suldati Iżraelin biex imorru jiġġildulu. Imma l-Iżraelin kollha kienu beżgħanin wisq biex jiġġieldu kontrih. Meta David semaʼ b’dan, hu qal lil Gulija: ‘Jien se niġġilidlek! Ġeħova se jgħinni, u se nirbaħlek!’ Taħseb li David kien kuraġġuż?— Iva, kien kuraġġuż ħafna. Tixtieq tkun taf x’ġara wara dan?

David qabad l-iżbandola tiegħu u ħames ġebliet lixxi, u ħareġ biex jiġġieled lill-ġgant. Gulija beda jidħaq b’David meta ra kemm kien żgħir. Imma David qallu: ‘Inti ġej lejja b’sejf, imma jien ġej għandek bl-isem taʼ Ġeħova!’ Imbagħad poġġa ġebla fl-iżbandola tiegħu, ġera lejn Gulija, u waddabhielu bis-saħħa. Il-ġebla laqtet lil Gulija bejn għajnejh! Il-ġgant waqaʼ mal-art mejjet! Il-Filistin tant beżgħu li kollha telqu jiġru. Żagħżugħ bħal David kif setaʼ jirbaħ lil ġgant?— Ġeħova għenu, u Ġeħova kien ħafna iktar b’saħħtu minn dak il-ġgant!

David ma beżax għax kien jaf li Ġeħova kien se jgħinu

X’tistaʼ titgħallem mill-istorja taʼ David?— M’hemm ħadd iktar b’saħħtu minn Ġeħova. U hu l-Ħabib tiegħek. Allura meta terġaʼ tħossok beżgħan, ftakar, Ġeħova jistaʼ jgħinek tkun kuraġġuż!

AQRA MILL-BIBBJA TIEGĦEK