Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

LEZZJONI 37

Il-Bibbja X’Tgħid Dwar ix-Xogħol u l-Flus?

Il-Bibbja X’Tgħid Dwar ix-Xogħol u l-Flus?

Qatt kont inkwetat minħabba x-​xogħol jew il-​flus? Jistaʼ jkun diffiċli biex nieħdu ħsieb lilna nfusna u fl-​istess ħin naqdu lil Ġeħova kif suppost. Il-​Bibbja ttina pariri tajbin li se jgħinuna.

1. Il-​Bibbja x’tgħid dwar ix-​xogħol?

Alla jridna nieħdu pjaċir bix-​xogħol li nagħmlu. Il-​Bibbja tgħid li ‘m’hemm xejn aħjar milli ngawdu affarijiet tajbin minħabba x-​xogħol iebes tagħna.’ (Ekkleżjasti 2:24) Anki Ġeħova jaħdem iebes. Meta nimitawh billi naħdmu iebes, aħna se nħossuna tajjeb b’dak li nagħmlu.

Ix-​xogħol huwa importanti. Imma qatt m’għandna nħallu x-​xogħol ikun iktar importanti milli naqdu lil Ġeħova. (Ġwanni 6:27) Meta npoġġu lil Ġeħova l-​ewwel f’ħajjitna, hu jagħmel ċert li jkollna l-​affarijiet li għandna bżonn biex ngħixu.

2. Kif għandna nqisu l-​flus?

Il-​Bibbja tgħid li “l-​flus huma protezzjoni.” Imma tgħidilna wkoll li ma nistgħux inkunu ferħanin bil-​flus biss. (Ekkleżjasti 7:12) Għalhekk, il-​Bibbja tinkuraġġina biex ma nħobbux il-​flus, imma biex ‘inkunu kuntenti b’dak li għandna.’ (Aqra Ebrej 13:5.) Meta nkunu kuntenti b’dak li għandna, mhux se nkunu mdejqin għax irridu iżjed. Aħna nevitaw dejn li m’għandniex bżonn. (Proverbji 22:7) U aħna nevitaw il-​perikli li nilagħbu l-​flus u li ninvestu l-​flus b’riskju biex insiru sinjuri malajr.

3. Kif nistgħu nkunu ġenerużi bil-​flus tagħna?

Ġeħova hu Alla ġeneruż. Aħna nimitawh meta nkunu ‘lesti biex naqsmu m’oħrajn.’ (1 Timotju 6:18) Nistgħu nkunu ġenerużi bil-​flus tagħna billi ngħinu fl-​ispejjeż tal-​kongregazzjoni u lil dawk li huma fil-​bżonn, speċjalment lill-​aħwa. Ġeħova l-​iżjed li jinteressah hu għala nagħtu u mhux kemm nagħtu. Meta nagħtu minn qalbna, se nkunu ferħanin u nferrħu lil Ġeħova.​—Aqra Atti 20:35.

TGĦALLEM IŻJED

Sir af kif trid tqis ix-​xogħol u għala hu tajjeb li tkun kuntent b’li għandek.

4. Faħħar lil Ġeħova bil-​mod kif taħdem

Meta nkunu ħbieb taʼ Ġeħova, se jeffettwa kif inqisu x-​xogħol. Ara l-​VIDJOW, u mbagħad iddiskuti:

  • Fil-​vidjow, x’għoġbok minn kif Jason kien iqis ix-​xogħol u kif kien jaħdem?

  • X’għamel biex ix-​xogħol ma jkunx l-​iżjed ħaġa importanti?

Aqra Kolossin 3:​23, 24, u mbagħad iddiskuti:

  • Għala tagħmel differenza kif inqisu x-​xogħol?

Ix-​xogħol hu importanti. Imma qatt m’għandu jkun iżjed importanti milli naqdu lil Ġeħova

5. Li nkunu kuntenti b’li għandna se jgħinna

Ħafna nies jagħmlu dak li jistgħu biex jaqilgħu ħafna flus. Imma l-​Bibbja ttina parir differenti. Aqra l-1 Timotju 6:​6-​8, u mbagħad iddiskuti l-​mistoqsija.

  • Il-​Bibbja x’tinkuraġġina nagħmlu?

Anki jekk ma tantx għandna flus, xorta nistgħu nkunu ferħanin. Ara l-​VIDJOW, u mbagħad iddiskuti:

  • Minkejja li dawn il-​familji ma tantx għandhom flus, x’jagħmilhom ferħanin?

Imma x’jiġri jekk għandna ħafna u xorta rridu iżjed? Ġesù ta eżempju kemm dan hu perikoluż. Aqra Luqa 12:​15-​21, u mbagħad iddiskuti:

  • X’tgħallimt mill-​eżempju li ta Ġesù?​—Ara vers 15.

Aqra Proverbji 10:22 u l-1 Timotju 6:​10, u mbagħad iddiskuti:

  • X’taħseb li hu l-​iktar importanti? Li tkun ħabib taʼ Ġeħova jew li jkollok ħafna flus? Għala taħseb hekk?

  • Xi problemi jistaʼ jkollna jekk dejjem irridu iżjed flus?

6. Ġeħova se jtina dak li għandna bżonn

Meta jkollna problemi bix-​xogħol jew bil-​flus, se naraw kemm vera nafdaw lil Ġeħova. Biex tara xi rridu nagħmlu meta niffaċċjaw dawn il-​problemi, ara l-​VIDJOW u mbagħad iddiskuti l-​mistoqsijiet.

  • Fil-​vidjow, il-​ħu xi problemi kellu?

  • X’għamel biex jiffaċċja l-​problemi b’mod tajjeb?

Aqra Mattew 6:​25-​34, u mbagħad iddiskuti:

  • Ġeħova xi jwiegħed lil dawk li jpoġġuh l-​ewwel f’ħajjithom?

ĦAFNA JGĦIDU: “Ikolli naħdem ħafna biex nieħu ħsieb il-​familja. Ma nistax inlaħħaq biex immur il-​laqgħat kollha.”

  • Liema skrittura tikkonvinċik li l-​aħjar deċiżjoni dejjem hi li tpoġġi lil Ġeħova l-​ewwel f’ħajtek?

XI DDISKUTEJNA?

Ix-​xogħol u l-​flus għandna bżonnhom. Imma qatt m’għandhom jieħdu post Ġeħova.

X’Tgħallimt

  • X’se jgħinek biex tqis ix-​xogħol b’mod tajjeb?

  • Kif se jgħinek meta tkun kuntent b’dak li għandek?

  • Kif tistaʼ tkun ċert li Ġeħova se jagħti lin-​nies tiegħu dak li għandhom bżonn?

Ipprova Dan

ARA IŻJED

Ara jekk il-​Bibbja tgħidx li l-​flus huma ħżiena.

“Huma l-​Flus l-​Għerq taʼ Kull Ħażen?” (Artiklu fuq jw.org)

Tgħallem kif nistgħu nużaw il-​flus tagħna biex nogħġbu lil Alla.

“X’tgħid il-​Bibbja dwar li tagħti?” (Artiklu fuq jw.org)

Ara x’ġiegħel lil raġel li kien jilgħab il-​flus u jisraq biex ibiddel ħajtu.

“I Was Passionate About Racehorses” (The Watchtower, November 1, 2011)