KAPITLU 5
“Aħna Għandna Nobdu lil Alla Bħala Mexxej”
L-appostli jieħdu waqfa li tħalli eżempju għall-Kristjani veri kollha
Ibbażat fuq Atti 5:12–6:7
1-3. (a) L-appostli għala nġiebu quddiem is-Sinedriju, u x’inhu l-qofol tal-kwistjoni? (b) Għala aħna interessati ħafna fil-waqfa tal-appostli?
L-IMĦALLFIN tas-Sinedriju qed jitbaqbqu! L-appostli taʼ Ġesù għaddejjin ġuri quddiem din il-qorti superjuri. Għala? Ġużeppi Kajfa, il-qassis il-kbir u l-president tas-Sinedriju, b’mod aħrax jgħidilhom: “Aħna kkmandajniekom b’mod sod biex ma tibqgħux tgħallmu f’isem dan ir-raġel.” Il-president irrabjat lanqas saħansitra jiflaħ ilissen isem Ġesù. Imma, ikompli jgħid Kajfa, “intom imlejtu lil Ġerusalemm kollha bit-tagħlim tagħkom, u determinati li twaħħlu fina għall-mewt taʼ dan ir-raġel.” (Atti 5:28) Il-messaġġ hu ċar: Ieqfu ppritkaw, inkella ħażin għalikom!
2 L-appostli kif se jwieġbu? L-inkarigu tagħhom biex jippritkaw ġie minn Ġesù, li ngħata l-awtorità minn Alla. (Mt. 28:18-20) Se jċedu l-appostli għall-biżaʼ mill-bniedem u jiġu msikktin? Jew se jkollhom il-kuraġġ biex jibqgħu sodi u jkomplu jippritkaw? Il-qofol tal-kwistjoni hu dan: Se jobdu lil Alla jew lill-bniedem? Bla tlaqliq, l-appostlu Pietru jitkellem għan-nom tal-appostli kollha. Kliemu hu ċar u sod.
3 Bħala Kristjani veri, aħna interessati ħafna f’kif wieġbu l-appostli għat-theddid tas-Sinedriju. L-inkarigu tal-ippritkar japplika għalina wkoll. Waqt li nkunu qed inwettqu dan l-inkarigu li tana Alla, aħna wkoll nistgħu niffaċċjaw l-oppożizzjoni. (Mt. 10:22) L-opponenti għandhom mnejn jipprovaw jillimitaw jew jipprojbixxu x-xogħol tagħna. X’se nagħmlu? Nistgħu nibbenefikaw jekk nikkunsidraw il-waqfa li ħadu l-appostli u ċ-ċirkustanzi li wasslu għall-ġuri tagħhom quddiem is-Sinedriju. a
“Anġlu taʼ Ġeħova Fetaħ il-Bibien” (Atti 5:12-21a)
4, 5. Kajfa u s-Sadduċej għala “bdew jgħiru ħafna”?
4 Ftakar li meta ġew ordnati l-ewwel darba biex jieqfu jippritkaw, Pietru u Ġwanni wieġbu: “Aħna ma nistgħux nieqfu nitkellmu dwar dak li rajna u smajna.” (Atti 4:20) Wara dik il-laqgħa mas-Sinedriju, Pietru u Ġwanni, flimkien mal-kumplament tal-appostli, komplew jippritkaw fit-tempju. L-appostli wettqu sinjali kbar, bħal li jfejqu lill-morda u jkeċċu lid-demonji. Għamlu dan “fil-Loġġa taʼ Salamun,” daħla mgħottija fuq in-naħa tal-Lvant tat-tempju, fejn kienu jinġabru ħafna Lhud. In-nies saħansitra bdew ifiqu meta d-dell taʼ Pietru waqa’ fuqhom! Ħafna li tfejqu fiżikament wieġbu għall-kelma t’Alla tal-verità. Minħabba f’hekk, “ammont kbir taʼ rġiel u nisa emmnu fil-Mulej u saru dixxipli.”—Atti 5:12-15.
5 Kajfa u s-Sadduċej, is-setta reliġjuża li kien jagħmel parti minnha, “bdew jgħiru ħafna” u tefgħu lill-appostli l-ħabs. (Atti 5:17, 18) Is-Sadduċej għala kienu mgħaddbin? L-appostli kienu qed jgħallmu li Ġesù kien ġie rxoxtat, u madankollu s-Sadduċej ma kinux jemmnu fl-irxoxt. L-appostli kienu qed jgħidu li wieħed jistaʼ jiġi salvat biss jekk ipoġġi l-fidi f’Ġesù, imma s-Sadduċej beżgħu li jiġu kastigati minn Ruma li kieku n-nies qiesu lil Ġesù bħala l-Mexxej tagħhom. (Ġw. 11:48) Mhux taʼ b’xejn li s-Sadduċej kienu determinati li jsikktu lill-appostli!
6. Illum, min huma l-perċimes tal-persekuzzjoni kontra l-qaddejja taʼ Ġeħova, u dan għala m’għandux jissorprendina?
6 Anki llum, il-perċimes tal-persekuzzjoni kontra l-qaddejja taʼ Ġeħova huma l-opponenti reliġjużi. Uħud bħal dawn spiss jipprovaw jużaw l-influwenza tagħhom mal-awtoritajiet governattivi u mal-mezzi tax-xandir biex iwaqqfu l-ippritkar tagħna. Għandna nistagħġbu? Le. Il-messaġġ tagħna jikxef lir-reliġjon falza. Billi jaċċettaw il-veritajiet tal-Bibbja, uħud taʼ qalb onesta jinħelsu minn twemmin u prattiki mhux Skritturali. (Ġw. 8:32) Mela, għandna għalfejn niskantaw li l-messaġġ tagħna spiss iġiegħel lill-mexxejja reliġjużi jimtlew b’mibegħda għajjura?
7, 8. Il-kmand tal-anġlu liema effett x’aktarx li kellu fuq l-appostli, u liema mistoqsija nagħmlu tajjeb li nistaqsu lilna nfusna?
7 Waqt li kienu bilqiegħda fil-ħabs jistennew il-ġuri, l-appostli għandhom mnejn ħasbu jekk kienx se jkollhom imutu bħala martri f’idejn l-għedewwa tagħhom. (Mt. 24:9) Imma matul il-lejl, ġrat xi ħaġa li xejn ma kienu qed jistennew—“anġlu taʼ Ġeħova fetaħ il-bibien tal-ħabs.” b (Atti 5:19) L-anġlu mbagħad tahom direzzjoni speċifika: “Morru fit-tempju u ibqgħu tkellmu man-nies.” (Atti 5:20) Dan il-kmand x’aktarx li żgura lill-appostli li huma kienu qed jagħmlu dak li hu suppost. Il-kliem tal-anġlu għandu mnejn saħħaħhom ukoll biex jibqgħu sodi jiġri x’jiġri. B’fidi u b’kuraġġ kbir, l-appostli “daħlu fit-tempju kif sebaħ, u bdew jgħallmu.”—Atti 5:21.
8 Kull wieħed u waħda minna jagħmel tajjeb li jistaqsi, ‘Kieku jien ikolli l-fidi u l-kuraġġ meħtiġin biex inkompli nipprietka f’ċirkustanzi simili?’ Nistgħu niksbu s-saħħa billi nkunu nafu li x-xogħol vitali taʼ li ‘nagħtu xhieda fid-dettall dwar is-Saltna t’Alla’ għandu l-appoġġ u d-direzzjoni tal-anġli.—Atti 28:23; Riv. 14:6, 7.
“Aħna Għandna Nobdu lil Alla Bħala Mexxej u Mhux lill-Bnedmin” (Atti 5:21b-33)
9-11. L-appostli kif wieġbu għall-ordni tas-Sinedriju biex jieqfu jippritkaw, u dan kif ħalla eżempju għall-Kristjani veri?
9 Kajfa u l-imħallfin l-oħrajn tas-Sinedriju issa kienu lesti biex jittrattaw mal-appostli. Mingħajr ma kienu jafu x’kien ġara fil-ħabs, il-qorti bagħtet uffiċjali biex iġibu l-ħabsin. Immaġina s-sorpriża tal-uffiċjali meta indunaw li l-ħabsin ma kinux hemmhekk, għalkemm il-ħabs kien imsakkar u “l-gwardji kienu mal-bibien.” (Atti 5:23) Il-kmandant tat-tempju ma damx ma sar jaf li l-appostli kienu lura fit-tempju, jagħtu xhieda dwar Ġesù Kristu—l-istess xogħol li għalih kienu ġew mitfugħin il-ħabs! Il-kmandant u l-uffiċjali tiegħu malajr marru t-tempju biex jiġbru l-ħabsin u jiħduhom fis-Sinedriju.
10 Bħalma ġie deskritt fil-bidu taʼ dan il-kapitlu, il-mexxejja reliġjużi inkorlati għamluha ċara li l-appostli kellhom jieqfu jippritkaw. L-appostli kif wieġbu? Pietru, li tkellem għan-nom taʼ sħabu, bil-qlubija wieġeb: “Aħna għandna nobdu lil Alla bħala mexxej u mhux lill-bnedmin.” (Atti 5:29) L-appostli b’hekk ħallew l-eżempju għall-Kristjani veri biex isegwuh tul is-sekli. Il-ħakkiema umani jitilfu d-dritt tagħhom għall-ubbidjenza f’sitwazzjonijiet fejn jipprojbixxu dak li Alla jirrikjedi jew jirrikjedu dak li Alla jipprojbixxi. Għalhekk, fi żmienna, jekk “l-awtoritajiet superjuri” jipprojbixxu x-xogħol tagħna tal-għoti taʼ xhieda, ma nistgħux ma nwettqux l-inkarigu tagħna mogħti minn Alla biex nippritkaw l-aħbar tajba. (Rum. 13:1) Minflok, se nsibu modi diskreti biex inkomplu nagħtu xhieda bid-dettall dwar is-Saltna t’Alla.
11 Mhix sorpriża li t-tweġiba qalbiena tal-appostli qanqlet lill-imħallfin inkorlati għal rabja vjolenti. Huma kienu determinati li ‘joqtlu’ lill-appostli. (Atti 5:33) Li jmutu bħala martri issa dehret bħala xi ħaġa ċerta għal dawn ix-xhieda qalbenin u żelużi. Imma kienet ġejja l-għajnuna b’mod mhux tas-soltu!
Atti 5:34-42)
“Mhux Se Jirnexxilkom Twaqqfuhom” (12, 13. (a) Gamaljel liema parir ta lill-kollegi tiegħu, u dawn x’għamlu? (b) Illum, Ġeħova kif jistaʼ jintervjeni għan-nom tal-poplu tiegħu, u minn xiex nistgħu nkunu ċerti jekk nitħallew ‘insofru minħabba s-sewwa’?
12 Tkellem Gamaljel, “għalliem tal-Liġi stmat mill-poplu kollu.” c Dan l-imgħallem fil-liġi bilfors li kien rispettat ħafna mill-kollegi tiegħu, għax hu ħa l-kwistjoni f’idejh, u saħansitra “ta kmand biex l-appostli joħorġu ftit barra.” (Atti 5:34) Billi semma eżempji taʼ rewwixti tal-passat li malajr sfaw fix-xejn wara li mietu l-mexxejja tagħhom, Gamaljel ħeġġeġ lill-qorti biex tkun paċenzjuża u tolleranti hi u tittratta mal-appostli, li l-Mexxej tagħhom, Ġesù, kien għadu kif miet. L-irraġunar taʼ Gamaljel kien persważiv: “Tindaħlulhomx lil dawn l-irġiel, imma ħalluhom. Jekk dak li qed jippjanaw jew jagħmlu hu bis-saħħa tal-bnedmin, dan se jieqaf. Imma jekk inhu bis-saħħa t’Alla, mhux se jirnexxilkom twaqqfuhom. Inkella tistgħu tispiċċaw tiġġieldu kontra Alla.” (Atti 5:38, 39) L-imħallfin segwew il-parir tiegħu. Xorta waħda, sawtu lill-appostli u ordnawlhom “jieqfu jitkellmu f’isem Ġesù.”—Atti 5:40.
13 Issa, bħal dak iż-żmien, Ġeħova għandu mnejn iqajjem irġiel prominenti bħal Gamaljel biex jintervjenu għan-nom tal-poplu Tiegħu. (Prov. 21:1) Ġeħova jistaʼ juża l-ispirtu tiegħu biex iqanqal nies potenti, bħal ħakkiema, imħallfin, jew dawk li jagħmlu l-liġi, biex jaġixxu fi qbil mar-rieda tiegħu. (Neħ. 2:4-8) Imma jekk iħallina ‘nsofru minħabba s-sewwa,’ nistgħu nkunu ċerti minn żewġ affarijiet. (1 Pt. 3:14) L-ewwel, Alla jistaʼ jagħtina s-saħħa biex nissaportu. (1 Kor. 10:13) It-tieni, l-opponenti ‘ma jistgħux jegħlbu’ x-xogħol t’Alla.—Is. 54:17.
14, 15. (a) L-appostli kif wieġbu għas-swat li ngħataw, u għala? (b) Irrakkonta esperjenza li turi li n-nies taʼ Ġeħova jissaportu bil-ferħ.
14 Is-swat naqqas iż-żelu tal-appostli jew dgħajjef id-determinazzjoni tagħhom? Lanqas xejn! Huma “ħarġu minn quddiem is-Sinedriju ferħanin.” (Atti 5:41) “Ferħanin”—għala? Ċertament mhux għax kienu qed iħossu l-uġigħ fiżiku minħabba s-swat. Kienu henjin għax kienu jafu li ġew persegwitati talli żammew l-integrità tagħhom lejn Ġeħova u talli segwew il-passi tax-Xempju tagħhom, Ġesù.—Mt. 5:11, 12.
15 Bħal ħutna tal-ewwel seklu, aħna nissaportu bil-ferħ meta nsofru minħabba l-aħbar tajba. (1 Pt. 4:12-14) Le, ma niħdux pjaċir inkunu suġġettati għat-theddid, il-persekuzzjoni, jew il-priġunerija. Imma nsibu sodisfazzjon kbir f’li nżommu l-integrità tagħna. Pereżempju, ikkunsidra lil Henryk Dornik, li ssaporta snin sħaħ taʼ trattament aħrax taħt reġimi oppressivi. Hu jiftakar li f’Awwissu tal-1944, l-awtoritajiet iddeċidew li jibagħtu lilu u lil ħuh f’kamp tal-konċentrament. L-opponenti qalu: “Huwa impossibbli li tipperswadihom jagħmlu xi ħaġa. Il-martirju tagħhom iġibilhom il-ferħ.” Ħuna Dornik jispjega: “Għalkemm ma kelli l-ebda xewqa li nkun martri, il-fatt li batejt bil-kuraġġ u bid-dinjità għal-lealtà tiegħi lejn Ġeħova ġabli l-ferħ.”—Ġak. 1:2-4.
16. L-appostli kif urew li kienu determinati li jagħtu xhieda bid-dettall, u aħna kif insegwu l-metodu taʼ ppritkar tagħhom?
16 L-appostli ma ħlewx ħin f’li jerġgħu jibdew ix-xogħol tagħhom tal-għoti taʼ xhieda. Bla biżaʼ, huma komplew “imorru fit-tempju u minn dar għal dar” u “jippritkaw l-aħbar tajba dwar il-Kristu.” d (Atti 5:42) Dawn il-proklamaturi żelużi kienu determinati li jagħtu xhieda bid-dettall. Innota li huma ħadu l-messaġġ tagħhom fid-djar tan-nies, bħalma kien idderiġiehom Ġesù Kristu. (Mt. 10:7, 11-14) Mingħajr dubju, hu permezz taʼ dan li huma rnexxielhom jimlew lil Ġerusalemm bit-tagħlim tagħhom. Illum, ix-Xhieda taʼ Ġeħova huma magħrufin għal li jsegwu dan il-metodu taʼ ppritkar li kienu jużaw l-appostli. Billi mmorru f’kull dar fit-territorju tagħna, aħna nuru b’mod ċar li anki aħna rridu nagħmlu x-xogħol bid-dettall, billi nagħtu opportunità lil kulħadd biex jismaʼ l-aħbar tajba. Bierku Ġeħova x-xogħol tagħna minn dar għal dar? Iva, bierku! Miljuni wieġbu għall-messaġġ tas-Saltna f’dan iż-żmien tal-aħħar, u ħafna semgħu l-aħbar tajba għall-ewwel darba meta xi Xhud ħabbat fuq il-bieb tagħhom.
Irġiel Kwalifikati Biex Jieħdu Ħsieb “Xogħol Bżonjuż” (Atti 6:1-6)
17-19. Liema kwistjoni li tifred inqalgħet, u l-appostli liema direzzjoni taw sabiex isolvuha?
17 Il-kongregazzjoni l-ġdida issa ffaċċjat periklu sottili li kien taʼ theddida minn ġewwa. X’kien dan? Ħafna mid-dixxipli li tgħammdu kienu viżitaturi f’Ġerusalemm u riedu jitgħallmu iktar qabel ma jmorru lura d-dar. Id-dixxipli li kienu jgħixu f’Ġerusalemm minn jeddhom taw fondi biex jissodisfaw il-ħtieġa għall-ikel u affarijiet oħrajn. (Atti 2:44-46; 4:34-37) F’dan iż-żmien, inqalgħet sitwazzjoni delikata. “Meta [kien qed] jitqassam l-ikel taʼ kuljum,” ir-romol li jitkellmu bil-Grieg “kienu qed jiġu ttraskurati.” (Atti 6:1) Madankollu, ir-romol li kienu jitkellmu bl-Ebrajk ma kinux qed jinqabżu. Mela, il-problema milli jidher kienet tinvolvi d-diskriminazzjoni, u din tistaʼ faċilment tikkaġuna firdiet serji.
18 L-appostli, li kienu jaqdu bħala l-ġemgħa li tiggverna tal-kongregazzjoni li kienet qed tikber, irrikonoxxew li ma jkunx għaqli għalihom li ‘jieqfu jgħallmu l-kelma t’Alla biex iqassmu l-ikel.’ (Atti 6:2) Sabiex isolvu l-kwistjoni, huma dderiġew lid-dixxipli ħalli jfittxu sebat irġiel “li għandhom l-ispirtu qaddis u l-għerf” li l-appostli setgħu jaħtruhom fuq dan “ix-xogħol bżonjuż.” (Atti 6:3) Kienu meħtiġin irġiel kwalifikati, għax ix-xogħol x’aktarx li ma kienx jinvolvi biss li jqassmu l-ikel, imma wkoll li jimmaniġġaw il-flus, li jixtru l-provvisti, u li jżommu dokumenti bir-reqqa. L-irġiel magħżulin kollha kellhom ismijiet Griegi, u dan forsi għamilhom iktar aċċettati mir-romol li kienu ġew offiżi. Wara li kkunsidraw bit-talb ir-rakkomandazzjoni, l-appostli ħatru lis-sebat irġiel biex jieħdu ħsieb dan “ix-xogħol bżonjuż.” e
19 L-immaniġġar tat-tqassim tal-ikel ħeles issa lis-sebat irġiel maħturin mir-responsabbiltà li jippritkaw l-aħbar tajba? Ċertament li le! Fost l-irġiel magħżulin kien hemm Stiefnu, li kien se jagħti prova li hu predikatur qalbieni u setgħan. (Atti 6:8-10) Filippu wkoll kien wieħed mis-sebgħa, u hu kien magħruf “li kien jipprietka l-aħbar tajba.” (Atti 21:8) Mela, huwa evidenti li s-sebat irġiel komplew ikunu predikaturi żelużi tas-Saltna.
20. In-nies t’Alla llum kif isegwu l-mudell tal-appostli?
20 In-nies taʼ Ġeħova llum isegwu l-mudell tal-appostli. L-irġiel rikkmandati għar-responsabbiltà fil-kongregazzjoni għandhom juru għerf divin u jagħtu prova li l-ispirtu qaddis qed jaħdem fuqhom. Bid-direzzjoni tal-Ġemgħa li Tiggverna, l-irġiel li jilħqu l-ħtiġijiet Skritturali jinħatru bħala anzjani jew qaddejja ministerjali fil-kongregazzjonijiet. f (1 Tim. 3:1-9, 12, 13) Jistaʼ jingħad li dawk li jilħqu l-kwalifiki jinħatru mill-ispirtu qaddis. Dawn l-irġiel li jaħdmu iebes jieħdu ħsieb ħafna xogħol bżonjuż. Pereżempju, l-anzjani jistgħu jorganizzaw għajnuna prattika għal uħud leali imdaħħlin fiż-żmien li verament ikunu fil-bżonn. (Ġak. 1:27) Xi anzjani huma involuti ħafna fil-bini taʼ Swali tas-Saltna, fl-organizzar taʼ konvenzjonijiet, jew fil-Kumitat taʼ Koordinazzjoni mal-Isptarijiet lokali. Qaddejja ministerjali jieħdu ħsieb ħafna xogħlijiet li ma jinvolvux direttament l-indokrar jew it-tagħlim. L-irġiel kollha li għandhom dawn il-kwalifiki jridu jibbilanċjaw ir-responsabbiltajiet tal-kongregazzjoni u tal-organizzazzjoni mal-obbligu mogħti minn Alla li jippritkaw l-aħbar tajba tas-Saltna.—1 Kor. 9:16.
“It-Tagħlim Dwar Dak li Jgħid Alla Kompla Jinfirex” (Atti 6:7)
21, 22. X’juri li Ġeħova bierek il-kongregazzjoni li kienet għadha kif ġiet stabbilita?
21 Bl-appoġġ taʼ Ġeħova, il-kongregazzjoni li kienet għadha kif ġiet stabbilita rnexxielha tegħleb il-persekuzzjoni minn barra u problema minn ġewwa li faċilment setgħet tikkaġuna firda. Il-barka taʼ Ġeħova kienet evidenti, għax jintqalilna: “It-tagħlim dwar dak li jgħid Alla kompla jinfirex, u l-ammont tad-dixxipli baqaʼ jiżdied ħafna f’Ġerusalemm. U ħafna qassisin ukoll bdew jemmnu.” (Atti 6:7) Dan hu biss wieħed mid-diversi rapporti taʼ progress li nsibu fil-ktieb tal-Atti. (Atti 9:31; 12:24; 16:5; 19:20; 28:31) Illum, ma niġux aħna inkuraġġiti meta nisimgħu rapporti dwar il-progress tax-xogħol tal-ippritkar tas-Saltna f’postijiet oħrajn tad-dinja?
22 Lura fl-ewwel seklu WK, il-mexxejja reliġjużi mgħaddbin għall-aħħar ma kinux se jaqtgħu qalbhom. Mewġa taʼ persekuzzjoni kienet fuq ix-xefaq. Stiefnu dalwaqt kien se jsir il-mira taʼ oppożizzjoni ħarxa, kif se naraw fil-kapitlu li jmiss.
a Ara l-kaxxa “ Is-Sinedriju—Il-Qorti Superjuri tal-Lhud.”
b Din hi l-ewwel referenza minn madwar 20 referenza speċifika għall-anġli fil-ktieb tal-Atti. Iktar qabel, f’Atti 1:10, l-anġli ssir referenza għalihom indirettament bħala “rġiel lebsin l-abjad.”
c Ara l-kaxxa “ Gamaljel—Stmat Fost ir-Rabbini.”
d Ara l-kaxxa “ L-Ippritkar ‘Minn Dar għal Dar.’”
e Dawn l-irġiel għandhom mnejn laħqu l-kwalifiki ġenerali għall-anzjani, għax li jieħdu ħsieb dan “ix-xogħol bżonjuż” kien kwistjoni importanti. Madankollu, l-Iskrittura ma tindikax bl-eżatt meta l-irġiel bdew jinħatru bħala anzjani jew indokraturi fil-kongregazzjoni Kristjana.
f Fl-ewwel seklu, irġiel kwalifikati kienu jinkarigaw anzjani ġodda. (Atti 14:23; 1 Tim. 5:22; Titu 1:5) Illum, il-Ġemgħa li Tiggverna tinkariga lill-indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet, u dawn l-indokraturi għandhom ir-responsabbiltà li jinkarigaw l-anzjani u l-qaddejja ministerjali.