“Dan Ma Jistax Ikun Veru!”
WIEĦED raġel minn New York (l-Istati Uniti) jirrakkonta: “Ibni Jonathan kien qiegħed iżur lil xi ħbieb ftit mili ’l bogħod. Marti, Valentina, ma kenitx tieħu gost li jmur hemm. Kienet dejjem inkwetata minħabba t-traffiku. Imma hu kien iħobb l-elettronika, u ħbiebu kellhom workshop fejn setaʼ jikseb esperjenza prattika. Jien kont id-dar fil-Punent taʼ Manhattan, New York. Marti kienet qiegħda żżur lill-familja tagħha fi Puerto Rico. ‘Jonathan dalwaqt jiġi lura,’ ħsibt jien. Imbagħad ċemplet il-qanpiena tal-bieb. ‘Dak żgur hu.’ Ma kienx. Kienu l-pulizija u l-paramediċi. ‘Qiegħed tarafha din il-liċenzja tas-sewqan?’ staqsa l-uffiċjal tal-pulizija. ‘Iva, dik taʼ ibni Jonathan.’ ‘Għandna aħbar ħażina għalik. Kien hemm inċident, u . . . ibnek, . . . ibnek safa mejjet.’ L-ewwel reazzjoni tiegħi kienet, ‘Dan ma jistax ikun veru!’ Dik il-bomba fetħet ferita fi qlubna li għadha ma feqitx, saħansitra snin wara.”
Wieħed missier f’Barċellona (Spanja) jikteb: “Lura fi Spanja tas-snin sittin, konna familja hienja. Kien hemm marti María, u t-tlett itfal tagħna, David, Paquito, u Isabel, li kellhom l-età taʼ 13, 11, u 9 rispettivament.
“Ġurnata waħda f’Marzu taʼ l-1963, Paquito ġie d-dar mill-iskola jilmenta b’weġgħat kbar f’rasu. Aħna bqajna skurmentati dwar x’setaʼ kien il-kaġun—imma mhux għal żmien twil. Tliet sigħat wara kien mejjet. Emorraġija ċerebrali kienet temmitlu ħajtu ħesrem.
“Il-mewt taʼ Paquito seħħet iktar minn 30 sena ilu. Xorta waħda, l-uġigħ profond taʼ dik it-telfa għadu magħna sal-lum. M’hemm ebda mod kif ġenituri jistgħu jitilfu tifel jew tifla u ma jħossux li tilfu xi ħaġa minnhom infushom—jgħaddi kemm jgħaddi żmien jew għandhom kemm għandhom tfal oħrajn.”
Dawn iż-żewġ esperjenzi, fejn ġenituri tilfu lil xi ħadd mit-tfal, juru kemm hi profonda u dejjiema l-ferita li tiġi meta jmut xi tifel jew tifla. Kemm huma veri l-kelmiet taʼ tabib li kiteb: “Il-mewt taʼ tifel jew tifla ġeneralment hija iktar traġika u trawmatika mill-mewt taʼ persuna akbar għaliex it-tifel jew tifla huma l-aħħar persuna fil-familja li hi mistennija li tmut. . . . Il-mewt taʼ kwalunkwe tifel jew tifla tirrappreżenta t-telfa taʼ ħolm fil-futur, relazzjonijiet [iben, bint tar-rispett, neputijiet], esperjenzi . . . li għadhom ma tgawdewx.” U dan is-sens taʼ telfien profond jistaʼ wkoll japplika għal kwalunkwe mara li tilfet xi tarbija minħabba korriment.
Waħda mara mnikkta tispjega: “Żewġi, Russell, kien qeda bħala assistent mediku fl-inħawi tal-gwerra fil-Paċifiku matul it-II Gwerra Dinjija. Kien ra u salva minn battalji terribbli ġmielhom. Hu ġie lura lejn l-Istati Uniti u lejn ħajja iktar trankwilla. Iktar tard qeda bħala ministru tal-Kelma t’Alla. Ftit wara li għalaq is-60 sena beda jkollu sintomi taʼ problemi fil-qalb. Ipprova jgħix ħajja attiva. Imbagħad, jum wieħed f’Lulju taʼ l-1988, tah attakk tal-qalb qawwi ħafna u miet. It-telfa tiegħu kienet devastanti. Lanqas biss ilħaqt tajtu l-aħħar tislima. Hu ma kienx biss żewġi. Kien l-aqwa ħabib tiegħi. Konna qattajna 40 sena taʼ ħajja flimkien. Issa kien jidher li kelli niffaċċja solitudni speċjali.”
Dawn huma biss ftit mill-eluf taʼ traġedji li jolqtu lil familji madwar id-dinja kull jum. Bħalma jistgħu jgħidulek il-biċċa l-kbira tal-persuni mnikktin, meta l-mewt tolqot lil xi ħadd minn uliedek, lil żewġek, lil martek, lill-ġenitur tiegħek, lill-ħabib tiegħek, tkun verament dak li sejħilha l-kittieb Kristjan Pawlu, “l-aħħar għadu.” Taʼ spiss l-ewwel reazzjoni naturali għal aħbar li tkexkex forsi tkun ċaħda, “Dan ma jistax ikun veru! Ma rridx nemmen.” Reazzjonijiet oħrajn taʼ spiss isegwu, kif se naraw.—1 Korintin 15:25, 26.
Madankollu, qabel ma nikkunsidraw is-sentimenti taʼ niket, ejjew inwieġbu xi mistoqsijiet importanti. Tfisser il-mewt it-tmiem taʼ dak li jkun? Hemm xi tama li nistgħu nerġgħu naraw il-maħbubin tagħna?
Hemm Tama Reali
Il-kittieb tal-Bibbja Pawlu offra tama taʼ serħan minn dak “l-aħħar għadu,” il-mewt. Hu kiteb: “Fl-aħħar jinqered l-aħħar għadu: il-Mewt.” “L-aħħar għadu li jrid jiġi abolit huwa l-mewt.” (1 Korintin 15:26, The New English Bible) Pawlu għala setaʼ jkun tant ċert minn dak? Għaliex kien ġie mgħallem minn wieħed li kien ġie mqajjem mill-mewt, Ġesù Kristu. (Atti 9:3-19) Dak huwa wkoll għala Pawlu setaʼ jikteb: “Għaliex, jekk permezz taʼ bniedem [Adam] feġġet il-mewt, bi bniedem [Ġesù Kristu] ukoll iseħħ il-qawmien mill-imwiet. Għax bħalma l-bnedmin kollha jmutu f’Adam, hekk ilkoll jiksbu l-ħajja fi Kristu.”—1 Korintin 15:21, 22.
Ġesù kien imnikket profondament meta ltaqaʼ maʼ armla minn Najin u ra lil binha mejjet. Ir-rakkont tal-Bibbja jgħidilna: “Kif [Ġesù] wasal qrib il-bieb tal-belt [taʼ Najin], kienu qegħdin iġorru wieħed mejjet li ommu, mara armla, ma kellhiex ħliefu; u magħha kien hemm għadd ġmielu taʼ nies mill-belt. Kif raha l-Mulej tħassarha. ‘Tibkix,’ qalilha. Resaq, u mess it-tebut. Dawk li kienu qegħdin jerfgħuh waqfu. U hu qal: ‘Żagħżugħ, qiegħed ngħidlek, qum!’ U l-mejjet qam bil-qiegħda u beda jitkellem. U Luqa 7:12-16.
Ġesù tah lil ommu. In-nies kollha tkexkxu bil-biżaʼ, u bdew jagħtu glorja lil Alla u jgħidu: ‘Profeta kbir qam fostna,’ u, ‘Alla żar il-poplu tiegħu.’” Innota kif Ġesù ġie mqanqal mill-ħniena, u għalhekk irxoxta lil bin l-armla! Immaġina dak xi stampa jagħti għall-futur!—Hemmhekk, quddiem xhieda li raw b’għajnejhom, Ġesù wettaq irxoxt li ma jintesa qatt. Kien simbolu taʼ l-irxoxt li hu kien diġà bassar xi ftit żmien qabel din il-ġrajja, restawrar għal ħajja fuq l-art taħt “sema ġdid.” F’dik l-okkażjoni Ġesù kien qal: “Tistagħġbux b’dan: tiġi siegħa meta dawk kollha li jkunu fl-oqbra jisimgħu leħnu u joħorġu.”—Apokalissi 21:1, 3, 4; Ġwann 5:28, 29; 2 Pietru 3:13.
Xhieda oħrajn li raw b’għajnejhom irxoxt inkludew lil Pietru, flimkien maʼ xi wħud oħrajn mit-12 li akkumpanjaw lil Ġesù fuq il-vjaġġi tiegħu. Huma attwalment semgħu lil Ġesù rxoxtat jitkellem ħdejn il-Baħar tal-Galilija. Ir-rakkont jgħidilna: “Qalilhom Ġesù: ‘Ejjew, kulu.’ Imma ħadd mid-dixxipli ma ssogra jistaqsih, ‘Int min int?’, għax kienu jafu li kien il-Mulej. Ġesù resaq, qabad il-ħobż u newwilhulhom; u hekk ukoll għamel bil-ħut. Din kienet diġà t-tielet darba li Ġesù deher lid-dixxipli wara l-qawmien tiegħu mill-imwiet.”—Ġwann 21:12-14.
Għalhekk, Pietru setaʼ jikteb b’konvinzjoni sħiħa: “Ikun imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, li fil-ħniena kbira tiegħu wellidna mill-ġdid għal tama ħajja bil-qawmien taʼ Ġesù Kristu mill-imwiet.”—1 Pietru 1:3.
L-appostlu Pawlu esprima din it-tama kunfidenti tiegħu meta qal: “[Jiena] nemmen dak kollu li hemm fil-Liġi u l-Profeti, waqt li nittama f’Alla—kif jittamaw dawn ukoll—li kemm it-tajbin u kemm il-ħżiena għad iqumu minn bejn l-imwiet.”—Atti 24:14, 15.
Miljuni għalhekk jistgħu jkollhom it-tama solida li jaraw il-maħbubin tagħhom ħajjin għal darb’oħra fuq l-art imma taħt ċirkostanzi ferm differenti. X’se jkunu dawk iċ-ċirkostanzi? Iktar dettalji tat-tama bbażata fuq il-Bibbja għall-maħbubin tagħna li tlifna se jiġu diskussi fis-sezzjoni finali taʼ dan il-ktejjeb, intitolata “Tama Ċerta Għall-Mejtin.”
Imma l-ewwel ejjew nikkunsidraw xi mistoqsijiet li jistaʼ jkollok jekk int qiegħed titnikket minħabba t-telfa taʼ xi ħadd maħbub: Huwa normali li titnikket b’dan il-mod? Kif nistaʼ ngħix bin-niket tiegħi? X’jistgħu jagħmlu oħrajn biex jgħinuni nkampa? Kif nistaʼ jien ngħin lil oħrajn li huma mnikktin? U prinċipalment, Xi tgħid il-Bibbja dwar tama ċerta għall-mejtin? Qatt se nerġaʼ narahom jien il-maħbubin tiegħi? U fejn?