Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

LEZZJONI 42

Il-​Bibbja X’Tgħid Dwar Min Hu Single Jew Miżżewweġ?

Il-​Bibbja X’Tgħid Dwar Min Hu Single Jew Miżżewweġ?

F’xi pajjiżi, in-​nies jemmnu li biex tkun ferħan trid tkun miżżewweġ. Imma mhux kull min hu miżżewweġ hu ferħan, u mhux kull min hu single hu mdejjaq. Fil-​fatt, il-​Bibbja tgħid li hemm it-​tajjeb kemm jekk tibqaʼ single u kemm jekk tiżżewweġ.

1. X’għandu tajjeb li tkun single?

Il-​Bibbja tgħid: “Min jiżżewweġ jagħmel sewwa, imma min ma jiżżewwiġx jagħmel aħjar.” (Aqra l-​1 Korintin 7:​32, 33, 38.) Kif jistaʼ xi ħadd single “jagħmel aħjar”? Kristjani single m’għandhomx ir-​raġel jew il-​mara x’jieħdu ħsieb. Allura ġeneralment jistgħu jagħmlu ħafna iżjed affarijiet. Ħafna jistgħu jagħmlu iżjed għal Ġeħova, bħal li jmorru jgħixu f’post ieħor biex jippritkaw. Iżjed minn hekk, huma għandhom iktar ħin biex isiru ħbieb taʼ Ġeħova.

2. X’għandu tajjeb li tkun miżżewweġ kif suppost?

Iż-​żwieġ ukoll fih it-​tajjeb tiegħu. Il-​Bibbja tgħid li “tnejn aħjar minn wieħed.” (Ekkleżjasti 4:9) Il-​Kristjani miżżewġin li jobdu l-​prinċipji tal-​Bibbja żgur jaqblu maʼ dan. Dawk li huma miżżewġin skont il-​liġi tal-​gvern iwiegħdu li se jħobbu u jirrispettaw lil xulxin. Allura, ħafna drabi l-​miżżewġin iħossu li għandhom relazzjoni iżjed soda minn koppji li jgħixu flimkien biss. U t-​tfal tagħhom jaf iħossuhom li qed jitrabbew f’familja iżjed stabbli.

3. Ġeħova x’jaħseb dwar iż-​żwieġ?

Dwar iż-​żwieġ Ġeħova qal: “Raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jrid jingħaqad maʼ martu.” (Ġenesi 2:24) Ġeħova jrid li raġel u mara miżżewġin iħobbu lil xulxin u jibqgħu flimkien sakemm imutu. Ġeħova jaċċetta d-​divorzju biss jekk xi ħadd jagħmel adulterju, jiġifieri jeqlibha lill-​ieħor. F’dal-​każ, Ġeħova jħalli lill-​persuna innoċenti tiddeċiedi jekk tridx tiddivorzja. a (Mattew 19:9) Ġeħova ma jridx li l-​Kristjani jkunu miżżewġin iktar minn persuna waħda fl-​istess ħin.​—1 Timotju 3:2.

TGĦALLEM IŻJED

Ara kif tistaʼ tkun ferħan kemm jekk int single u kemm jekk miżżewweġ, u kif tistaʼ tagħmel lil Ġeħova ferħan.

4. Uża ħajtek bl-​aħjar mod jekk int single

Ġesù qal li min hu single għandu rigal. (Mattew 19:​11, 12) Aqra Mattew 4:​23, u mbagħad iddiskuti:

  • Ir-​rigal li kellu Ġesù bħala single, kif użah biex jaqdi lil Alla u jgħin lil oħrajn?

Il-​Kristjani mhux miżżewġin jistgħu jkunu ferħanin billi jużaw ħajjithom bħalma għamel Ġesù. Ara l-​VIDJOW, u mbagħad iddiskuti l-​mistoqsijiet.

  • L-​aħwa single x’jistgħu jagħmlu biex ikunu ferħanin?

Kont taf?

Il-​Bibbja ma tagħtix età taʼ meta xi ħadd għandu jiżżewweġ. Minflok, tinkuraġġixxi liż-​żgħażagħ jistennew sakemm ‘jgħaddi l-​fjur taż-​żgħożija.’ Dan għax f’dak iż-​żmien iħossu xewqat sesswali qawwijin u jkun diffiċli biex iż-​żgħażagħ jiddeċiedu tajjeb.​—1 Korintin 7:36.

5. Agħżel sew lil min se tiżżewweġ

Waħda mill-​iktar deċiżjonijiet importanti hi li tagħżel lil min se tiżżewweġ. Aqra Mattew 19:​4-​6, 9, u mbagħad iddiskuti:

  • Kristjan għala m’għandux jgħaġġel biex jiżżewweġ?

Il-​Bibbja tgħinna nifhmu liema kwalitajiet għandu jkollha l-​persuna li se niżżewġu. L-​iżjed ħaġa importanti hi li ssib lil xi ħadd li jħobb lil Ġeħova. b Aqra l-1 Korintin 7:39 u t-2 Korintin 6:​14, u mbagħad iddiskuti:

  • Għala għandna niżżewġu biss lil ħu jew oħt Kristjana?

  • Kif taħseb li se jħossu Ġeħova jekk niżżewġu lil xi ħadd li ma jħobbx lil Ġeħova?

Jekk żewġ annimali differenti ħafna jkunu qed jaħdmu flimkien, se jbatu. Anki jekk Kristjan jiżżewweġ lil xi ħadd li ma jħobbx lil Ġeħova, se jkollu ħafna problemi

6. Qis iż-​żwieġ bħalma jagħmel Ġeħova

Fi żmien l-​Iżraelin, l-​irġiel kienu jiddivorzjaw in-​nisa tagħhom għal affarijiet bla sens. Aqra Malakija 2:​13, 14, 16, u mbagħad iddiskuti:

  • Ġeħova għala ma jiħux pjaċir meta n-​nies jiddivorzjaw għal raġunijiet li ma jaqblux mal-​Bibbja?

Li xi ħadd jeqlibha u jiddivorzja lill-​mara jew ir-​raġel iġib uġigħ kbir lill-​persuna innoċenti u t-​tfal

Ara l-​VIDJOW, u mbagħad iddiskuti l-​mistoqsija.

  • Jekk miżżewweġ lil xi ħadd li ma jħobbx lil Ġeħova, x’tistaʼ tagħmel biex tkun ferħan fiż-​żwieġ?

7. Ara li ż-​żwieġ tiegħek ikun kif irid Ġeħova

Jistaʼ jkun li rridu nagħmlu sforz biex iż-​żwieġ tagħna jkun kif irid Ġeħova. c Ġeħova żgur se jberikna jekk nagħmlu hekk. Ara l-​VIDJOW.

Aqra Ebrej 13:​4, u mbagħad iddiskuti:

  • Taħseb li l-​istandards taʼ Ġeħova dwar iż-​żwieġ jagħmlu sens? Għala taħseb hekk?

Ġeħova jistenna li l-​Kristjani jirreġistraw iż-​żwieġ jew id-​divorzju. Dan għax il-​liġi taʼ ħafna pajjiżi hekk tgħid. Aqra Titu 3:​1, u mbagħad iddiskuti:

  • Jekk int miżżewweġ, iż-​żwieġ tiegħek irreġistrat mal-​gvern?

XI ĦADD JISTAʼ JSAQSI: “Jekk tnejn iħobbu lil xulxin, x’fiha ħażin billi jgħixu flimkien?”

  • Int kif twieġeb?

XI DDISKUTEJNA?

Kemm min hu single u kemm min hu miżżewweġ għandu xi ħaġa sabiħa mingħand Ġeħova. It-​tnejn jistgħu jkunu ferħanin jekk jgħixu kif jixtieq Ġeħova.

X’Tgħallimt

  • Xi ħadd single, kif jistaʼ juża ħajtu bl-​aħjar mod?

  • Il-​Bibbja għala tgħidilna biex niżżewġu lil ħu jew oħt Kristjana biss?

  • Il-​Bibbja liema divorzju taċċetta?

Ipprova Dan

ARA IŻJED

Ara żewġ eżempji differenti li se jgħinuk tiddeċiedi sew kif se tagħżel lil min trid tiżżewweġ.

Nippreparaw għaż-​żwieġ (11:53)

Tgħallem għala ħu jħoss li dak li tah Ġeħova hu iżjed importanti minn dak li m’għandux.

Xtaqt li Tiġi fil-​Verità (1:​56)

Persuna dwar xiex għandha taħseb qabel tissepara jew tiddivorzja?

“Onora ‘dak li Alla għaqqad flimkien’” (It-​Torri tal-​Għassa, Diċembru 2018)

a Biex taqra dwar is-​separazzjoni ara n-​Nota fl-​Aħħar 4.

b F’xi pajjiżi, il-ġenituri jagħżlu lil min se jiżżewġu t-tfal ­tagħhom. F’dal-każ, ġenituri li jħobbu t-tfal tagħhom mhux se jagħtu kas jekk il-persuna hix importanti jew jekk għandhiex flus, imma jekk tħobbx lil Ġeħova.

c Jekk tgħix maʼ xi ħadd li mhux miżżewweġ miegħu, hi d-​deċiżjoni tiegħek jekk tiżżewġux jew titilqux.