KAPITLU 4
“Irġiel Komuni u taʼ Ftit Skola”
L-appostli jieħdu azzjoni qalbiena, u Ġeħova jberikhom
Ibbażat fuq Atti 3:1–5:11
1, 2. Pietru u Ġwanni liema miraklu wettqu ħdejn il-bieb tat-tempju?
IX-XEMX taʼ waranofsinhar tiddi fuq il-geġwiġija taʼ nies. Lhud devoti u dixxipli taʼ Kristu huma deħlin fit-tempju. Dalwaqt se jkun “il-ħin tat-talb.” a (Atti 2:46; 3:1) Fost il-folla, Pietru u Ġwanni jersqu lejn il-bieb tat-tempju li jgħidulu s-Sabiħ. Fuq l-istorbju tan-nies ipaċpċu u l-ħoss tat-tkaxkir tas-saqajn, tallab taʼ mezz’età, magħtub mit-twelid, jgħajjat għall-karità.—Atti 3:2; 4:22.
2 Hekk kif Pietru u Ġwanni jersqu viċin, it-tallab jirripeti s-soltu talba tiegħu għall-flus. L-appostli jieqfu, u jiġbdu l-attenzjoni tar-raġel li qed jittama. “M’għandix fidda u deheb,” jgħid Pietru, “imma se nagħtik dak li għandi. Ngħidlek f’isem Ġesù Kristu n-Nazzarenu, imxi!” Immaġina kemm jibqgħu mbellhin dawk fil-folla hekk kif Pietru jaqbad minn idu lir-raġel magħtub u—għall-ewwel darba f’ħajtu—ir-raġel iqum bilwieqfa! (Atti 3:6, 7) Tistaʼ ġġib quddiem għajnejk lir-raġel iħares ’l isfel lejn saqajh li huma mfejqin hekk kif jieħu l-ewwel passi inċerti tiegħu? Mhux taʼ b’xejn li jibda jaqbeż ’l hemm u ’l hawn u b’leħen għoli jfaħħar lil Alla!
3. Ir-raġel li kien fieq u l-folla, liema għotja setgħu jirċievu?
3 Il-folla ferħana għall-aħħar tiġri lejn Pietru u Ġwanni fil-loġġa taʼ Salamun. Hawnhekk, fl-istess post fejn Ġesù darba qagħad bilwieqfa u għallem, Pietru jinformahom dwar is-sinifikat veru taʼ dak li għadu kif seħħ. (Ġw. 10:23) Hu joffri lill-folla u lir-raġel li kien fejjaq għotja li tiswa iktar mill-fidda jew mid-deheb. Din l-għotja tinvolvi ħafna iktar minn saħħa mġedda. Hija l-opportunità biex jindmu, biex dnubiethom jitħassrulhom, u biex isiru segwaċi taʼ Ġesù Kristu, “il-Mexxej Magħżul” minn Ġeħova.—Atti 3:15.
4. (a) Il-fejqan mirakoluż ħejja t-triq għal liema konfrontazzjoni? (b) Liema żewġ mistoqsijiet se nwieġbu?
4 X’jum rimarkevoli! Bniedem wieħed ġie mfejjaq fiżikament u issa setaʼ jimxi. Eluf oħrajn ngħataw l-opportunità biex jitfejqu spiritwalment sabiex ikunu jistgħu jimxu b’mod li jixraq lil Alla. (Kol. 1:9, 10) Flimkien ma’ dan, il-ġrajjiet taʼ dan il-jum ħejjew it-triq għal konfrontazzjoni bejn is-segwaċi leali taʼ Kristu u n-nies fil-poter li kienu se jipprovaw iwaqqfuhom milli jwettqu l-kmand taʼ Ġesù biex jippritkaw il-messaġġ tas-Saltna. (Atti 1:8) X’nistgħu nitgħallmu mill-metodi li ntużaw minn Pietru u Ġwanni—“rġiel komuni u taʼ ftit skola”—u mill-attitudni li wrew hekk kif taw xhieda lill-folla? b (Atti 4:13) U kif nistgħu nimitaw il-mod kif huma u d-dixxipli l-oħrajn ittrattaw mal-oppożizzjoni?
Mhux “bis-Saħħa Tagħna” (Atti 3:11-26)
5. X’nitgħallmu mill-mod kif Pietru kellem lill-folla?
5 Pietru u Ġwanni qagħdu bilwieqfa quddiem il-folla, avolja kienu jafu li xi wħud hemmhekk reċentement kienu għajtu biex Ġesù jiġi maqtul. (Mk. 15:8-15; Atti 3:13-15) Aħseb dwar il-kuraġġ li wera Pietru hekk kif iddikjara bil-qlubija li r-raġel magħtub ġie mfejjaq f’isem Ġesù. Pietru ma dgħajjifx il-messaġġ tiegħu biex jevita li jfixkel lill-folla. Bla tlaqliq iddikjara li l-folla kellha parti mir-responsabbiltà għall-mewt taʼ Kristu. Imma Pietru ma żammx f’qalbu kontra dawn in-nies, għax huma ‘ma kinux jafu x’qed jagħmlu.’ (Atti 3:17) Hu appella għalihom bħala ħutu u ffoka fuq l-aspetti pożittivi tal-messaġġ tas-Saltna. Kieku kienu lesti biex jindmu u jpoġġu l-fidi fi Kristu, kieku kienu se jirċievu “żmien taʼ serħan” mingħand Ġeħova. (Atti 3:19) Bl-istess mod, aħna rridu nkunu qalbenin u diretti meta niddikjaraw il-ġudizzju li riesaq t’Alla. Fl-istess waqt, qatt m’għandna nkunu aggressivi, ħorox, jew niġġudikaw. Minflok, inqisu lil dawk li nippritkawlhom bħala li jistgħu jkunu ħutna, u bħal Pietru, niffokaw speċjalment fuq l-aspetti pożittivi tal-messaġġ tas-Saltna.
6. Pietru u Ġwanni kif urew l-umiltà u l-modestja?
6 L-appostli kienu rġiel modesti. Ma ħadux il-krettu għall-għemil mirakoluż li kienu wettqu. Pietru qal lill-folla: “Għala qed tistagħġbu u qed tiċċassaw lejna? Jaqaw qed taħsbu li kien bis-saħħa tagħna jew għax naqdu lil Alla b’qalbna kollha li dan qed jimxi?” (Atti 3:12) Pietru u l-appostli l-oħrajn kienu jafu li kwalunkwe ġid li wettqu fil-ministeru tagħhom kien grazzi għall-qawwa t’Alla u mhux tagħhom stess. Minħabba f’hekk, bil-modestja dderiġew lejn Ġeħova u Ġesù t-tifħir kollu għal dak li wettqu.
7, 8. (a) Liema għotja nistgħu noffru lin-nies? (b) Il-wegħda li ġej “żmien li jitranġa kollox” kif qed titwettaq illum?
7 Aħna rridu nuru modestja simili hekk kif nieħdu sehem fix-xogħol tal-ippritkar tas-Saltna. Huwa minnu li l-ispirtu t’Alla ma jagħtix lill-Kristjani taʼ żmienna l-qawwa biex iwettqu fejqan mirakoluż. Minkejja dan, nistgħu ngħinu lin-nies jiżviluppaw il-fidi f’Alla u fi Kristu u jirċievu l-istess għotja li offra Pietru—l-opportunità li jinħafrulhom dnubiethom u li jirċievu s-serħan mingħand Ġeħova. Kull sena, mijiet t’eluf jaċċettaw din l-offerta u jsiru dixxipli mgħammdin taʼ Kristu.
8 Jidher ċar li aħna qegħdin ngħixu fiż-żmien li Pietru rrefera għalih “żmien li jitranġa kollox.” Is-Saltna t’Alla bdiet tmexxi fis-sema fis-sena 1914, u b’hekk twettqu il-profeziji li “Alla tkellem dwar dan iż-żmien permezz tal-profeti leali tiegħu tal-passat.” (Atti 3:21; Salm 110:1-3; Dan. 4:16, 17) Ftit wara dan, Kristu għen lid-dixxipli tiegħu jirranġaw il-qima vera fuq l-art. B’riżultat taʼ dan, miljuni taʼ wħud iddaħħlu f’ġenna spiritwali, u saru sudditi tas-Saltna t’Alla. Neżgħu l-personalità qadima u mħassra u ‘libsu l-personalità l-ġdida li nħolqot skond ir-rieda t’Alla.’ (Efes. 4:22-24) Bħal fil-każ tal-fejqan tat-tallab magħtub, dan ix-xogħol tal-għaġeb ma twettaqx bl-isforzi umani, imma bl-ispirtu t’Alla. Bħal Pietru, aħna rridu nużaw il-Kelma t’Alla bil-qlubija u b’mod effettiv biex ngħallmu lil oħrajn. Kwalunkwe suċċess li jistaʼ jkollna f’li ngħinu lin-nies isiru dixxipli taʼ Kristu jsir bil-qawwa t’Alla u mhux b’tagħna stess.
“Ma Nistgħux Nieqfu Nitkellmu” (Atti 4:1-22)
9-11. (a) Il-mexxejja Lhud kif irreaġixxew għall-messaġġ taʼ Pietru u Ġwanni? (b) L-appostli xi ddeċidew li jagħmlu?
9 Id-diskors taʼ Pietru u r-raġel li qabel kien magħtub u li issa kien qed jaqbeż u jgħajjat ikkaġunaw għagħa kbira. Bi tweġiba, il-kmandant tat-tempju—maħtur biex jieħu ħsieb is-sigurtà tal-inħawi tat-tempju—u l-qassisin ewlenin marru jiġru biex jaraw x’kien ġara. Dawn l-irġiel x’aktarx li kienu Sadduċej, setta sinjura u politikament potenti. Din ħadmet biex ikun hemm relazzjonijiet paċifiċi mar-Rumani, ċaħdet il-liġi orali li l-Fariżej tant kienu jħobbuha, u waqqgħet għaċ-ċajt it-twemmin fl-irxoxt. c Kemm ħassewhom irritati meta sabu lil Pietru u lil Ġwanni fit-tempju, jgħallmu bil-qlubija li Ġesù kien ġie rxoxtat!
10 L-opponenti rrabjati tefgħu lil Pietru u lil Ġwanni l-ħabs u l-għada kaxkruhom quddiem il-qorti superjuri Lhudija. Mill-ħarsa tal-ħakkiema li ħassew li kienu ħafna iktar superjuri, Pietru u Ġwanni kienu “rġiel komuni u taʼ ftit skola” u ma kellhom ebda dritt jgħallmu fit-tempju. Ma kienu studjaw f’ebda skola reliġjuża rinomata. Però, id-diskors dirett tagħhom u l-konvinzjoni tagħhom ġiegħlu lill-qorti tistgħaġeb bihom. Pietru u Ġwanni għala kienu daqstant effettivi? Raġuni waħda kienet li “kienu jkunu ma’ Ġesù.” (Atti 4:13) Sidhom kien għallem b’awtorità vera, mhux bħall-iskribi.—Mt. 7:28, 29.
11 Il-qorti ordnat lill-appostli biex jieqfu jippritkaw. F’dik is-soċjetà, il-qorti kellha awtorità kbira. Ftit ġimgħat biss qabel, meta Ġesù kien quddiem l-istess ġemgħa, il-membri tagħha kienu qalu li Ġesù kien “ħaqqu l-mewt.” (Mt. 26:59-66) Xorta waħda, Pietru u Ġwanni ma kinux intimidati. Bilwieqfa quddiem dawn l-irġiel għonja, t’edukazzjoni għolja, u taʼ influwenza kbira, Pietru u Ġwanni bla biżaʼ imma b’rispett iddikjaraw: “Araw intom jekk hux sewwa f’għajnejn Alla li nobdu lilkom minflok lilu. Imma aħna ma nistgħux nieqfu nitkellmu dwar dak li rajna u smajna.”—Atti 4:19, 20.
12. X’jistaʼ jgħinna niżviluppaw il-kuraġġ u l-konvinzjoni?
12 Kapaċi int turi kuraġġ simili? Kif tħossok meta jkollok l-opportunità biex tagħti xhieda lill-għonja, lil dawk t’edukazzjoni għolja, jew lil dawk taʼ influwenza kbira fil-komunità tiegħek? Xi ngħidu jekk membri tal-familja, sħabek tal-iskola, jew sħabek tax-xogħol iwaqqgħuk għaċ-ċajt minħabba t-twemmin tiegħek? Tħossok intimidat? Jekk iva, int tistaʼ tegħleb sentimenti bħal dawn. Waqt li kien fuq l-art, Ġesù għallem lill-appostli kif jiddefendu t-twemmin tagħhom b’kunfidenza u b’rispett. (Mt. 10:11-18) Wara l-irxoxt tiegħu, Ġesù wiegħed lid-dixxipli tiegħu li kien se jkompli jkun magħhom “sal-aħħar jiem taʼ din id-dinja.” (Mt. 28:20) Taħt id-direzzjoni taʼ Ġesù, il-klassi tal-ilsir taʼ żmienna tgħallimna kif niddefendu t-twemmin tagħna. (Mt. 24:45-47; 1 Pt. 3:15) Dan isir bl-istruzzjoni li ningħataw fil-laqgħat tal-kongregazzjoni, bħal pereżempju fil-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna. Ukoll, permezz taʼ pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-Bibbja bħall-artikli “Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin” li nsibu fuq il-website jw.org. Qed tagħmel użu tajjeb minn dawn il-provvedimenti? Jekk tagħmel hekk, il-kuraġġ u l-konvinzjoni tiegħek se jiżdiedu. U, bħall-appostli, ma se tħalli xejn iwaqqfek milli titkellem dwar il-veritajiet spiritwali meraviljużi li rajt u smajt.
“Huma Talbu lil Alla Flimkien” (Atti 4:23-31)
13, 14. Jekk niffaċċjaw l-oppożizzjoni, x’għandna nagħmlu, u għala?
13 Immedjatament wara li nħelsu mill-ħabs, Pietru u Ġwanni ltaqgħu mal-kumplament tal-kongregazzjoni. Flimkien, “huma talbu lil Alla” għall-kuraġġ biex jibqgħu jippritkaw. (Atti 4:24) Pietru kien jaf tajjeb kemm hu taʼ bluha li tafda fil-qawwa persunali tiegħek meta tkun qed tipprova tagħmel ir-rieda t’Alla. Ftit ġimgħat biss qabel, hu b’fiduċja fih innifsu qal lil Ġesù: “Anki jekk l-oħrajn jabbandunawk, jien qatt mhu se nabbandunak!” Però, bħalma bassar Ġesù, Pietru ma damx ma ċeda għall-biża’ mill-bniedem u ċaħad lill-ħabib u għalliem tiegħu. Madankollu, Pietru tgħallem mill-iżball tiegħu.—Mt. 26:33, 34, 69-75.
14 Id-determinazzjoni waħedha mhix se ssostnik hekk kif twettaq l-inkarigu tiegħek biex tkun xhud taʼ Kristu. Meta l-opponenti jipprovaw ikissru l-fidi tiegħek jew iwaqqfuk milli tipprietka, segwi l-eżempju taʼ Pietru u Ġwanni. Itlob lil Ġeħova għas-saħħa. Fittex l-appoġġ tal-kongregazzjoni. Għid lill-anzjani u lil oħrajn li huma maturi dwar id-diffikultajiet li tiffaċċja. It-talb t’oħrajn jistaʼ jkun forza qawwija li ssostnik.—Efes. 6:18; Ġak. 5:16.
15. Dawk li darba waqfu milli jippritkaw, għala jistgħu jagħmlu l-qalb?
15 Jekk darba ċedejt għall-pressjoni u waqaft milli tipprietka għal xi żmien, agħmel il-qalb. Ftakar, l-appostli kollha waqfu milli jippritkaw għal xi żmien wara l-mewt taʼ Ġesù, imma ma damux ma reġgħu kienu attivi. (Mt. 26:56; 28:10, 16-20) Minflok ma tħalli żbalji tal-passat itaqqluk, tistaʼ int titgħallem mill-esperjenza u tuża l-lezzjonijiet li tgħallimt biex issaħħaħ lil oħrajn?
16, 17. X’nistgħu nitgħallmu mit-talba li offrew is-segwaċi taʼ Kristu f’Ġerusalemm?
16 Għal xiex għandna nitolbu meta dawk fl-awtorità jaħqruna? Innota, jekk jogħġbok, li d-dixxipli ma talbux biex jiġu meħlusin milli jiffaċċjaw il-provi. Huma ftakru sew l-istqarrija taʼ Ġesù: “Jekk ippersegwitaw lili, se jippersegwitaw lilkom ukoll.” (Ġw. 15:20) Minflok, dawn id-dixxipli leali talbu lil Ġeħova biex ‘jagħti kas’ it-theddid tal-opponenti. (Atti 4:29) Id-dixxipli raw b’mod ċar l-istampa kollha, u għarfu li l-persekuzzjoni li ffaċċjaw kienet fil-fatt twettiq taʼ profezija. Kienu jafu li, bħalma Ġesù kien għallimhom jitolbu, ir-rieda t’Alla kienet ‘ħa ssir fuq l-art,’ jgħidu x’jgħidu s-sempliċi ħakkiema umani.—Mt. 6:9, 10.
17 Sabiex jagħmlu r-rieda t’Alla, id-dixxipli talbu lil Ġeħova: “Għin lilna, l-ilsiera tiegħek, biex nibqgħu nippritkaw bil-kuraġġ.” X’kienet it-tweġiba immedjata taʼ Ġeħova? “Il-post fejn kienu miġburin theżżeż, u l-ispirtu qaddis ġie fuqhom kollha u bdew jippritkaw il-kelma t’Alla bil-kuraġġ.” (Atti 4:29-31) Xejn ma jistaʼ jwaqqaf lir-rieda t’Alla milli titwettaq. (Is. 55:11) Tidher kemm tidher impossibbli s-sitwazzjoni, u jkun kemm ikun setgħan l-opponent, jekk nitolbu lil Alla, nistgħu nkunu ċerti li hu se jagħtina l-qawwa biex nibqgħu nitkellmu l-kelma tiegħu bil-kuraġġ.
Irridu Nagħtu Kont lil Alla, Mhux lill-Bnedmin (Atti 4:32–5:11)
18. Il-membri tal-kongregazzjoni f’Ġerusalemm x’għamlu għal xulxin?
18 Il-kongregazzjoni li kienet għadha kif ġiet stabbilita f’Ġerusalemm ma damitx ma kibret għal iktar minn 5,000 membru. d Minkejja l-isfondi differenti tagħhom, id-dixxipli kellhom “jaħsbuha l-istess.” Kienu magħqudin b’fehma waħda u bi ħsieb wieħed. (Atti 4:32; 1 Kor. 1:10) Id-dixxipli għamlu iktar milli sempliċement talbu lil Ġeħova biex ibierek l-isforzi tagħhom. Appoġġaw lil xulxin spiritwalment u, meta kien neċessarju, materjalment. (1 Ġw. 3:16-18) Pereżempju, id-dixxiplu Ġużeppi, li l-appostli semmewh ukoll Barnaba, biegħ biċċa art li kienet tiegħu u bla egoiżmu ta l-ammont kollu bħala donazzjoni. Dan għamlu biex jgħin lil dawk minn pajjiżi mbegħdin idumu iżjed f’Ġerusalemm ħalli jkunu jistgħu jitgħallmu iktar dwar il-fidi l-ġdida tagħhom.
19. Ġeħova għala qatel lil Ananija u lil Safira?
19 Koppja jisimhom Ananija u Safira wkoll biegħu biċċa proprjetà u taw kontribuzzjoni. Għamlu tabirruħhom li kienu taw l-ammont kollu; madankollu, ‘żammew xi flus milli qalgħu.’ (Atti 5:2) Ġeħova ma qatilx lil din il-koppja għax l-ammont li taw ma kienx biżżejjed, imma għax il-motiv tagħhom biex jagħtu kien mill-agħar u kienu qarrieqa. Huma ‘ma gidbux lill-bnedmin biss, imma lil Alla wkoll.’ (Atti 5:4) Bħall-ipokriti li kkundanna Ġesù, Ananija u Safira kienu iktar konċernati dwar li jiksbu l-glorja mill-bnedmin milli jiksbu l-approvazzjoni t’Alla.—Matt. 6:1-3.
20. Liema lezzjonijiet nitgħallmu dwar dak li nagħtu lil Ġeħova?
20 Bi spirtu ġeneruż bħal dak tad-dixxipli leali f’Ġerusalemm tal-ewwel seklu, miljuni taʼ Xhieda llum jappoġġaw ix-xogħol tal-ippritkar taʼ madwar id-dinja billi jagħmlu donazzjonijiet volontarji. Ħadd mhu sforzat biex jagħti minn ħinu jew minn flusu biex jappoġġa dan ix-xogħol. Tabilħaqq, Ġeħova ma jridniex naqduh kontra qalbna jew bilfors. (2 Kor. 9:7) Meta nagħtu, Ġeħova mhuwiex interessat fl-ammont, imma fil-motiv tagħna. (Mk. 12:41-44) Qatt ma rridu nkunu bħal Ananija u Safira, billi nħallu s-servizz tagħna lil Alla jkun imqanqal minn interess persunali jew tfittxija għall-glorja. Minflok, bħal Pietru, Ġwanni, u Barnaba, jalla s-servizz tagħna lil Ġeħova jkun dejjem motivat minn imħabba ġenwina għal Alla u għall-proxxmu tagħna.—Mt. 22:37-40.
a It-talb kien jiġi offrut fit-tempju flimkien mas-sagrifiċċji taʼ filgħodu u taʼ filgħaxija. Is-sagrifiċċju taʼ filgħaxija kien isir “madwar it-tlieta taʼ waranofsinhar,” jew fid-disaʼ siegħa.
b Ara l-kaxxi “ Pietru—Minn Sajjied għal Appostlu Dinamiku” u “ Ġwanni—Id-Dixxiplu li Ġesù Kien Iħobb.”
c Ara l-kaxxa “ Il-Qassis il-Kbir u l-Qassisin Ewlenin.”
d Għandu mnejn kien hemm biss xi 6,000 Fariżew u numru iżgħar taʼ Sadduċej f’Ġerusalemm fis-sena 33 WK. Dan jistaʼ jindika raġuni oħra għala dawn iż-żewġ gruppi ħassewhom dejjem iktar mheddin mit-tagħlim taʼ Ġesù.