Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

LEZZJONI 3

Raħab Emmnet f’Ġeħova

Raħab Emmnet f’Ġeħova

Ejja nimmaġinaw li qegħdin fil-belt taʼ Ġeriko. Din il-belt qiegħda f’post jismu Kangħan, fejn in-nies ma jemmnux f’Ġeħova. Hawnhekk toqgħod mara jisimha Raħab.

Meta Raħab kienet għadha żgħira, semgħet stejjer dwar kif Mosè fired il-Baħar l-Aħmar u ħareġ lill-Iżraelin mill-Eġittu. Semgħet ukoll dwar kif Ġeħova għenhom jirbħu l-gwerer kontra l-għedewwa tagħhom. Issa hi ssir taf li l-Iżraelin qegħdin jgħixu f’kampijiet ħdejn Ġeriko!

Raħab ipproteġiet lill-ispiji għax emmnet f’Ġeħova

Lejla minnhom, żewġ Iżraelin imorru Ġeriko biex jitkixxfu dwar il-belt. Imorru fid-dar taʼ Raħab. Hi tistidinhom jidħlu u joqogħdu għandha. Bil-lejl, is-sultan taʼ Ġeriko jsir jaf li l-ispiji qegħdin fil-belt u li marru fid-dar taʼ Raħab. Allura s-sultan jibgħat lil xi rġiel biex jaqbduhom. Raħab taħbi liż-żewġ spiji fuq il-bejt tad-dar tagħha u tgħid lill-irġiel tas-sultan: ‘L-ispiji hawn kienu, imma diġà telqu mill-belt. Jekk titilqu issa, tkunu tistgħu tilħquhom!’ Taf għala Raħab qed tipproteġi lill-ispiji?— Għax temmen f’Ġeħova u taf li hu se jagħti l-art taʼ Kangħan lill-Iżraelin.

Qabel ma l-ispiji jitilqu mid-dar taʼ Raħab, iwiegħdu li hi u l-familja tagħha se jkunu protetti meta tinqered Ġeriko. Taf x’jgħidulha tagħmel?— Jgħidulha: ‘Ħu dan il-ħabel aħmar, u dendlu mit-tieqa tiegħek. Jekk tagħmel hekk, kull min ikun fid-dar tiegħek isalva.’ Raħab tagħmel eżatt dak li l-ispiji jgħidulha biex tagħmel. Taf x’ġara mbagħad?—

Ġeħova salva lil Raħab u lill-familja tagħha

Ftit jiem wara, l-Iżraelin jimmarċjaw madwar il-belt bla ħoss. Għal sitt ijiem jimmarċjaw madwar il-belt, darba kuljum. Imma fis-sebaʼ jum, jimmarċjaw madwar il-belt sebaʼ darbiet. Imbagħad kollha jgħajtu b’leħen għoli. Ġeħova jġiegħel lill-ħitan madwar il-belt jaqgħu b’ħoss kbir. Imma d-dar li mit-tieqa hemm imdendel il-ħabel aħmar għadha wieqfa! Qed taraha fl-istampa?— Raħab u l-familja tagħha ġew salvati!

X’tistaʼ titgħallem minn Raħab?— Raħab emmnet f’Ġeħova minħabba l-affarijiet sbieħ kollha li tgħallmet dwaru. Inti wkoll qed titgħallem ħafna affarijiet sbieħ dwar Ġeħova. Inti temmen fih bħal Raħab?— Aħna nafu li temmen fih!