Tama Ċerta Għall-Mejtin
XEBBA taʼ 25 sena kitbet: “Fl-1981 ommi l-adottiva mietet bil-kanċer. Il-mewt tagħha ħassejnieha ferm iebsa jien u ħija l-adottiv. Jien kelli 17-il sena, u ħija kellu 11-il sena. Ħassejtha wisq it-telfa tagħha. Billi ġejt mgħallma li kienet fis-sema, ridt inneħħi ħajti b’idejja biex inkun magħha. Kienet l-akbar ħabiba tiegħi.”
Kemm tidher inġusta li l-mewt għandha jkollha l-qawwa li tieħu lil dik il-persuna li int tħobb. U meta dan jiġri, il-ħsieb li qatt iktar ma tkun tistaʼ titkellem maʼ, tidħak maʼ, jew tħaddan lill-maħbub tiegħek jistaʼ jkun l-iktar diffiċli li tissaporti. Dak l-uġigħ ma jiġix neċessarjament imħassar billi jgħidulek li l-maħbub tiegħek qiegħed hemm fuq fis-sema.
Il-Bibbja, madankollu, toffri tama bil-wisq differenti. Kif diġà nnotajna, l-Iskrittura tindika li huwa possibbli li tingħaqad mill-ġdid mal-maħbub tiegħek li jkun miet fil-futur qarib, mhux f’sema li m’huwiex magħruf imma eżatt hawn fuq l-art taħt kundizzjonijiet taʼ paċi u tjieba. U f’dak iż-żmien il-bnedmin se jkollhom il-prospett li jgawdu saħħa perfetta, u qatt ma se jkollhom jerġgħu jmutu. ‘Imma żgur li dak ma tantx huwa realistiku!’ jistgħu jgħidu xi wħud.
Xi trid biex tikkonvinċi ruħek li din hija tama ċerta? Biex temmen f’wegħda, ikollok bżonn taċċerta ruħek li dak li qiegħed jagħmel il-wegħda hu kemm lest kif ukoll kapaċi li jwettaqha. Min, allura, hu dak li jwiegħed li l-mejtin se jgħixu mill-ġdid?
Fir-rebbiegħa tas-sena 31 E.K., Ġesù Kristu wiegħed bil-qlubija: “Għax bħalma l-Missier iqajjem lill-mejtin u jagħtihom il-ħajja, hekk ukoll l-Iben jagħti l-ħajja lil dawk li jrid hu. Tistagħġbux b’dan: tiġi siegħa meta dawk kollha li jkunu fl-oqbra jisimgħu leħnu [taʼ Ġesù] u joħorġu.” (Ġwann 5:21, 28, 29) Iva, Ġesù Kristu wiegħed li miljuni li issa mejtin se jgħixu mill-ġdid fuq din l-art u jkollhom il-prospett li jibqgħu fuqha għal dejjem taħt kundizzjonijiet taʼ paċi u taʼ ġenna. (Luqa 23:43; Ġwann 3:16; 17:3; qabbel Salm 37:29 u Mattew 5:5.) Ladarba Ġesù għamel il-wegħda, tistaʼ bil-fiduċja tassumi li hu jrid li jwettaqha. Imma hu kapaċi jagħmel hekk?
Inqas minn sentejn wara li għamel dik il-wegħda, Ġesù wera b’mod qawwi li hu kemm irid kif ukoll kapaċi jwettaq l-irxoxt.
“Lażżru, Oħroġ!”
Kienet xena kommoventi. Lażżru kien marid serjament. Iż-żewġ ħutu bniet, Marija u Marta, bagħtu jgħarrfu lil Ġesù, li kien in-naħa l-oħra tax-Xmara Ġordan: “Mulej, ara, ħabibek marid.” (Ġwann 11:3) Huma kienu jafu li Ġesù kien iħobbu lil Lażżru. Ma kienx Ġesù jkun irid jara lil ħabibu l-marid? Il-ħaġa kurjuża hi li minflok ma mar Betanja immedjatament, Ġesù baqaʼ fejn kien għal jumejn oħra.—Ġwann 11:5, 6.
Lażżru miet xi ħin wara li l-messaġġ dwar il-marda tiegħu ġie mibgħut. Ġesù kien jaf meta miet Lażżru, u kellu l-intenzjoni li jagħmel xi ħaġa dwar dan. Sakemm Ġesù fl-aħħar wasal f’Betanja, il-ħabib tal-qalb tiegħu kien ilu mejjet erbat ijiem. (Ġwann 11:17, 39) Setaʼ Ġesù jġib lura għall-ħajja lil xi ħadd li kien ilu mejjet daqshekk?
Malli semgħet li Ġesù kien ġej, Marta, mara taʼ azzjoni, ġriet ’il barra biex tiltaqaʼ miegħu. (Qabbel Luqa 10:38-42.) Milqut min-niket tagħha, Ġesù aċċertaha: “Ħuk jerġaʼ jqum!” Meta indikat il-fidi tagħha f’irxoxt futur, Ġesù b’mod ċar qalilha: “Jien hu l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix.”—Ġwann 11:20-25.
Għajnejn kulħadd kienu fuq il-qabar. Imbagħad, minn ġod-dlam, ħarġet figura. Saqajh u jdejh kienu mgeżwrin bil-faxex, u wiċċu kien imgeżwer f’ċarruta. “Ħollulu l-faxex u ħalluh imur,” ordna Ġesù. L-aħħar waħda mill-faxex li ġew maħlulin waqgħet maʼ l-art. Iva, kien Lażżru, ir-raġel li kien ilu mejjet erbat ijiem!—Ġwann 11:44.
Tassew Ġara Dan?
Ir-rakkont tal-qawmien taʼ Lażżru huwa ppreżentat fil-Vanġelu taʼ Ġwanni bħala fatt storiku. 1 Korintin 15:13-15.
Id-dettalji huma wisq vivaċi biex dan ikun sempliċi allegorija. Li tiddubita mill-istoriċità tiegħu jkun ifisser li tiddubita mill-mirakli kollha tal-Bibbja, inkluż l-irxoxt taʼ Ġesù Kristu nnifsu. U li tiċħad l-irxoxt taʼ Ġesù jfisser li tiċħad il-fidi Kristjana kollha kemm hi.—Attwalment, jekk taċċetta l-eżistenza t’Alla, m’għandekx ikollok problema li temmen fl-irxoxt. Per eżempju: Individwu jistaʼ jirrekordja l-aħħar xewqat u t-testment tiegħu fuq video casette, u wara mewtu, il-qraba u l-ħbieb tiegħu jistgħu jarawh u jisimgħuh, fil-fatt, hekk kif jispjega kif il-proprjetà għandha tiġi mmaneġġjata. Mitt sena ilu, ħaġa bħal din lanqas biss kont toħlomha. U għal xi nies li llum qegħdin jgħixu f’partijiet remoti tad-dinja, it-teknoloġija taʼ l-irrekordjar bil-video tant ma jistgħux jifhmuha li tidher mirakoluża. Jekk il-prinċipji xjentifiċi stabbiliti mill-Ħallieq jistgħu jiġu wżati mill-bnedmin biex jikkostruwixxu mill-ġdid xena viżibbli u li tistaʼ tinstema bħal din, m’għandux il-Ħallieq ikun kapaċi jagħmel bil-wisq iktar? M’huwiex, allura, raġonevoli li Dak li ħalaq il-ħajja hu kapaċi li joħloqha mill-ġdid?
Il-miraklu tar-restawrazzjoni taʼ Lażżru għall-ħajja serva biex tiżdied il-fidi f’Ġesù u fl-irxoxt. (Ġwann 11:41, 42; 12:9-11, 17-19) B’mod li jolqtok, jirrivela wkoll ir-rieda u x-xewqa taʼ Jehovah u taʼ Ibnu biex iwettqu l-irxoxt.
‘Alla Se Jkollu Xenqa’
Ir-rispons taʼ Ġesù għall-mewt taʼ Lażżru jirrivela lat teneru ferm taʼ l-Iben t’Alla. Is-sentimenti profondi tiegħu f’din l-okkażjoni jindikaw b’mod ċar ix-xewqa intensa tiegħu li jirxoxta lill-mejtin. Naqraw: “Meta Marija waslet fejn kien Ġesù u ratu, nxteħtet f’riġlejh, tgħidlu: ‘Mulej, kieku int kont hawn, ħija ma kienx imut.’ Ġesù, kif ra lilha tibki u l-Lhud, li ġew magħha, jibku wkoll, ħass ruħu mqanqal u tħawwad ħafna. ‘Fejn qegħidtuh?’ staqsiehom. Huma weġbuh: ‘Mulej, ejja u ara.’ U Ġesù beka. Għalhekk il-Lhud qalu: ‘Ara kemm kien iħobbu!’”—Ġwann 11:32-36.
Il-mogħdrija mill-qalb taʼ Ġesù hija hawnhekk indikata minn tliet espressjonijiet: “ħass ruħu mqanqal,” “tħawwad ħafna,” u “beka.” Il-kelmiet fil-lingwa oriġinali wżati meta nkitbet din ix-xena kommoventi jindikaw li Ġesù tant kien imqanqal bil-mewt tal-ħabib tal-qalb tiegħu Lażżru u mid-dehra taʼ oħt Lażżru tibki li għajnejh imtlew bid-dmugħ. a
Dak li huwa tant taʼ l-għaġeb huwa li Ġesù kien diġà ġab lil tnejn oħra lura għall-ħajja. U kellu l-intenzjoni sħiħa li jagħmel l-istess maʼ Lażżru. (Ġwann 11:11, 23, 25) Madankollu, hu “beka.” Li jirrestawra lill-bnedmin għall-ħajja, allura, m’huwiex sempliċi proċedura għal Ġesù. Is-sentimenti teneri u profondi tiegħu kif murijin f’din l-okkażjoni jindikaw b’mod ċar ix-xewqa intensa tiegħu li jreġġaʼ lura t-tħarbit tal-mewt.
Is-sentimenti teneri taʼ Ġesù meta kien qiegħed jirxoxta lil Lażżru rriflettew ix-xewqa intensa tiegħu li jreġġaʼ lura t-tħarbit tal-mewt
Ladarba Ġesù hu “x-xbiha taʼ l-essenza tiegħu,” [jiġifieri, t’Alla Jehovah], aħna bi dritt ma nistennew xejn inqas mingħand il-Missier tagħna tas-sema. (Lhud 1:3) Dwar ir-rieda taʼ Jehovah li jwettaq l-irxoxt, ir-raġel leali Ġob qal: “Li kien jistaʼ bniedem imut u jerġaʼ għall-ħajja, . . . Kont tgħajjatli u jiena nwieġbek, kont titgħaxxaq [“se jkollok xenqa,” “NW”] bl-opra taʼ jdejk.” (Korsiv tagħna.) (Ġob 14:14, 15) Hawnhekk il-kelma fil-lingwa oriġinali mogħtija bħala “kont titgħaxxaq,” [jew, “se jkollok xenqa,” NW] turi l-ħerqa u x-xewqa sinċiera t’Alla. (Ġenesi 31:30; Salm 84:2) B’mod ċar, Jehovah bil-fors qiegħed jantiċipa bil-ħerqa l-irxoxt.
Nistgħu aħna tassew nemmnu l-wegħda taʼ l-irxoxt? Iva, m’hemm ebda dubju li Jehovah u Ibnu kemm iridu kif ukoll kapaċi li jwettqu dan. Dan xi jfisser għalik? Int għandek il-prospett li terġaʼ tingħaqad mal-mejtin maħbubin preċiż hawn fuq l-art imma taħt kundizzjonijiet differenti ferm!
Alla Jehovah, li ta bidu lill-umanità fi ġnien sabiħ, wiegħed li jirrestawra l-Ġenna fuq din l-art taħt il-ħakma tas-Saltna Tiegħu tas-sema f’idejn dak li issa hu Ġesù Kristu gglorifikat. (Ġenesi 2:7-9; Mattew 6:10; Luqa 23:42, 43) F’dik il-Ġenna restawrata, il-familja umana se jkollha l-prospett li tgawdi ħajja mingħajr tmiem, ħielsa minn kull mard u nuqqas taʼ saħħa. (Apokalissi 21:1-4; qabbel Ġob 33:25; Isaija 35:5-7.) Mitmumin, ukoll, se jkunu l-mibgħeda, il-preġudizzju razzjali, il-vjolenza etnika, u l-oppressjoni ekonomika kollha kemm huma. Se jkun għal fuq art imnaddfa bħal din li Alla Jehovah permezz taʼ Ġesù Kristu se jirxoxta l-mejtin.
L-irxoxt, ibbażat fuq is-sagrifiċċju bħala rahan taʼ Kristu Ġesù, se jġib ferħ lill-ġnus kollha
Dik issa hija t-tama tal-mara Kristjana li semmejna fil-bidu taʼ din is-sezzjoni. Bosta snin wara li mietet ommha, ix-Xhieda taʼ Jehovah għenuha tagħmel studju bir-reqqa tal-Bibbja. Hi tiftakar: “Wara li tgħallimt dwar it-tama taʼ l-irxoxt, bkejt. Kienet ħaġa taʼ l-għaġeb li nkun naf li se nerġaʼ nara lil ommi.”
Jekk qalbek b’mod simili tixxennaq biex terġaʼ tara lil xi ħadd maħbub, ix-Xhieda taʼ Jehovah bil-qalb kollha se jgħinuk biex titgħallem kif int tistaʼ tagħmel din it-tama ċerta t-tama tiegħek stess. Għala ma tikkuntattjahomx fis-Sala tas-Saltna li hi qrib tiegħek, jew tikteb fl-indirizz l-iktar qrib li huwa mniżżel f’paġna 32.
a Il-kelma Griega mogħtija bħala “ħass ruħu mqanqal” ġejja mill-verb (em·bri·maʹo·mai) li tissinjifika li tkun imqanqal b’uġigħ, jew profondament. Studjuż wieħed tal-Bibbja jinnota: “Hawn tistaʼ biss tfisser li emozzjoni tant profonda ħakmet lil Ġesù li ħarġet karba involontarja minn qiegħ qalbu.” L-espressjoni tradotta “tħawwad ħafna” ġejja mill-kelma Griega (ta·rasʹso) li tindika aġitar. Skond lessikografu wieħed, tfisser “li tikkaġuna kommozzjoni ġewwinija, . . . li teffettwa b’uġigħ jew niket kbir.” Il-kelma “beka” tiġi mill-verb Grieg (da·kryʹo) li jfisser “li xxerred id-dmugħ, li tibki bla ħoss.”