Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Noti fl-Aħħar

Noti fl-Aħħar
  1.  Min Hi Babilonja l-Kbira?

  2.  Meta Kellu Jasal il-Messija?

  3.  Proċeduri Mediċi li Jużaw id-Demm

  4.  Separazzjoni taż-Żwieġ

  5.  Festi u Ċelebrazzjonijiet

  6.  Mard li Jittieħed

  7.  Flus u Affarijiet Legali

 1. Min Hi Babilonja l-Kbira?

Kif nafu li “Babilonja l-Kbira” tirrappreżenta r-reliġjonijiet foloz kollha? (Rivelazzjoni 17:5) Aħseb fuq dawn ir-raġunijiet:

  • Dak li tagħmel hi jidher mad-dinja kollha. Il-Bibbja tgħid li Babilonja l-Kbira qiegħda bilqiegħda fuq ‘folol u nazzjonijiet.’ Hi “għandha saltna fuq is-slaten taʼ l-art.”​—Rivelazzjoni 17:​15, 18.

  • Hi mhijiex qawwa politika jew xi negozju. Meta Babilonja l-Kbira tinqered, “is-slaten taʼ l-art” u “l-merkanti” se jibqgħu jeżistu.​—Rivelazzjoni 18:​9, 15.

  • Hi ma tgħidx il-verità dwar Alla. Il-Bibbja tgħid li hi prostituta għax taħdem ħafna mal-gvernijiet biex taqlaʼ l-flus u affarijiet oħra. (Rivelazzjoni 17:​1, 2) Hi tigdeb lil kulħadd u hi responsabbli għall-mewt taʼ ħafna nies.​—Rivelazzjoni 18:​23, 24.

Mur lura f’lezzjoni 13 punt 6

 2. Meta Kellu Jasal il-Messija?

Il-Bibbja qalet li kellhom jgħaddu 69 ġimgħa sa ma jasal il-Messija.​—Aqra Danjel 9:25.

  • Meta bdew id-69 ġimgħa? Fis-sena 455 QK. F’dak iż-żmien, il-Gvernatur Neħemija kien mar Ġerusalemm biex jerġaʼ jibniha.​—Danjel 9:25; Neħemija 2:​1, 5-8.

  • Kemm kienu twal id-69 ġimgħa? F’xi profeziji tal-Bibbja ġurnata tfisser sena. (Numri 14:34; Eżekjel 4:6) F’dak il-każ kull ġimgħa tfisser sebaʼ snin. Mela f’din il-profezija, 69 ġimgħa jiġu 483 sena (69 ġimgħa x 7 ġranet).

  • Meta spiċċaw id-69 ġimgħa? Jekk ngħoddu 483 sena mis-sena 455 QK, naslu għas-sena 29 WK. a F’din is-sena tgħammed Ġesù u sar il-Messija!​—Luqa 3:​1, 2, 21, 22.

Mur lura f’lezzjoni 15 punt 5

 3. Proċeduri Mediċi li Jużaw id-Demm

Hemm proċeduri mediċi li jużaw id-demm tiegħek stess. Pereżempju xi nies jagħtu d-demm. Oħrajn jerfgħu d-demm tagħhom minn qabel biex jużawh f’operazzjoni. Imma l-Kristjani ma jaċċettawx proċeduri bħal dawn.​—Dewteronomju 15:23.

Imma proċeduri oħra jistgħu jiġu aċċettati. Dawn jinkludu testijiet tad-demm, hemodialysis, hemodilution, jew li jintużaw is-cell-salvage jew il-heart-lung bypass machine. Kull Kristjan għandu jiddeċiedi għalih stess kif se jintuża d-demm tiegħu waqt operazzjoni, test mediku, jew sessjoni taʼ trattament. Kull tabib jistaʼ jkun li jagħmel dawn il-proċeduri ftit differenti. Imma qabel Kristjan jagħmel operazzjoni, test mediku, jew trattament, irid isir jaf x’se jagħmel eżatt it-tabib bid-demm tiegħu. Aħseb fuq il-mistoqsijiet li ġejjin:

  • X’se nagħmel jekk it-tobba jużaw proċedura fejn ftit mid-demm tiegħi joħroġ minn ġismi u forsi jieqaf milli jiċċirkola għal xi ħin? Għall-kuxjenza tiegħi, id-demm għadu parti minni u allura m’hemmx għalfejn, kif tgħid il-Bibbja, ‘inferrgħu fl-art’?​—⁠Dewteronomju 12:​23, 24.

  • X’nagħmel jekk waqt proċedura jittiħidli ftit mid-demm, isirlu xi tibdil (bħal li jħalltulu xi mediċina), u jingħata lura f’ġismi jew jiġi użat fuq ġismi? Se tniggiżni l-kuxjenza jew se naċċetta?

Mur lura f’lezzjoni 39 punt 3

 4. Separazzjoni taż-Żwieġ

Il-Bibbja tgħid li raġel u mara m’għandhomx jisseparaw. Tagħmilha ċara wkoll li jekk tissepara, ma tkunx tistaʼ terġaʼ tiżżewweġ. (1 Korintin 7:​10, 11) Imma hemm sitwazzjonijiet fejn xi Kristjani jaħsbu biex jisseparaw.

  • Raġel ma jridx jieħu ħsieb il-familja: Raġel miżżewweġ ma jkunx irid jagħti lill-familja dak li għandhom bżonn biex jgħixu. Dan jasal sal-punt li l-familja ma jkollhomx l-affarijiet bażiċi bħal flus u ikel.​—1 Timotju 5:8.

  • Abbuż fiżiku gravi: Dan l-abbuż jistaʼ jasal sal-punt li s-saħħa jew il-ħajja tal-mara jew ir-raġel tkun fil-periklu.​—Galatin 5:​19-21.

  • Il-ħbiberija taʼ persuna m’Alla tkun f’riskju kbir: Ir-raġel jew il-mara tagħmilha impossibbli għall-persuna l-oħra biex taqdi lil Ġeħova.​—Atti 5:29.

Mur lura f’lezzjoni 42 punt 3

 5. Festi u Ċelebrazzjonijiet

Il-Kristjani ma jiħdux sehem f’festi li ma jogħġbux lil ­Ġeħova. Imma kull Kristjan għandu jittrennja l-kuxjenza tiegħu mill-Bibbja. Imbagħad għandu jiddeċiedi x’se jagħmel meta oħrajn jiċċelebraw il-festi. Ara xi ftit eżempji.

  • Xi ħadd jixtieqlek il-festa t-tajba. Tistaʼ tgħidlu: “Grazzi.” Jekk dak li jkun irid isir jaf iżjed, tistaʼ tispjegalu għala ma tiċċelebrax il-festa.

  • Ir-raġel jew il-mara tiegħek, li mhix Xhud taʼ Ġeħova, tistiednek għal ikla fil-festi mal-familja tagħha. Jekk il-kuxjenza tiegħek tħallik tmur, tajjeb li minn qabel tispjega lir-raġel jew lill-mara tiegħek li jekk isiru xi affarijiet li ma jaqblux mal-Bibbja, int mhux se tieħu sehem.

  • Tax-xogħol ituk bonus fi żmien il-festi. Allura m’għandekx tieħdu? Mhux bilfors. Il-bonus li qed ituk hu parti mill-festi jew biex juruk li japprezzaw ix-xogħol li tagħmel?

  • Xi ħadd jagħtik rigal fi żmien il-festi. Min jagħtik ir-rigal jaf jgħidlek: “Naf li ma tiċċelebrax il-festa imma nixtieq nagħtik xi ħaġa.” Forsi l-persuna tixtieq turi li tapprezza dak li tagħmel. Imma jistaʼ jkun li l-persuna qed tipprova tittestja l-fidi tiegħek jew iġġiegħlek tieħu sehem fil-festa? Wara li taħseb fuq dawn l-affarijiet, f’idejk biex tiddeċiedi jekk taċċettax ir-rigal jew le. Trid tkun ċert li d-deċiżjoni tiegħek tħalilek il-kuxjenza nadifa u tibqaʼ leali lejn Ġeħova.​—Atti 23:1.

Mur lura f’lezzjoni 44 punt 1

 6. Mard li Jittieħed

Aħna nħobbu n-nies. Allura noqogħdu attenti ħafna li ma mmarrdux lil oħrajn, kemm jekk inkunu morda u anki jekk hemm ċans li għandna marda li tittieħed. Aħna nagħmlu hekk għax il-Bibbja tgħidilna: “Ħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.”​—Rumani 13:​8-10.

Persuna marida kif tistaʼ turi li tħobb lil oħrajn? Xi ħadd li għandu mard li jittieħed m’għandux juri affezzjoni, bħal li jgħannaq jew ibus. M’għandux jieħu għalih jekk in-nies ma jistidnuhx id-dar biex jipproteġu lill-familja. U qabel jitgħammed għandu jgħid il-koordinatur tal-ġemgħa tal-anzjani bil-marda tiegħu. Dan ikun tajjeb biex dawk li jitgħammdu miegħu jkunu protetti. Jekk hemm iċ-ċans li xi ħadd għandu marda li tittieħed, ikun tajjeb li jagħmel test tad-demm qabel jibda joħroġ maʼ xi ħadd. B’hekk ikun qed juri li jimpurtah minn oħrajn, għax ma jkunx qed ‘ifittex l-interessi persunali tiegħu biss, imma wkoll l-interessi persunali taʼ l-oħrajn.’​—Filippin 2:4.

Mur lura f’lezzjoni 56 punt 2

 7. Flus u Affarijiet Legali

Aħna nistgħu nevitaw ħafna problemi meta niktbu xi ftehemna maʼ ħaddieħor dwar affarijiet taʼ flus jew xogħol. Dan tajjeb li nagħmluh anki jekk ikun maʼ Kristjan. (Ġeremija 32:​9-12) Xi kultant anki l-Kristjani jaf ma jaqblux fuq flus jew affarijiet oħra. Huma jridu jkunu kapaċi jirranġaw l-affarijiet malajr, bil-paċi, u man-nies involuti biss.

Kif għandna nirranġaw affarijiet iktar serji bħal meta xi ħadd iqarraq bik għall-flus jew jigdeb fuqek? (Aqra Mattew 18:​15-17.) Ġesù spjegalna x’għandna nagħmlu b’dawn it-tliet passi:

  1. Ipprovaw irranġaw bejnietkom.​—Ara vers 15.

  2. Jekk ma ssolvux il-problema, saqsi lil xi ħadd matur jew tnejn mill-kongregazzjoni biex ikunu magħkom.​—Ara vers 16.

  3. Jekk xorta ma tistax issolvi l-problema, imbagħad tistaʼ titkellem mal-anzjani.​—Ara vers 17.

Ħafna drabi, m’għandniex nieħdu lil ħutna l-qorti, għax jistaʼ jirrifletti ħażin fuq Ġeħova u l-aħwa. (1 Korintin 6:​1-8) Imma hemm sitwazzjonijiet li jkollok bżonn tagħmilhom b’mod legali, bħal: divorzju, min se jieħu ħsieb it-tfal, manteniment, klejms tal-insur­ance, falliment, jew testmenti. Jekk Kristjan iħoss li jrid jitlaʼ l-qorti biex jieħu ħsieb dawn l-affarijiet u kemm jistaʼ jkun iżomm il-paċi, hu ma jkunx qed imur kontra l-Bibbja.

F’każijiet kriminali bħal rape, abbuż fuq it-tfal, attakk fiżiku, serq kbir, jew qtil, Kristjan ma jkunx qed imur kontra l-Bibbja jekk jirrapporta lill-awtoritajiet.

Mur lura f’lezzjoni 56 punt 3

a Mis-sena 455 QK sas-sena 1 QK hemm 454 sena. Mis-sena 1 QK sas-sena 1 WK hemm sena (is-sena 0 ma teżistix). Mis-sena 1 WK sas-sena 29 WK hemm 28 sena. Dawn jiġu 483 sena.