Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 3

“L-Ispirtu Qaddis Ġie Fuqhom”

“L-Ispirtu Qaddis Ġie Fuqhom”

X’ġara wara li l-ispirtu qaddis ġie fuqhom f’Pentekoste

Ibbażat fuq Atti 2:1-47

1. Iddeskrivi l-atmosfera tal-Festa taʼ Pentekoste.

 IT-TOROQ taʼ Ġerusalemm huma mimlijin attività u eċċitament. a Mill-artal tat-tempju tielaʼ d-duħħan hekk kif il-Leviti jkantaw il-Ħallel (Salm 113 sa 118), x’aktarx bi stil antifonali, jew taʼ li jwieġbu lil xulxin. It-toroq huma miżgħudin bil-viżitaturi. Huma ġew minn postijiet imbegħdin bħal Għelam, il-Mesopotamja, il-Kappadoċja, il-Pontu, l-Eġittu, u Ruma. b X’inhi l-okkażjoni? Pentekoste, imsejjaħ ukoll il-“jum tal-ewwel prodott.” (Num. 28:26) Din il-festa annwali timmarka t-tmiem tal-ħsad tax-xgħir u l-bidu tal-ħsad tal-qamħ. Huwa jum taʼ ferħ.

2. Liema ġrajjiet tal-għaġeb iseħħu f’Pentekoste tas-sena 33 WK?

2 Fl-għodwa kalma tar-rebbiegħa tas-sena 33 WK għall-ħabta tad-disgħa, tiġri xi ħaġa li ħafna se jibqgħu jistagħġbu biha fis-sekli taʼ wara. “F’daqqa waħda nstemaʼ ħoss mis-sema mad-dar kollha bħal dak taʼ riħ qawwi,” jew “bħall-ħoss kbir taʼ maltempata qawwija.” (Atti 2:2; International Standard Version) Il-ħoss qawwi jimla d-dar fejn hemm miġburin madwar 120 dixxiplu taʼ Ġesù. Imbagħad tiġri xi ħaġa tal-għaġeb. Jibdew jidhru ilsna qishom tan-nar, u joqogħdu fuq kull dixxiplu. c Imbagħad ‘l-ispirtu qaddis jiġi fuqhom’ u jibdew jitkellmu b’lingwi barranin! Meta d-dixxipli jitilqu mid-dar, dawk il-viżitaturi li jiltaqgħu magħhom fit-toroq taʼ Ġerusalemm jibqgħu skantati, għax id-dixxipli jistgħu jkellmuhom! Tabilħaqq, kull wieħed jismagħhom “jitkellmu bil-lingwa tiegħu stess.”—Atti 2:1-6.

3. (a) Pentekoste tas-sena 33 WK, għala jistaʼ jissejjaħ ġrajja importanti fl-istorja tal-qima vera? (b) It-taħdita taʼ Pietru kif kellha x’taqsam mal-użu taċ-“ċwievet tas-Saltna”?

3 Dan ir-rakkont li jqanqal jiddeskrivi ġrajja importanti fil-qima vera—il-bidu tal-ġens taʼ Iżrael spiritwali, il-kongregazzjoni Kristjana midluka. (Gal. 6:16) Imma hemm iktar minn hekk. Meta Pietru indirizza lil folla dakinhar, hu uża l-ewwel ċavetta mit-tliet “iċ-ċwievet tas-Saltna,” li kull wieħed kellu jiftaħ privileġġi speċjali għal grupp differenti taʼ nies. (Mt. 16:18, 19) Din l-ewwel ċavetta għamlitha possibbli għal-Lhud u għall-proseliti Lhud biex jaċċettaw l-aħbar tajba u biex jiġu midlukin bl-ispirtu qaddis t’Alla. d B’hekk, huma kellhom isiru parti minn Iżrael spiritwali, u kien se jkollhom it-tama li jmexxu bħala slaten u qassisin fis-Saltna Messjanika. (Riv. 5:9, 10) Maż-żmien, dan il-privileġġ kellu jestendi għas-Samaritani u mbagħad għall-Ġentili. Il-Kristjani llum x’jistgħu jitgħallmu mill-ġrajjiet sinifikanti taʼ Pentekoste tas-sena 33 WK?

“Kollha fl-Istess Post” (Atti 2:1-4)

4. Il-kongregazzjoni Kristjana tal-lum kif inhi estensjoni tal-kongregazzjoni li ġiet ifformata fis-sena 33 WK?

4 Il-kongregazzjoni Kristjana bdiet b’madwar 120 dixxiplu li kienu “kollha fl-istess post”—kamra taʼ fuq—u li ġew midlukin bl-ispirtu qaddis. (Atti 2:1) Sa tmiem dak il-jum, il-membri mgħammdin taʼ din il-kongregazzjoni kienu jgħoddu bl-eluf. U dan kien biss il-bidu tat-tkabbir t’organizzazzjoni li qed tkompli tespandi llum! Iva, komunità taʼ rġiel u nisa li jibżgħu minn Alla—il-kongregazzjoni Kristjana tal-lum—hi l-mezz li bih “l-aħbar tajba tas-Saltna” qed tiġi “ppritkata mad-dinja kollha biex tingħata xhieda lill-popli kollha” qabel it-tmiem taʼ din is-sistema.—Mt. 24:14.

5. Sħubija mal-kongregazzjoni Kristjana kellha ġġib liema barka fl-ewwel seklu u llum?

5 Il-kongregazzjoni Kristjana kienet se tkun ukoll sors taʼ saħħa spiritwali għall-membri tagħha, għall-midlukin u, iktar tard, għal dawk tan-“nagħaġ oħrajn.” (Ġw. 10:16) Pawlu wera l-apprezzament tiegħu għall-appoġġ li l-membri tal-kongregazzjoni jagħtu lil xulxin meta kiteb lill-Kristjani f’Ruma: “Għandi xewqa kbira li narakom, biex nagħtikom xi għotja spiritwali sabiex tissodaw; jew, pjuttost, biex ninkuraġġixxu lil xulxin bil-fidi tagħna, intom lili u jien lilkom.”—Rum. 1:11, 12.

6, 7. Il-kongregazzjoni Kristjana llum kif qed twettaq l-inkarigu taʼ Ġesù biex tipprietka lill-popli kollha?

6 Illum, il-kongregazzjoni Kristjana għandha l-istess objettivi li kellha fl-ewwel seklu. Ġesù ta lid-dixxipli tiegħu xogħol taʼ sfida x’jagħmlu, imma fl-istess ħin eċċitanti. Hu qalilhom: “Għallmu n-nies mill-popli kollha biex isiru dixxipli tiegħi u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-ispirtu qaddis. U għallmuhom jobdu dak kollu li kkmandajtkom.”—Mt. 28:19, 20.

7 Ġeħova juża l-kongregazzjoni Kristjana tax-Xhieda taʼ Ġeħova biex iwettaq dan ix-xogħol fi żmienna. M’għandniex xi ngħidu, hija sfida li tilħaq lin-nies li jitkellmu b’lingwi differenti. Madankollu, ix-Xhieda taʼ Ġeħova ħarġu materjal ibbażat minn fuq il-Bibbja b’iktar minn 1,000 lingwa. Jekk int qed tissieħeb b’mod attiv mal-kongregazzjoni Kristjana u qed tieħu sehem fix-xogħol tal-ippritkar tas-Saltna u taʼ li tagħmel dixxipli, għandek għal xiex tkun ferħan. Int magħdud man-numru relattivament żgħir li hawn fuq l-art illum li għandhom il-privileġġ jagħtu xhieda bid-dettall dwar l-isem taʼ Ġeħova!

8. X’għajnuna nirċievu mill-kongregazzjoni Kristjana?

8 Biex jgħinek tissaporti bil-ferħ matul dawn iż-żminijiet kritiċi, Alla Ġeħova pprovda sħubija tal-aħwa madwar id-dinja. Pawlu kiteb lill-Kristjani Ebrej: “Ħa nagħtu kas xulxin biex nitqanqlu għall-imħabba u l-għemejjel tajbin, u ma nabbandunawx il-laqgħat tagħna flimkien, bħalma ħaduha drawwa jagħmlu xi wħud, imma ninkuraġġixxu lil xulxin, u dan iktar u iktar hekk kif taraw joqrob il-jum.” (Ebr. 10:24, 25) Il-kongregazzjoni Kristjana hija provvediment mingħand Ġeħova sabiex int tkun tistaʼ tinkuraġġixxi lil oħrajn u wkoll biex tiġi inkuraġġit int stess. Ibqaʼ qrib ħutek spiritwali. Qatt tabbanduna l-laqgħat Kristjani tagħna!

“Kull Wieħed Beda Jismaʼ . . . bil-Lingwa Tiegħu Stess” (Atti 2:5-13)

“Nisimgħuhom jitkellmu bil-lingwa tagħna dwar l-affarijiet tal-għaġeb t’Alla.”​—Atti 2:11

9, 10. Xi wħud kif għamlu lilhom infushom disponibbli biex jilħqu lil dawk li jitkellmu b’lingwa differenti?

9 Immaġina l-eċċitament li żgur infirex f’daqqa waħda fost il-kotra mħallta taʼ Lhud u proseliti f’Pentekoste tas-sena 33 WK Il-biċċa l-kbira minn dawk preżenti x’aktarx li kienu jitkellmu b’lingwa komuni, forsi l-Grieg jew l-Ebrajk. Imma issa “kull wieħed beda jismaʼ lid-dixxipli jitkellmu bil-lingwa tiegħu stess.” (Atti 2:6) Ċertament li dawk li semgħu żgur ġew imqanqlin meta semgħu l-aħbar tajba b’ilsien art twelidhom. Naturalment, il-Kristjani llum ma ngħatawx l-abbiltà mirakoluża li jitkellmu b’lingwi barranin. Madankollu, ħafna għamlu lilhom infushom disponibbli biex jaqsmu l-messaġġ tas-Saltna man-nies taʼ kull nazzjon. Kif? Xi wħud tgħallmu lingwa ġdida sabiex ikunu jistgħu jaqdu f’kongregazzjoni taʼ lingwa barranija fil-viċin jew saħansitra jmorru jgħixu f’pajjiż barrani. Spiss, isibu li s-semmiegħa tagħhom jibqgħu impressjonati mhux ħażin bl-isforzi tagħhom.

10 Ikkunsidra lil Christine, li ħadet kors biex titgħallem il-lingwa tal-Gujarati flimkien maʼ sebaʼ Xhieda oħrajn. Meta ltaqgħet maʼ seħbitha tax-xogħol li titkellem bil-Gujarati, sellmet lill-mara żagħżugħa bil-lingwa taʼ pajjiżha. Il-mara baqgħet impressjonata u riedet tkun taf għala Christine kienet qed tagħmel l-isforz biex titgħallem lingwa daqshekk diffiċli bħall-Gujarati. Christine rnexxielha tagħti xhieda mill-aħjar. Il-mara żagħżugħa qalet lil Christine: “Bilfors li għandek xi ħaġa importanti xi tgħid.”

11. Kif nistgħu nkunu preparati biex nippritkaw il-messaġġ tas-Saltna lil nies taʼ lingwi oħrajn?

11 M’għandniex xi ngħidu, mhux kulħadd jistaʼ jitgħallem lingwa oħra. Minkejja dan, nistgħu nkunu preparati biex nippritkaw il-messaġġ tas-Saltna lil nies taʼ lingwi oħrajn. Kif? Mod wieħed hu billi nużaw l-app tal-JW Language® biex nitgħallmu nsellmu lin-nies b’lingwa li hi popolari fit-territorju tagħna. Nistgħu wkoll nitgħallmu xi frażijiet b’din il-lingwa biex inqajmu l-interess. Tajjeb li ngħidulhom bil-website jw.org, u nipprovaw nuruhom il-vidjows u l-pubblikazzjonijiet differenti li għandna bil-lingwa tagħhom. Jekk nużaw dawn l-għodod fil-ministeru tagħna jistaʼ jkollna l-istess ferħ li kellhom ħutna fl-ewwel seklu, meta nies minn pajjiżi differenti baqgħu mistagħġbin meta semgħu l-aħbar tajba ‘bil-lingwa tagħhom stess.’

“Pietru Qam Bilwieqfa” (Atti 2:14-37)

12. (a) Il-profeta Ġoel kif kien irrefera għall-ġrajja mirakoluża li seħħet f’Pentekoste tas-sena 33 WK? (b) Twettiq tal-profezija taʼ Ġoel għala kien mistenni fl-ewwel seklu?

12 “Pietru qam bilwieqfa” biex ikellem lill-folla minn ħafna nazzjonijiet differenti. (Atti 2:14) Hu spjega lil dawk kollha li riedu jisimgħu li l-abbiltà mirakoluża biex jitkellmu b’lingwi differenti kienet ngħatat minn Alla bi twettiq tal-profezija li lissen Ġoel: “Jien inferra’ l-ispirtu tiegħi fuq kull xorta taʼ bnedmin.” (Ġoel 2:28) Qabel ma telaʼ fis-sema, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jien nitlob lill-Missier u hu jagħtikom ajjutant ieħor,” li Ġesù identifikah bħala “l-ispirtu.”—Ġw. 14:16, 17.

13, 14. Pietru kif stinka biex imiss il-qalb tas-semmiegħa tiegħu, u kif nistgħu nimitaw il-metodu tiegħu?

13 L-aħħar kliem taʼ Pietru lill-folla kien sod: “Kunu ċerti nies kollha t’Iżrael li Alla għamel lil Ġesù kemm Mulej u kemm Kristu, il-wieħed li intom qtiltu maʼ zokk.” (Atti 2:36) Naturalment, il-biċċa l-kbira mis-semmiegħa taʼ Pietru ma kinux preżenti personalment meta Ġesù ngħata l-mewt fuq iz-zokk tat-tortura. Madankollu, bħala ġens kienu responsabbli għal dan l-att. Imma, innota li Pietru indirizza lil sħabu l-Lhud b’rispett u pprova jmissilhom qalbhom. Il-mira taʼ Pietru kienet li jqanqal lis-semmiegħa tiegħu biex jindmu, u mhux li jikkundannahom. Dawk li kienu qed jisimgħu, ħadu għalihom minħabba l-kliem taʼ Pietru? Lanqas xejn. Minflok, meta semgħu dan il-kliem “huma tgħidx kemm iddispjaċiehom,” u staqsew: “X’għandna nagħmlu?” Il-mod rispettuż kif kellimhom Pietru x’aktarx li kellu rwol f’li jilħaq il-qalb taʼ ħafna, tant li ġew imqanqlin jindmu.—Atti 2:37.

14 Nistgħu nimitaw il-metodu taʼ Pietru taʼ kif jilħaq il-qalb. Meta nagħtu xhieda lil oħrajn, m’għandniex għalfejn niddiskutu kull opinjoni mhix Skritturali li l-inkwilin għandu mnejn jesprimi. Minflok, nagħmlu tajjeb li nitkellmu dwar punti li naqblu fuqhom. Jekk nistabbilixxu bażi komuni mas-semmiegħ tagħna, imbagħad b’tattika nkunu nistgħu nirraġunaw mill-Kelma t’Alla. Spiss, meta l-veritajiet tal-Bibbja jiġu preżentati b’mod pożittiv bħal dan, dawk li għandhom attitudni xierqa x’aktarx li ħa jkunu iktar lesti li jwieġbu b’mod favorevoli.

“Ħa Jitgħammed Kull Wieħed Minnkom” (Atti 2:38-47)

15. (a) Pietru liema stqarrija għamel, u n-nies kif wieġbu? (b) Eluf li semgħu l-aħbar tajba f’Pentekoste, għala setgħu jikkwalifikaw biex jitgħammdu f’dak il-jum stess?

15 Fil-jum eċċitanti taʼ Pentekoste tas-sena 33 WK, Pietru qal lil-Lhud u l-proseliti li wieġbu b’mod favorevoli: “Indmu, u ħa jitgħammed kull wieħed minnkom.” (Atti 2:38) Minħabba f’hekk, tgħammdu madwar 3,000 ruħ, x’aktarx li f’xi għadajjar f’Ġerusalemm jew fil-viċin. e Kienet din xi azzjoni impulsiva? Iservi dan ir-rakkont bħala eżempju għall-istudenti tal-Bibbja u għat-tfal taʼ ġenituri Kristjani biex jgħaġġlu jitgħammdu qabel ma jkunu lesti? Lanqas xejn. Ftakar, dawn il-Lhud u l-proseliti Lhud li ġew mgħammdin fil-jum taʼ Pentekoste tas-sena 33 WK kienu studenti żelużi tal-Kelma t’Alla, u huma kienu parti minn ġens li kien ġie dedikat lil Ġeħova. Iktar minn hekk, huma diġà kienu qed juru ż-żelu tagħhom—f’xi każi, billi vvjaġġaw distanzi twal biex ikunu preżenti għal din il-festa annwali. Wara li aċċettaw il-veritajiet vitali rigward l-irwol taʼ Ġesù Kristu fit-twettiq tal-iskop t’Alla, huma kienu lesti jkomplu jaqdu lil Alla—imma issa bħala segwaċi mgħammdin taʼ Kristu.

16. Il-Kristjani tal-ewwel seklu kif urew spirtu taʼ sagrifiċċju persunali?

16 Il-barka taʼ Ġeħova żgur li kienet fuq dan il-grupp. Ir-rakkont jgħid: “Dawk kollha li saru dixxipli nġabru flimkien u qasmu kulma kellhom bejniethom. Huma kienu jbigħu l-affarijiet li kellhom u l-propjetà tagħhom u jqassmu l-flus maʼ kulħadd, skont il-bżonn taʼ kull wieħed.” f (Atti 2:44, 45) Ċertament li l-Kristjani veri kollha jridu jimitaw dan l-ispirtu taʼ mħabba u sagrifiċċju persunali.

17. Liema passi huma neċessarji biex individwu jikkwalifika għall-magħmudija?

17 Id-dedikazzjoni u l-magħmudija Kristjana jinvolvu diversi passi Skritturali neċessarji. Individwu għandu jieħu għarfien dwar il-Kelma t’Alla. (Ġw. 17:3) Għandu bżonn juri l-fidi u jrid jindem mill-ħajja tal-passat, billi juri dispjaċir sinċier. (Atti 3:19) Imbagħad għandu jikkonverti, jew idur lura, u jibda jieħu sehem f’għemejjel xierqa li huma fi qbil mar-rieda t’Alla. (Rum. 12:2; Efes. 4:23, 24) Wara dawn il-passi jrid jagħmel dedikazzjoni lil Alla bit-talb u mbagħad jitgħammed.—Mt. 16:24; 1 Pt. 3:21.

18. Id-dixxipli mgħammdin taʼ Kristu liema privileġġ għandhom?

18 Int dixxiplu dedikat u mgħammed taʼ Ġesù Kristu? Jekk iva, kun grat għall-privileġġ li ngħatalek. Bħad-dixxipli tal-ewwel seklu li kienu mimlijin bl-ispirtu qaddis, int tistaʼ tintuża bil-kbir biex tagħti xhieda bid-dettall u biex tagħmel ir-rieda taʼ Ġeħova!

c L-“ilsna” ma kinux taʼ nar letterali, imma “qishom tan-nar.” B’mod evidenti, dan jindika li s-sinjal viżibbli fuq kull dixxiplu kellu d-dehra u d-dija tan-nar.

d Ara l-kaxxa “ Min Kienu l-Proseliti?

e Fis-7 t’Awwissu 1993, f’konvenzjoni internazzjonali tax-Xhieda taʼ Ġeħova fi Kjev, l-Ukrajna, 7,402 persuni tgħammdu f’sitt pixxini. Il-magħmudija kollha ħadet sagħtejn u kwart biex titlesta.

f Dan l-arranġament temporanju ssodisfa l-ħtieġa li qamet minħabba li xi viżitaturi baqgħu Ġerusalemm biex jitgħallmu iktar dwar il-fidi ġdida tagħhom. Dan kien tqassim volontarju u mhux xi forma taʼ komuniżmu.—Atti 5:1-4.