LEZZJONI 24
Min Huma l-Anġli u X’Jagħmlu?
Ġeħova jridna nitgħallmu dwar il-familja li għandu fis-sema. F’dik il-familja hemm l-anġli, li l-Bibbja tirreferi għalihom bħala ‘l-ulied t’Alla.’ (Ġob 38:7) Il-Bibbja x’tgħid dwar l-anġli? Kif jinfluwenzaw lin-nies? L-anġli kollha huma parti mill-familja t’Alla?
1. Min huma l-anġli?
Ġeħova ħalaq l-anġli qabel ma għamel l-art. Bħalu, huma spirti inviżibbli u jgħixu fis-sema. (Ebrej 1:14) Hemm miljuni taʼ anġli u kollha għandhom personalità differenti. (Rivelazzjoni 5:11) Huma ‘jwettqu l-kelma taʼ Ġeħova, billi jisimgħu minn leħnu.’ (Salm 103:20) Fiż-żminijiet tal-Bibbja, Ġeħova ġieli bagħat xi anġli biex iwasslu messaġġi. Hu anki użahom biex jgħinu u jsalvaw lin-nies tiegħu. Illum, l-anġli jgħinu lill-Kristjani biex isibu lin-nies li jridu jitgħallmu dwar Alla.
2. Min huma Satana u d-dimonji tiegħu?
Xi anġli ma baqgħux leali lejn Ġeħova. L-ewwel anġlu li ħadha kontra Ġeħova jissejjaħ “Xitan u Satana, li qed iqarraq bl-art abitata kollha.” (Rivelazzjoni 12:9) Satana ried imexxi lil oħrajn. Allura influwenza lil Adam u Eva u aktar tard lil anġli oħrajn biex ma jibqgħux leali lejn Ġeħova. Dawn l-anġli ribellużi jissejħu dimonji. Ġeħova keċċiehom mis-sema għal fuq l-art u se jeqridhom.—Aqra Rivelazzjoni 12:9, 12.
3. Satana u d-dimonji kif jipprovaw jidħqu bina?
Satana u d-dimonji jqarrqu b’ħafna nies permezz tal-ispiritiżmu. Allura, li tikkomunika mal-ispirti hi xi ħaġa ħażina. Xi nies ifittxu x’jaħsbu l-astroloġi, lil dawk li jaqraw ix-xorti, il-healers, jew is-sħaħar. Oħrajn jaqraw l-oroskopju. Jew oħrajn jekk ikunu morda, biex ifiqu jfittxu modi li fihom l-ispiritiżmu. Xi nies oħra jaħsbu li jistgħu jitkellmu mal-mejtin. Imma Ġeħova javżana: “Iddurux lejn il-medji taʼ l-ispirti, u tikkonsultawx maʼ dawk li xogħolhom hu li jbassru l-ġrajjiet,” jiġifieri li jgħidu l-futur. (Levitiku 19:31) Hu javżana biex jipproteġina minn Satana u d-dimonji tiegħu. Huma l-għedewwa t’Alla u jixtiequ jweġġgħuna.
TGĦALLEM IŻJED
Tgħallem dwar l-affarijiet tajbin li jagħmlu l-anġli, għala l-ispiritiżmu hu perikoluż, u kif nistgħu nipproteġu lilna nfusna minn Satana u d-dimonji.
4. L-anġli jgħinu lin-nies isiru jafu lil Ġeħova
L-anġli t’Alla ma jippritkawx lin-nies. Imma jistgħu jgħinu lill-qaddejja t’Alla jsibu lin-nies li jridu jitgħallmu dwaru. Aqra Rivelazzjoni 14:6, 7, u mbagħad iddiskuti:
-
Għala għandna bżonn l-għajnuna tal-anġli biex nippritkaw?
-
Jinkuraġġik il-fatt li l-anġli jgħinuk issib in-nies li jridu jkunu jafu dwar il-Bibbja? Għala?
5. Evita l-ispiritiżmu
Satana u d-dimonji huma l-għedewwa taʼ Ġeħova. Huma l-għedewwa tagħna wkoll. Aqra Luqa 9:38-42, u mbagħad iddiskuti:
-
Id-dimonji kif jittrattawhom lin-nies?
Aħna ma rridux inħallu lid-dimonji jinfluwenzawna. Aqra Dewteronomju 18:10-12, u mbagħad iddiskuti:
-
B’liema modi d-dimonji jippruvaw jinfluwenzawna u jitkellmu magħna? X’affarijiet taʼ spiritiżmu huma komuni fejn toqgħod int?
-
Taħseb li hu tajjeb li Ġeħova ma jaċċettax affarijiet tal-ispiritiżmu? Għala?
Ara l-VIDJOW, u mbagħad iddiskuti l-mistoqsijiet li ġejjin.
-
Il-brazzuletta li Palesa libbset lit-tifla, taħseb li kienet perikoluża? Għala?
-
Palesa x’kellha tagħmel biex tkun protetta mid-dimonji?
Il-Kristjani veri dejjem irreżistew id-dimonji. Aqra Atti 19:19 u l-1 Korintin 10:21, u mbagħad iddiskuti:
-
Għala hu importanti li teqred kull ħaġa li għandha x’taqsam mal-ispiritiżmu?
6. Irbaħ il-ġlieda kontra Satana u d-dimonji
Satana jmexxi lid-dimonji. Imma l-anġli leali jmexxihom Mikiel, li hu l-kap tal-anġli. Mikiel hu isem ieħor għal Ġesù. Kemm hu b’saħħtu Mikiel? Aqra Rivelazzjoni 12:7-9, u mbagħad iddiskuti:
-
Min hu l-iżjed b’saħħtu? Mikiel u l-anġli tiegħu jew Satana u d-dimonji?
-
Taħseb li d-dixxipli taʼ Ġesù għandhom għal xiex jibżgħu minn Satana u d-dimonji tiegħu?
Inti tistaʼ tirbaħ il-ġlieda kontra Satana u d-dimonji. Aqra Ġakbu 4:7, u mbagħad iddiskuti:
-
Kif tistaʼ tipproteġi lilek innifsek minn Satana u d-dimonji?
ĦAFNA JGĦIDU: “X’fiha billi tilgħab logħba jew tara film li fih l-ispiritiżmu? Mhux kemm tieħu naqra pjaċir.”
-
Għala hu perikoluż li taħseb hekk?
XI DDISKUTEJNA?
L-anġli leali jgħinuna. Satana u d-demonji huma l-għedewwa taʼ Ġeħova. Huma jużaw l-ispiritiżmu biex iqarrqu bin-nies.
X’Tgħallimt
-
L-anġli taʼ Ġeħova kif qed jgħinu n-nies jitgħallmu dwaru?
-
Min huma Satana u d-dimonji?
-
Għala ma tridx li jkollok x’taqsam mal-ispiritiżmu?
ARA IŻJED
Ara kif nafu li Ġesù hu l-arkanġlu Mikiel.
Sir af li x-Xitan vera jeżisti u mhuwiex xi ħażen ġo fina.
Ara kif mara nħelset mill-influwenza tad-dimonji.
“She Found a Purpose in Life” (The Watchtower, July 1, 1993)
Tgħallem kif Satana juża l-ispiritiżmu biex jidħaq bin-nies.
“The Truth About Magic, Sorcery, and Witchcraft” (The Road to Everlasting Life, part 5)