Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 13

“Ma Qablux maʼ Dan”

“Ma Qablux maʼ Dan”

Il-kwistjoni taċ-ċirkonċiżjoni tittieħed quddiem il-ġemgħa li tiggverna

Ibbażat fuq Atti 15:1-12

1-3. (a) Liema żviluppi jheddu li jifirdu lill-kongregazzjoni Kristjana tal-bidu? (b) Aħna kif nistgħu nibbenefikaw milli nistudjaw dan ir-rakkont fil-ktieb tal-​Atti?

 FERĦANIN se jtiru, Pawlu u Barnaba għadhom kemm waslu lura fil-belt Sirjana t’Antjokja wara l-ewwel vjaġġ missjunarju tagħhom. Huma kuntenti ħafna li Ġeħova “kien ta l-opportunità lill-popli biex jemmnu fih.” (Atti 14:26, 27) Iktar minn hekk, l-aħbar tajba qed tiġi pritkata f’Antjokja kollha u “ammont kbir” taʼ Ġentili qed jingħaqdu mal-kongregazzjoni t’hemmhekk.—Atti 11:20-26.

2 L-aħbar eċċitanti dwar din iż-żieda malajr tasal fil-Lhudija. Imma minflok ma tferraħ lil kulħadd, tagħmilha ċara li għandha tittieħed deċiżjoni dwar il-kwistjoni taċ-ċirkonċiżjoni. X’għandha tkun ir-relazzjoni bejn Kristjani Lhud u Lhud mhux Kristjani, u dawn tal-aħħar kif għandhom iqisuha l-Liġi Mosajka? Il-kwistjoni toħloq nuqqas taʼ ftehim li tant isir serju li jhedded li jaqsam il-kongregazzjoni Kristjana fi klikek. Din il-kwistjoni kif se tiġi solvuta?

3 Hekk kif nikkunsidraw dan ir-rakkont fil-ktieb tal-​Atti, se nitgħallmu ħafna lezzjonijiet taʼ valur. Dawn jistgħu jgħinuna naġixxu bl-għaqal f’każ li jqumu kwistjonijiet li jistgħu joħolqu firda fi żmienna.

“Jekk Ma Tiġux Ċirkonċiżi” (Atti 15:1)

4. Ċerti Lhud liema ideat żbaljati kienu qed jippromwovu, u dan liema mistoqsija jqajjem?

4 Id-dixxiplu Luqa kiteb: “Xi rġiel niżlu mil-Lhudija [Antjokja] u bdew jgħallmu lill-aħwa: ‘Jekk ma tiġux ċirkonċiżi skont il-Liġi taʼ Mosè, ma tiġux salvati.’” (Atti 15:1) Ma jintqalx jekk dawn l-“irġiel . . . mil-Lhudija” kinux Fariżej qabel ma kkonvertew għall-Kristjanità. Kemm jekk qabel kienu Fariżej u kemm jekk le, jidher li ġew effettwati mill-ħsieb taʼ din is-setta Lhudija li kien influwenzat iżżejjed mil-liġi. Ukoll, għandhom mnejn li b’mod żbaljat sostnew li kienu qed jitkellmu għan-nom tal-appostli u l-anzjani f’Ġerusalemm. (Atti 15:23, 24) Imma xi Kristjani Lhud, għala kienu għadhom jippromwovu ċ-ċirkonċiżjoni xi 13-il sena wara li l-appostlu Pietru, kif kien qallu Alla, kien laqaʼ lill-Ġentili mhux ċirkonċiżi fil-kongregazzjoni Kristjana? aAtti 10:24-29, 44-48.

5, 6. (a) Xi Kristjani Lhud għala għandhom mnejn riedu jibqgħu mqabbdin maċ-ċirkonċiżjoni? (b) Il-patt taċ-ċirkonċiżjoni kien parti mill-patt Abrahamiku? Spjega. (Ara n-nota taʼ taħt.)

5 Setaʼ kien hemm ħafna raġunijiet. Waħda minnhom kienet li ċ-ċirkonċiżjoni tal-irġiel kienet ġiet stabbilita minn Ġeħova nnifsu, u kienet sinjal taʼ relazzjoni speċjali miegħu. Iċ-ċirkonċiżjoni ġiet stabbilita qabel il-patt tal-Liġi, imma iktar tard saret parti minnu, u bdiet b’Abraham u n-nies taʼ daru. b (Lev. 12:2, 3) Taħt il-Liġi Mosajka, saħansitra l-barranin kellhom jiġu ċirkonċiżi qabel ma setgħu jgawdu ċerti privileġġi, bħal li jieklu l-ikla tal-Qbiż. (Eżo. 12:43, 44, 48, 49) Tabilħaqq, fil-moħħ tal-Lhud, raġel mhux ċirkonċiż kien ikun mhux nadif, taʼ min jiddisprezzah.—Is. 52:1.

6 B’hekk, il-Kristjani Lhud kienu jeħtieġu l-fidi u l-umiltà biex jaċċettaw tagħlim ġdid. Il-patt il-ġdid ħa post il-patt tal-Liġi, u għalhekk it-twelid bħala Lhudi ma kienx għadu awtomatikament jagħmel lil dak li jkun membru tal-poplu t’Alla. U l-Kristjani Lhud li kienu jgħixu f’komunitajiet Lhud kellhom bżonn il-kuraġġ biex jiddikjaraw lil Kristu u jaċċettaw lill-Ġentili li ma ġewx ċirkonċiżi bħala sħabhom fit-twemmin.—Ġer. 31:31-33; Lq. 22:20.

7. “Xi rġiel . . . mil-Lhudija” liema veritajiet ma fehmux?

7 M’għandniex xi ngħidu, il-livelli t’Alla ma kinux tbiddlu. Evidenza taʼ dan hu l-fatt li dan il-patt il-ġdid fih il-qofol tal-Liġi Mosajka. (Mt. 22:36-40) Pereżempju, rigward iċ-ċirkonċiżjoni, Pawlu iktar tard kiteb: “Il-Lhudi hu dak li hu Lhudi minn ġewwa, u ċ-ċirkonċiżjoni tiegħu hi dik fil-qalb bl-ispirtu, u mhux b’xi liġi miktuba.” (Rum. 2:29; Dt. 10:16) Dawn l-“irġiel” mil-Lhudija ma fehmux dawn il-veritajiet, imma sostnew li Alla qatt ma kien neħħa l-liġi taċ-ċirkonċiżjoni. Kienu se jagħrfu l-qawwa tal-irraġunar?

“Ma Qablux . . . u Ddiskutew Ħafna” (Atti 15:2)

8. Il-kwistjoni taċ-ċirkonċiżjoni, għala ttieħdet quddiem il-ġemgħa li tiggverna f’Ġerusalemm?

8 Luqa kompla: “Pawlu u Barnaba ma qablux maʼ dan u ddiskutew ħafna [mal-irġiel li niżlu “mil-Lhudija”]. Imbagħad ġie deċiż li Pawlu, Barnaba, u xi aħwa oħrajn imorru għand l-appostli u l-anzjani f’Ġerusalemm biex jitkellmu magħhom dwar din il-kwistjoni.” c (Atti 15:2) Il-fatt li “ma qablux maʼ dan u ddiskutew ħafna magħhom” irriflettew sentimenti qawwijin u konvinzjonijiet sodi miż-żewġ naħat, u l-kongregazzjoni f’Antjokja ma setgħetx tasal għal konklużjoni. Sabiex ikun hemm il-paċi u l-unità, il-kongregazzjoni b’mod għaqli ddeċidiet li tieħu l-kwistjoni quddiem “l-appostli u l-anzjani f’Ġerusalemm,” li fformaw il-ġemgħa li tiggverna. X’nistgħu nitgħallmu mill-anzjani f’Antjokja?

Xi wħud insistew: “Hemm bżonn li . . . [lill-Ġentili] nikkmandawhom jobdu l-Liġi taʼ Mosè”

9, 10. L-aħwa f’Antjokja kif ukoll Pawlu u Barnaba, b’liema mod ħallew eżempju mill-aħjar għalina llum?

9 Lezzjoni taʼ valur li nitgħallmu hi li għandna bżonn nafdaw lill-organizzazzjoni t’Alla. Ikkunsidra: L-aħwa f’Antjokja kienu jafu li l-ġemgħa li tiggverna kienet magħmula għalkollox minn Kristjani taʼ sfond Lhudi. Madankollu, huma kienu fiduċjużi li din il-ġemgħa kienet se tissetilja l-kwistjoni taċ-ċirkonċiżjoni fi qbil mal-Iskrittura. Għala? Il-kongregazzjoni kienet fiduċjuża li Ġeħova kien se jidderieġi l-kwistjoni permezz tal-ispirtu qaddis u tal-Kap tal-kongregazzjoni Kristjana, Ġesù Kristu. (Mt. 28:18, 20; Efes. 1:22, 23) Meta llum iqumu kwistjonijiet serji, ejja nimitaw l-eżempju mill-aħjar tal-Kristjani f’Antjokja billi nafdaw lill-organizzazzjoni t’Alla u lill-Ġemgħa li Tiggverna tagħha taʼ Kristjani midlukin, li jirrappreżentaw lill-“ilsir leali u għaqli.”—Mt. 24:45.

10 Aħna niġu mfakkrin ukoll fil-valur tal-umiltà u l-paċenzja. Pawlu u Barnaba nħatru personalment mill-ispirtu qaddis biex imorru għand il-ġnus, u madankollu m’użawx din l-awtorità biex isolvu l-kwistjoni taċ-ċirkonċiżjoni dak il-ħin stess f’Antjokja. (Atti 13:2, 3) Barra minn dan, Pawlu iktar tard kiteb: “Tlajt [Ġerusalemm] għax kelli rivelazzjoni”—u b’hekk indika direzzjoni divina fil-kwistjoni. (Gal. 2:2) Illum, l-anzjani jistinkaw biex ikollhom l-istess attitudni umli u paċenzjuża meta jqumu kwistjonijiet li jistgħu joħolqu firda. Minflok ma jipprovaw jiddefendu l-ħarsa persunali tagħhom, huma jduru lejn Ġeħova billi jieħdu l-pariri mill-Iskrittura u l-istruzzjoni u l-gwida provduti mill-klassi tal-ilsir.—Flp. 2:2, 3.

11, 12. Għala hu importanti li nistennew lil Ġeħova?

11 F’xi każi, għandna mnejn ikollna nistennew lil Ġeħova biex jipprovdi fehma iktar ċara fuq xi kwistjoni partikulari. Ftakar li l-aħwa fi żmien Pawlu kellhom jistennew sa madwar is-sena 49 WK (wara Kristu)—xi 13-il sena minn mindu Kornelju ġie midluk fis-sena 36 WK—sakemm Ġeħova ġab għal konklużjoni l-kwistjoni dwar jekk il-Ġentili kellhomx jiġu ċirkonċiżi. Għala dam daqshekk? Forsi Alla ried iħalli biżżejjed żmien għal-Lhud sinċieri biex jaġġustaw il-ħarsa tagħhom għal bidla daqstant kbira. Wara kollox, it-tmiem tal-patt taċ-ċirkonċiżjoni, li kien sar mal-maħbub missierhom Abraham 1,900 sena qabel, ma kienx kwistjoni żgħira!—Ġw. 16:12.

12 Xi privileġġ għandna li niġu mgħallmin u msawrin minn Missierna tas-sema li hu paċenzjuż u qalbu tajba! Ir-riżultati huma dejjem tajbin u dejjem għall-ġid tagħna. (Is. 48:17, 18; 64:8) Mela ejja qatt ma ninsistu bi kburija fuq l-ideat tagħna stess jew nirreaġixxu b’mod negattiv għal bidliet organizzazzjonali jew għal spjegazzjonijiet aġġustati taʼ ċerti skritturi. (Ekk. 7:8) Jekk tinduna anki bi ħjiel taʼ tendenza bħal din fik innifsek, għala ma timmeditax bit-talb fuq il-prinċipji f’waqthom li nsibu f’​Atti kapitlu 15? d

13. Kif nistgħu nirriflettu l-paċenzja taʼ Ġeħova fil-ministeru tagħna?

13 Għandna mnejn ikollna bżonn il-paċenzja meta nistudjaw il-Bibbja maʼ nies li jsibuha diffiċli biex jabbandunaw twemmin falz jew drawwiet mhux Skritturali li jkunu għal qalbhom. F’każi bħal dawn, forsi jkollna bżonn inħallu ammont raġunevoli taʼ żmien biex l-ispirtu t’Alla jaħdem f’qalb l-istudent. (1 Kor. 3:6, 7) Għandna bżonn ukoll nitolbu dwar il-kwistjoni. B’xi mod jew ieħor u fiż-żmien xieraq, Alla se jgħinna nagħrfu liema triq għaqlija għandna nieħdu.—1 Ġw. 5:14.

Huma Rrakkontaw Esperjenzi Inkuraġġanti “fid-Dettall” (Atti 15:3-5)

14, 15. Il-kongregazzjoni f’Antjokja kif onorat lil Pawlu, lil Barnaba, u lill-vjaġġaturi l-oħrajn, u l-preżenza tagħhom kif uriet li kienet barka għal sħabhom fit-twemmin?

14 Ir-rakkont taʼ Luqa jkompli: “Wara li dawk fil-kongregazzjoni mxew biċċa magħhom, dawn l-irġiel komplew il-vjaġġ u għaddew mill-Feniċja u s-Samarija. Huma rrakkontaw fid-dettall kif in-nies tal-popli bdew iqimu lil Alla, u meta l-aħwa t’hemm semgħu b’dan tgħidx kemm ferħu.” (Atti 15:3) Il-fatt li l-kongregazzjoni marret maʼ Pawlu, maʼ Barnaba, u mal-vjaġġaturi l-oħrajn biċċa mit-triq kien att taʼ mħabba Kristjana li onorahom u wera li l-kongregazzjoni xtaqitilhom il-barka t’Alla. Għal darb’oħra, x’eżempju mill-aħjar ħallewlna l-aħwa f’Antjokja! Tonora int lil ħutek spiritwali, “speċjalment dawk [l-anzjani] li jaħdmu iebes biex jitkellmu u jgħallmu”?—1 Tim. 5:17.

15 Huma hu sejrin, il-vjaġġaturi wrew li kienu barka għall-Kristjani sħabhom fil-Feniċja u fis-Samarija billi qasmu magħhom “fid-dettall” esperjenzi dwar ix-xogħol fit-territorju tal-Ġentili. Jistaʼ jkun li fost is-semmiegħa kien hemm Kristjani Lhud li kienu ħarbu lejn dawn ir-reġjuni wara li Stiefnu miet martri. Bl-istess mod illum, rapporti dwar il-barka taʼ Ġeħova fuq ix-xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli huma sors taʼ inkuraġġiment għal ħutna, speċjalment għal dawk li għaddejjin minn provi. Tibbenefika int bis-sħiħ minn rapporti bħal dawn billi tattendi l-laqgħat, l-assembleat, u l-konvenzjonijiet Kristjani kif ukoll billi taqra l-esperjenzi u l-bijografiji pubblikati fil-letteratura jew fuq il-website tagħna jw.org?

16. X’juri li ċ-ċirkonċiżjoni kienet saret kwistjoni kbira?

16 Wara li vvjaġġat xi 550 kilometru lejn in-Nofsinhar, id-delegazzjoni minn Antjokja sa fl-aħħar waslet fid-destinazzjoni tagħha. Luqa kiteb: “Meta waslu Ġerusalemm, huma ntlaqgħu b’qalb tajba mill-kongregazzjoni, l-appostli, u l-anzjani. Dawn irrakkontawlhom il-ħafna affarijiet li Alla kien għamel permezz tagħhom.” (Atti 15:4) Madankollu, bi tweġiba “xi wħud li qabel kienu parti mis-setta tal-Fariżej, qamu minn posthom u qalu: ‘Hemm bżonn li jiġu ċirkonċiżi u li nikkmandawhom jobdu l-Liġi taʼ Mosè.’” (Atti 15:5) B’mod ċar, il-kwistjoni dwar iċ-ċirkonċiżjoni taʼ Kristjani mhux Lhud kienet saret kwistjoni kbira, u kellha tiġi ssetiljata.

“L-Appostli u l-Anzjani Ltaqgħu” (Atti 15:6-12)

17. Il-ġemgħa li tiggverna f’Ġerusalemm minn min kienet ifformata, u “l-anzjani” għala għandhom mnejn ġew inklużi?

17 “L-għerf qiegħed maʼ dawk li jikkonsultaw flimkien,” jgħid Proverbji 13:10. Fi qbil maʼ dan il-prinċipju f’loku, “l-appostli u l-anzjani ltaqgħu biex jiddiskutu din il-kwistjoni [taċ-ċirkonċiżjoni].” (Atti 15:6) “L-appostli u l-anzjani” rrappreżentaw lill-kongregazzjoni Kristjana kollha kemm hi, sewwasew bħalma tagħmel il-Ġemgħa li Tiggverna llum. “L-anzjani” għala kienu qed jaqdu id f’id mal-appostli? Ftakar li l-appostlu Ġakbu kien ġie maqtul, u għall-inqas għal xi żmien, l-appostlu Pietru kien ġie mitfugħ il-ħabs. Setgħu l-appostli l-oħrajn jesperjenzaw xi ħaġa simili? Il-preżenza taʼ rġiel midlukin kwalifikati oħrajn kienet se tiżgura li kien hemm biżżejjed aħwa rġiel biex jipprovdu indokrar xieraq.

18, 19. Pietru liema kliem qawwi qal, u s-semmiegħa tiegħu għal liema konklużjoni messhom waslu?

18 Luqa kompla: “Wara diskussjoni taħraq, Pietru qam u qalilhom: ‘Aħwa, intom tafu tajjeb li Alla għażilni minn fostkom biex in-nies tal-popli jisimgħu l-messaġġ tal-aħbar tajba u jemmnu. U Alla, li jaf x’hemm fil-qalb, wera li approvahom billi tahom l-ispirtu qaddis bħalma tah lilna. Hu qies lilna u lilhom l-istess, u ħafrilhom id-dnubiet minħabba l-fidi tagħhom biex ikollhom qalb nadifa.’” (Atti 15:7-9) Skont xogħol taʼ referenza, il-kelma Griega tradotta “diskussjoni taħraq” f’vers 7 tindika wkoll wieħed li “jfittex,” li “jistaqsi.” Milli jidher, l-aħwa rġiel onestament kellhom differenzi fl-opinjoni, u esprimewhom bil-miftuħ.

19 Il-kliem qawwi taʼ Pietru fakkar lil kulħadd li hu nnifsu kien preżenti meta l-ewwel Ġentili mhux ċirkonċiżi—Kornelju u dawk taʼ daru—ġew midlukin bl-ispirtu qaddis fis-sena 36 WK. Mela, jekk Ġeħova ma baqax jagħmel distinzjoni bejn Lhudi u wieħed mhux Lhudi, il-bnedmin x’awtorità għandhom biex jagħmlu distinzjoni? Iktar minn hekk, il-fidi fi Kristu, u mhux l-ubbidjenza lejn il-Liġi Mosajka, turi li persuna hi ġusta.—Gal. 2:16.

20. Dawk li kienu qed jippromwovu ċ-ċirkonċiżjoni kif kienu ‘qed jisfidaw lil Alla’?

20 Fuq il-bażi tax-xhieda li ħadd ma setaʼ jmeriha, kemm tal-kelma t’Alla kif ukoll tal-ispirtu qaddis, Pietru kkonkluda: “Allura għala issa qed tisfidaw lil Alla, billi qed timponu li d-dixxipli jerfgħu madmad fuq għonqhom li la aħna u lanqas missirijietna ma konna kapaċi nerfgħu? Bħalma se niġu salvati aħna, nemmnu li anki huma se jiġu salvati grazzi għall-qalb tajba kbira tal-Mulej Ġesù.” (Atti 15:10, 11) Dawk li kienu qed jippromwovu ċ-ċirkonċiżjoni kienu, fil-fatt, ‘qed jisfidaw lil Alla,’ jew kienu qed ‘iġarrbu l-paċenzja tiegħu,’ kif tittraduċiha traduzzjoni oħra. Huma kienu qed jipprovaw jimponu kodiċi fuq il-Ġentili li l-Lhud infushom ma setgħux jobduha bis-sħiħ u li għalhekk ikkundannathom għall-mewt. (Gal. 3:10) Minflok, is-semmiegħa Lhud taʼ Pietru kellhom għalfejn ikunu grati għall-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla li ntweriet permezz taʼ Ġesù.

21. Barnaba u Pawlu x’sehem kellhom fid-diskussjoni?

21 Evidentement, il-kliem taʼ Pietru laqathom fil-laħam il-ħaj, għax “il-grupp kollu qagħad kwiet.” Imbagħad Barnaba u Pawlu rrakkontaw “il-ħafna mirakli u l-affarijiet tal-għaġeb li Alla għamel permezz tagħhom fost il-popli.” (Atti 15:12) Issa, fl-aħħar, l-appostli u l-anzjani setgħu jevalwaw l-evidenza kollha u jieħdu deċiżjoni li b’mod ċar irriflettiet ir-rieda t’Alla dwar il-kwistjoni taċ-ċirkonċiżjoni.

22-24. (a) Illum, il-Ġemgħa li Tiggverna kif issegwi l-eżempju tal-ġemgħa li tiggverna tal-bidu? (b) L-anzjani kollha kif jistgħu juru rispett lejn l-awtorità teokratika?

22 Illum, ukoll, meta jiltaqgħu l-membri tal-Ġemgħa li Tiggverna, huma jistrieħu fuq il-Kelma t’Alla għad-direzzjoni u jitolbu bil-ħeġġa għall-ispirtu qaddis. (Salm 119:105; Mt. 7:7-11) Sabiex jagħmlu dan, kull membru tal-Ġemgħa li Tiggverna jirċievi aġenda bil-quddiem sabiex ikun jistaʼ jaħseb u jitlob dwar il-kwistjonijiet. (Prov. 15:28) Fil-laqgħa, dawn l-aħwa rġiel midlukin jesprimu ruħhom bil-miftuħ u bir-rispett. Il-Bibbja tintuża spiss waqt id-diskussjonijiet.

23 L-anzjani tal-kongregazzjoni għandhom jimitaw dan l-eżempju. U jekk kwistjoni serja tibqaʼ mhix solvuta wara li tiġi kunsidrata f’laqgħa tal-anzjani, il-ġemgħa tistaʼ tikkonsulta mal-uffiċċju tal-fergħa lokali jew maʼ dawk maħturin biex jirrappreżentawha, bħalma huma l-indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet. Il-fergħa, min-naħa tagħha, jekk ikun hemm bżonn, tistaʼ tikteb lill-Ġemgħa li Tiggverna.

24 Iva, Ġeħova jbierek lil dawk li jirrispettaw l-arranġament teokratiku u li juru l-umiltà, il-lealtà, u l-paċenzja. Bħalma se naraw fil-kapitlu li jmiss, il-barkiet li jagħti Alla talli nagħmlu hekk huma l-paċi ġenwina, il-prosperità spiritwali, u l-unità Kristjana.

a Ara l-kaxxa “ It-Tagħlim tal-​Ġudaisti.”

b Il-patt taċ-ċirkonċiżjoni ma kienx parti mill-patt Abrahamiku, li għadu validu sal-lum. Il-patt Abrahamiku beda jgħodd mis-sena 1943 QK (qabel Kristu) meta Abraham (dak iż-żmien Abram) qasam l-Ewfrat fi triqtu lejn Kangħan. Dak iż-żmien kellu 75 sena. Il-patt taċ-ċirkonċiżjoni sar iktar tard, fis-sena 1919 QK, meta Abraham kellu 99 sena.—Ġen. 12:1-8; 17:1, 9-14; Gal. 3:17.

c Titu, Kristjan Grieg li iktar tard sar sieħeb u rappreżentant fdat taʼ Pawlu, jidher li kien membru tad-delegazzjoni. (Gal. 2:1; Titu 1:4) Dan ir-raġel kien eżempju mill-aħjar taʼ Ġentil mhux ċirkonċiż midluk bl-ispirtu qaddis.—Gal. 2:3.