LEZZJONI 57
X’Jiġri Jekk Tagħmel Dnub Serju?
Int tħobbu ħafna lil Ġeħova u tipprova kemm tistaʼ biex ma tweġġgħux. Imma xorta kultant se tagħmel xi żbalji. Però hemm żbalji li huma ikbar minn oħrajn. (1 Korintin 6:9, 10) Jekk tagħmel dnub serju, tinsiex li Ġeħova għadu jħobbok. Hu lest li jaħfirlek u jgħinek.
1. Xi rridu nagħmlu biex Ġeħova jaħfrilna?
Dawk li jħobbu lil Ġeħova jħossuhom imdejqin ħafna meta jindunaw li għamlu żball serju. Imma dawn iħossuhom aħjar b’dak li Ġeħova wiegħed lin-nies tiegħu: ‘Għalkemm dnubietkom ikunu ħomor bħall-iskarlat, se jintgħamlu bojod bħas-silġ.’ (Isaija 1:18) Jekk veru jiddispjaċina, Ġeħova se jaħfrilna u se jinsa d-dnub tagħna. Kif nuru li vera jiddispjaċina? Billi nieqfu nagħmlu dak li hu ħażin u nitolbu lil Ġeħova biex jaħfrilna. Imbagħad nagħmlu l-aħjar li nistgħu biex inbiddlu l-ħsibijiet ħżiena u l-vizzji li wassluna biex nagħmlu d-dnub. Irridu nipprovaw ukoll ngħixu skont il-livelli taʼ Ġeħova.—Aqra Isaija 55:6, 7.
2. Ġeħova kif jgħinna permezz tal-anzjani?
Meta nagħmlu dnub serju, Ġeħova jgħidilna biex ‘insejħu lill-anzjani tal-kongregazzjoni.’ (Aqra Ġakbu 5:14, 15.) Dawn l-anzjani jħobbu lil Ġeħova u lil dawk li jaqduh. Huma tgħallmu kif jistgħu jgħinuna biex jerġaʼ jkollna ħbiberija tajba maʼ Ġeħova.—Galatin 6:1.
L-anzjani kif jgħinuna jekk nagħmlu dnub serju? Żewġ anzjani jew tlieta juruna mill-Bibbja għala dak li għamilna kien ħażin. Huma jinkuraġġuna u jagħtuna pariri tajbin biex jgħinuna ma nerġgħux nagħmlu l-istess żball. Jekk xi ħadd ma jiddispjaċihx taʼ li għamel, l-anzjani jneħħuh mill-kongregazzjoni biex ma jinfluwenzax lil oħrajn.
TGĦALLEM IŻJED
Apprezza iżjed kif Ġeħova jgħinek meta tagħmel dnub serju.
3. Kif se jgħinna li ngħidu d-dnubiet tagħna?
Kull dnub li nagħmlu jweġġaʼ lil Ġeħova, allura jagħmel sens li ngħidulu x’għamilna. Aqra Salm 32:1-5, u mbagħad iddiskuti:
-
Meta nagħmlu xi dnub, għala jkun tajjeb li ngħiduh lil Ġeħova minflok ma nipprovaw naħbuh?
Wara li ngħidu lil Ġeħova bid-dnubiet li għamilna, ikun tajjeb li nsaqsu lill-anzjani għall-għajnuna. Dan se jgħinna nħossuna aħjar. Ara l-VIDJOW, u mbagħad iddiskuti l-mistoqsija.
-
Fil-vidjow, l-anzjani kif għenu lil Canon jerġaʼ jsir ħabib taʼ Ġeħova?
Aħna rridu nkunu onesti mal-anzjani u ngħidulhom b’kollox. Huma qegħdin hemm biex jgħinuna. Aqra Ġakbu 5:16, u mbagħad iddiskuti:
-
Għala hu iktar faċli għall-anzjani biex jgħinuna meta aħna nkunu onesti?
4. Ġeħova juri ħniena maʼ min jagħmel dnub serju
Jekk xi ħadd għamel dnub serju u ma jridx jobdi lil Ġeħova, jitneħħa mill-kongregazzjoni. Aħna ma nagħmluhiex miegħu ħlief biex insellmulu. Aqra l-1 Korintin 5:6, 11, u mbagħad iddiskuti:
-
Il-ħmira teffettwa l-għaġina kollha. Allura meta nagħmluha ma’ xi ħadd li ma jiddispjaċihx għal dak li għamel, kif se jeffettwa l-kongregazzjoni?
L-anzjani jimitaw il-ħniena taʼ Ġeħova billi jipprovaw jgħinu lil dawk li tneħħew mill-kongregazzjoni. Ħafna minnhom reġgħu ġew lura. Għala? Għalkemm kien diffiċli li kienu mneħħijin mill-kongregazzjoni, dan għenhom jindunaw li dak li għamlu kien ħażin.—Salm 141:5.
Il-mod kif Ġeħova jittratta maʼ dawk li għamlu dnub serju, kif juri li hu raġunevoli, ħanin u jħobbna?
5. Ġeħova jaħfrilna meta vera jiddispjaċina
Ġesù ta eżempju biex jgħinna nifhmu kif Ġeħova jħossu meta xi ħadd vera jiddispjaċih. Aqra Luqa 15:1-7, u mbagħad iddiskuti:
-
Dan x’jgħallmek dwar Ġeħova?
Aqra Eżekjel 33:11, u mbagħad iddiskuti:
-
X’hemm bżonn nagħmlu biex nuru li vera jiddispjaċina?
ĦAFNA JGĦIDU: “Nibżaʼ li jekk ngħid lill-anzjani dwar id-dnub li għamilt, ineħħuni mill-kongregazzjoni.”
-
Kieku x’tgħid lil min iħossu hekk?
XI DDISKUTEJNA?
Jekk nagħmlu dnub serju imma vera jiddispjaċina u nkunu determinati li ma nerġgħux niżbaljaw, Ġeħova se jaħfrilna.
X’Tgħallimt
-
Jekk nagħmlu dnub, għala jkun tajjeb li ngħidu lil Ġeħova?
-
X’hemm bżonn nagħmlu biex Ġeħova jaħfrilna meta nagħmlu xi dnub?
-
Jekk għamilna dnub serju, għala għandna nsaqsu l-anzjani biex jgħinuna?
ARA IŻJED
Ara kif Ġeħova ħafer lil raġel bħalma nsibu f’Isaija 1:18.
L-anzjani kif jipprovaw jgħinu lil dawk li għamlu dnub serju?
“Kif l-Anzjani Juru Mħabba u Ħniena maʼ Dawk li Jidinbu” (It-Torri tal-Għassa, Awwissu 2024)
Sir af kif dawk li għamlu dnub serju u ma ddispjaċihomx xorta jintwerew imħabba u ħniena.
“Kif l-Anzjani Jgħinu lil Min Jitneħħa mill-Kongregazzjoni” (It-Torri tal-Għassa, Awwissu 2024)
Fl-istorja “Kelli bżonn nerġaʼ lura lejn Ġeħova,” sir af għala raġel li telaq mill-verità ħass li Ġeħova reġaʼ għenu jiġi lura.
“Il-Bibbja Tbiddel il-Ħajjiet” (It-Torri tal-Għassa, 1 tʼApril 2012)