Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 2

“Tkunu Xhieda Tiegħi”

“Tkunu Xhieda Tiegħi”

Kif Ġesù ħejja lill-appostli tiegħu biex ikunu minn taʼ quddiem fix-xogħol tal-ippritkar

Ibbażat fuq Atti 1:1-26

1-3. Ġesù kif jinfired minn mal-appostli tiegħu, u liema mistoqsijiet iqumu?

 HUMA ma jixtiquhx jispiċċa dan iż-żmien. Għall-appostli, l-aħħar ġimgħat kienu eċċitanti ferm! Meta raw li Ġesù kien irxoxtat kienu għal darb’oħra ferħanin ħafna. Ġesù issa ilu 40 jum jidher ripetutament, jgħallem u jinkuraġġixxi iktar lis-segwaċi tiegħu. Madankollu, f’dan il-jum se jidher għall-aħħar darba.

2 Bilwieqfa flimkien fuq il-Muntanja taż-Żebbuġ, l-appostli jisimgħu b’attenzjoni kull kelma li toħroġ minn fomm Ġesù. Xħin ilesti—donnu malajr wisq—jerfaʼ jdejh ’il fuq u jberikhom. Imbagħad jibda jintrefaʼ mill-art! Is-segwaċi tiegħu jħarsu fiss lejh hekk kif jitlaʼ fis-sema. Fl-aħħar, sħaba tgħattih u ma jibqgħux jarawh. Hu telaq, imma huma jibqgħu jħarsu lejn is-smewwiet.—Lq. 24:50; Atti 1:9, 10.

3 Din ix-xena timmarka bidla importanti fil-ħajja tal-appostli taʼ Ġesù. X’se jagħmlu issa li Sidhom, Ġesù Kristu, telaʼ fis-sema? Nistgħu nkunu ċerti li Sidhom ħejjiehom biex ikomplu x-xogħol li beda hu. Kif armahom għal dan l-inkarigu importanti, u huma kif wieġbu? U l-Kristjani llum kif inhuma effettwati? L-ewwel kapitlu t’​Atti fih it-tweġibiet inkuraġġanti.

“Biex b’Hekk Ikunu Ċerti” (Atti 1:1-5)

4. Luqa kif jibda r-rakkont tiegħu miktub fil-ktieb tal-​Atti?

4 Luqa jibda r-rakkont tiegħu billi jindirizza lil Teofilu, l-istess raġel li iktar qabel kien kitiblu l-Evanġelju tiegħu. a Biex jagħmilha ċara li dan ir-rakkont ikompli mal-ewwel wieħed, Luqa jibda billi jiġbor fil-qosor il-ġrajjiet miktubin fl-aħħar tal-Evanġelju tiegħu, imma juża kliem differenti u jipprovdi xi dettalji oħrajn.

5, 6. (a) X’se jgħin lis-segwaċi taʼ Ġesù jżommu l-fidi tagħhom b’saħħitha? (b) Il-fidi tal-Kristjani llum kif inhi bbażata fuq evidenza “biex b’hekk ikunu ċerti”?

5 X’se jżomm il-fidi tas-segwaċi taʼ Ġesù b’saħħitha? F’​Atti 1:3, naqraw li Ġesù “dehrilhom ħafna drabi, biex b’hekk ikunu ċerti li kien ħaj.” Fil-Bibbja, “it-tabib maħbub” Luqa biss juża l-kelma tradotta li tagħti l-idea “biex b’hekk ikunu ċerti.” (Kol. 4:14) Kien terminu li kien jintuża f’kitbiet mediċi tekniċi, u jfisser evidenza li tidher, li hi deċiżiva, u li hi taʼ min joqgħod fuqha. Ġesù pprovda evidenza bħal din. Deher lis-segwaċi tiegħu ħafna drabi, kultant lil individwu jew tnejn, kultant lill-appostli kollha, u f’okkażjoni minnhom lil iktar minn 500 dixxiplu. (1 Kor. 15:3-6) Mhux taʼ b’xejn li kienu ċerti!

6 Il-fidi tal-Kristjani veri llum bl-istess mod hija bbażata fuq evidenza “biex b’hekk ikunu ċerti.” Għandna aħna evidenza li Ġesù għex fuq l-art, miet għal dnubietna, u ġie mqajjem? Dażgur li għandna! Fil-Kelma ispirata t’Alla għandna rakkonti taʼ xhieda li raw b’għajnejhom stess dak li ġara. Dawn huma taʼ min joqgħod fuqhom u jipprovdu l-evidenza konvinċenti kollha li għandna bżonn. Studju taʼ dawn ir-rakkonti bit-talb jistaʼ jsaħħaħ il-fidi tagħna bil-kbir. Ftakar, evidenza konkreta tistaʼ tagħmel id-differenza bejn fidi ġenwina u bejn li wieħed jemmen kulma jismaʼ. Il-fidi vera hija essenzjali biex niksbu l-ħajja taʼ dejjem.—Ġw. 3:16.

7. Ġesù liema eżempju ħalla għas-segwaċi tiegħu fit-tagħlim u fl-ippritkar?

7 Ġesù wkoll “tkellem dwar is-Saltna t’Alla.” Pereżempju, hu spjega profeziji li wrew li l-Messija kien se jkollu jbati u jmut. (Lq. 24:13-32, 46, 47) Meta Ġesù ċċara l-irwol tiegħu bħala l-Messija enfasizza t-tema tas-Saltna t’Alla, għax hu kien is-Sultan-Magħżul. Is-Saltna dejjem kienet it-tema tal-ippritkar taʼ Ġesù, u s-segwaċi tiegħu llum iżommu mal-istess tema hekk kif jippritkaw.—Mt. 24:14; Lq. 4:43.

“Fl-Art Kollha” (Atti 1:6-12)

8, 9. (a) L-appostli taʼ Ġesù kellhom liema żewġ ideat żbaljati? (b) Ġesù kif aġġusta l-ħsieb tal-appostli, u b’hekk liema lezzjoni pprovda għall-Kristjani llum?

8 Meta l-appostli nġabru fuq il-Muntanja taż-Żebbuġ, kellhom l-aħħar laqgħa tagħhom maʼ Ġesù fuq l-art. Ħerqanin, huma staqsew: “Mulej, jaqaw f’dan iż-żmien se ġġib lura s-saltna t’Iżrael?” (Atti 1:6) F’din il-mistoqsija, l-appostli wrew li kellhom żewġ ideat żbaljati. L-ewwel, assumew li s-Saltna t’Alla kienet se tiġi restawrata lil Iżrael naturali. It-tieni, stennew li s-Saltna mwiegħda kienet se tibda taħkem minnufih, “f’dan iż-żmien.” Ġesù kif għenhom jaġġustaw il-ħsieb tagħhom?

9 Ġesù x’aktarx li kien jaf li l-ewwel idea ma kinitx se ddum ma tiġi kkoreġuta. Fil-fatt, is-segwaċi tiegħu kienu se jaraw il-bidu taʼ ġens ġdid, Iżrael spiritwali, għaxart ijiem biss wara! Ir-relazzjoni speċjali li kellu Alla maʼ Iżrael naturali kienet kważi spiċċat. Rigward it-tieni idea, Ġesù b’qalb tajba fakkarhom: “Intom m’għandkomx għalfejn tkunu tafu meta, għax il-Missier biss għandu d-dritt li jiddeċiedi dan.” (Atti 1:7) Ġeħova hu l-Wieħed il-Kbir li Jistabbilixxi ż-Żmien. Qabel ma miet Ġesù, hu nnifsu qal li dak iż-żmien lanqas l-Iben ma kien jaf “meta u x’ħin” ġej it-tmiem, ħlief il-Missier. (Mt. 24:36) Sal-lum il-ġurnata, jekk il-Kristjani jsiru konċernati żżejjed dwar meta se jasal tmiem din is-sistema, bażikament ikunu qed jinkwetaw dwar dak li mhux għalihom li jkunu jafu.

10. Liema attitudni tal-appostli għandna nikkultivaw, u għala?

10 Xorta waħda, għandna noqogħdu attenti li ma nonqsux milli nirrispettaw lill-appostli taʼ Ġesù, li kienu rġiel taʼ fidi kbira. Bl-umiltà, dawn aċċettaw il-korrezzjoni. Iżjed minn hekk, għalkemm il-mistoqsija tagħhom ġiet minn ħsieb żbaljat, uriet ukoll li kellhom attitudni tajba. Ġesù għal darba wara l-oħra kien ħeġġeġ lis-segwaċi tiegħu: “Ibqgħu għassa.” (Mt. 24:42; 25:13; 26:41) Huma kienu attenti spiritwalment, ħerqanin jgħassu għal evidenza li Ġeħova kien wasal biex jaġixxi. Din hi l-attitudni li għandna nikkultivaw illum. Fil-fatt, dawn l-“aħħar jiem” kruċjali jagħmluha dejjem iktar urġenti għalina li nagħmlu dan.—2 Tim. 3:1-5.

11, 12. (a) Ġesù liema inkarigu tahom lis-segwaċi tiegħu? (b) Għala kien xieraq li Ġesù jsemmi l-ispirtu qaddis b’konnessjoni mal-inkarigu tal-ippritkar?

11 Ġesù fakkar lill-appostli dwar dak li kellu jikkonċernahom l-iktar. Hu qal: “Intom se tirċievu l-qawwa meta l-ispirtu qaddis jiġi fuqkom u se tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm, fil-Lhudija kollha, fis-Samarija, u fl-art kollha.” (Atti 1:8) L-aħbar dwar l-irxoxt taʼ Ġesù kienet se tiġi proklamata l-ewwel f’Ġerusalemm, il-post fejn xi nies kienu qatluh. Minn hemmhekk, il-messaġġ kien se jinfirex mal-Lhudija kollha, imbagħad mas-Samarija, u mbagħad m’artijiet oħrajn.

12 B’mod xieraq, Ġesù semma l-inkarigu tal-ippritkar biss wara li ġedded il-wegħda tiegħu li jibagħtilhom l-ispirtu qaddis biex jgħinhom. Din hi waħda mill-iktar minn 40 darba li l-espressjoni “spirtu qaddis” tidher fil-ktieb tal-​Atti. Darba wara l-oħra, dan il-ktieb Bibliku eċċitanti jagħmilha ċara li ma nistgħux nagħmlu r-rieda taʼ Ġeħova mingħajr l-għajnuna tal-ispirtu qaddis. Għalhekk, kemm huwa importanti li nitolbu għal dan l-ispirtu regolarment! (Lq. 11:13) Għandna bżonnu issa iktar minn qatt qabel.

13. L-inkarigu tal-ippritkar mogħti lill-poplu t’Alla llum kemm hu estensiv, u għala għandna nwettquh bil-ħeġġa?

13 It-tifsir taʼ “fl-art kollha” m’għadux l-istess bħalma kien f’dak iż-żmien. Madankollu, bħalma rajna fil-kapitlu taʼ qabel, ix-Xhieda taʼ Ġeħova b’qalbhom kollha aċċettaw dan l-inkarigu biex jagħtu xhieda, għax jafu li Alla jrid li kull xorta taʼ nies jisimgħu l-aħbar tajba tas-Saltna tiegħu. (1 Tim. 2:3, 4) Qed ikollok int ħafna x’tagħmel f’dan ix-xogħol li jsalva l-ħajjiet? Imkien mhu se jirnexxilek issib xogħol iktar premjanti u sodisfaċenti! Ġeħova se jagħtik il-qawwa li għandek bżonn biex tagħmlu. Il-ktieb tal-​Atti se jgħidlek ħafna dwar il-metodi tajbin li għandek tuża u l-attitudni li għandek tiżviluppa sabiex tkun effettiv.

14, 15. (a) L-anġli x’qalu dwar ir-ritorn taʼ Kristu, u x’riedu jfissru? (Ara wkoll in-nota taʼ taħt.) (b) Ir-ritorn taʼ Kristu kif wera li kien “bl-istess mod” bħat-tluq tiegħu?

14 Bħalma ssemma fil-bidu taʼ dan il-kapitlu, Ġesù ntrefaʼ mill-art u ma baqax jidher. Però, il-11-il appostlu baqgħu bilwieqfa hemmhekk iħarsu lejn is-sema. Finalment, dehru żewġ anġli u taw din iċ-ċanfira ħelwa: “Irġiel tal-Galilija, għala qed tħarsu lejn is-sema? Ġesù li ttieħed minn magħkom lejn is-sema se jerġaʼ jiġi bl-istess mod li rajtuh sejjer.” (Atti 1:11) Riedu jfissru l-anġli li Ġesù kien se jirritorna bl-istess ġisem, bħalma jgħallmu xi reliġjonijiet? Le, mhux hekk riedu jfissru. Kif nafu?

15 L-anġli qalu li Ġesù ma kienx se jirritorna bl-istess għamla imma “bl-istess mod.” b B’liema mod telaq? Ma kienx għadu jidher meta tkellmu l-anġli. Dawk il-ftit irġiel biss, l-appostli, fehmu li Ġesù kien telaq mill-viċinanza tal-art u li kien sejjer għand Missieru fis-sema. Il-mod kif Kristu kien se jiġi lura kellu jkun simili. U hekk kien. Illum, dawk biss li għandhom dixxerniment spiritwali jagħrfu li Ġesù hu preżenti bil-qawwa taʼ sultan. (Lq. 17:20) Irridu nifhmu l-evidenza tal-preżenza tiegħu u ngħidu lil oħrajn dwarha sabiex huma wkoll ikunu jistgħu jaraw l-urġenza taʼ żminijietna.

“Urina Liema Għażilt” (Atti 1:13-26)

16-18. (a) Minn Atti 1:13, 14, x’nitgħallmu dwar il-laqgħat Kristjani għall-qima? (b) X’nistgħu nitgħallmu mill-eżempju li ħalliet Marija, omm Ġesù? (ċ) Il-laqgħat Kristjani għala huma vitali llum?

16 Mhux taʼ b’xejn li l-appostli “marru lura Ġerusalemm ferħanin ħafna.” (Lq. 24:52) Iżda, kif kienu se jwieġbu għall-gwida u l-istruzzjoni taʼ Kristu? Fil-versi 13 u 14 t’​Atti kapitlu 1, insibuhom miġburin “fil-kamra taʼ fuq,” u nitgħallmu xi dettalji interessanti dwar laqgħat bħal dawn. Id-djar fil-Palestina f’dak iż-żmien spiss kien ikollhom kamra taʼ fuq, li dak li jkun setaʼ jitlaʼ għaliha minn taraġ minn barra. Jistaʼ jagħti l-każ li din “il-kamra taʼ fuq” kienet fuq id-dar imsemmija f’​Atti 12:12, li kienet t’omm Marku? Hu x’inhu l-każ, x’aktarx li kienet post sempliċi u prattiku fejn setgħu jinġabru s-segwaċi taʼ Kristu. Imma min iltaqaʼ hemmhekk, u x’għamlu?

17 Innota li l-laqgħa ma kinitx limitata għall-appostli, u lanqas għall-irġiel biss. Kien hemm “xi nisa,” fosthom Marija, omm Ġesù. Din hi l-aħħar darba li ssemmiet direttament fil-Bibbja. Huwa xieraq li naħsbu dwarha f’din is-sitwazzjoni, mhux tfittex il-prominenza, imma bl-umiltà miġbura flimkien maʼ ħutha spiritwali biex tagħti qima. Żgur li kien taʼ faraġ għaliha li l-erbaʼ subien l-oħrajn tagħha, li ma kinux jemmnu meta Ġesù kien ħaj, issa kienu magħha. (Mt. 13:55; Ġw. 7:5) Minn mindu miet u ġie rxoxtat ħuhom min-naħa tal-omm, l-attitudni tagħhom kienet tbiddlet.—1 Kor. 15:7.

18 Innota wkoll għala nġabru dawn id-dixxipli: “B’fehma waħda dawn kollha komplew jitolbu taʼ spiss.” (Atti 1:14) Li ninġabru flimkien minn dejjem kien essenzjali għall-qima Kristjana. Aħna niltaqgħu biex ninkuraġġixxu lil xulxin, biex nirċievu istruzzjoni u pariri u, fuq kollox, biex ningħaqdu fil-qima taʼ Ġeħova, Missierna tas-sema. It-talb u l-għanjiet taʼ tifħir tagħna f’dawn l-okkażjonijiet jogħġbuh ħafna u huma vitali għalina. Jalla qatt ma nabbandunaw dawn il-laqgħat sagri u inkuraġġanti!—Ebr. 10:24, 25.

19-21. (a) X’nitgħallmu mill-irwol attiv li kellu Pietru fil-kongregazzjoni? (b) Għala kien hemm bżonn li xi ħadd jieħu post Ġuda, u x’nistgħu nitgħallmu mill-mod kif ġiet trattata l-kwistjoni?

19 Dawn is-segwaċi taʼ Kristu issa ffaċċjaw kwistjoni importanti, u l-appostlu Pietru ħa t-tmexxija f’li jsib mod kif jittrattaha. (Versi 15-26) Ma nħossuniex imfarrġin meta naraw l-avanz taʼ Pietru fil-ġimgħat minn mindu kien ċaħad lill-Mulej tiegħu tliet darbiet? (Mk. 14:72) Ilkoll kemm aħna għandna t-tendenza li nidinbu, u għandna bżonn tfakkiriet li Ġeħova hu ‘tajjeb u lest li jaħfer’ lil dawk li jindmu sinċerament.—Salm 86:5.

20 Pietru fehem li xi ħadd kellu jieħu post Ġuda, l-appostlu li kien ittradixxa lil Ġesù. Imma min? L-appostlu l-ġdid kellu jkun xi ħadd li kien segwa lil Ġesù matul il-ministeru tiegħu u li kien xhud tal-irxoxt tiegħu. (Atti 1:21, 22) Dan kien fi qbil mal-wegħda taʼ Ġesù stess: “Intom li ġejtu warajja se toqogħdu bilqiegħda fuq 12-il tron u tiġġudikaw lit-12-il tribù t’Iżrael.” (Mt. 19:28) Jidher li kien l-iskop taʼ Ġeħova li jkun hemm 12-il appostlu biex jifformaw it-“tnax-il ġebla tal-pedament” tal-futur taʼ Ġerusalemm il-Ġdida. (Riv. 21:2, 14) Dawn kellhom ikunu wħud li segwew lil Ġesù matul il-ministeru tiegħu fuq l-art. B’hekk, Alla ħalla lil Pietru jara li l-profezija, “jalla xi ħadd ieħor jiħodlu r-responsabbiltà li jiggwida n-nies,” kienet tapplika għal Ġuda.—Salm 109:8.

21 Kif saret l-għażla? Billi tefgħu x-xorti, prattika komuni fi żminijiet Bibliċi. (Prov. 16:33) Madankollu, din hi l-aħħar darba li l-Bibbja ssemmi li x-xorti tintuża b’dan il-mod. Milli jidher, minħabba t-tferrigħ tal-ispirtu qaddis li sar iktar tard, dan il-metodu ma kienx għadu bżonjuż. Però, innota għala ntużat ix-xorti. L-appostli talbu: “Alla tagħna Ġeħova, int taf x’hemm f’qalb kulħadd. Urina liema għażilt minn dawn iż-żewġt irġiel.” (Atti 1:23, 24) Huma riedu li l-għażla tkun taʼ Ġeħova. Intgħażel Mattija, li x’aktarx kien wieħed mis-70 dixxiplu li Ġesù kien bagħathom jippritkaw. B’hekk, Mattija sar wieħed mit-“Tnax.” cAtti 6:2.

22, 23. Għala għandna nkunu sottomessi u ubbidjenti lejn dawk li llum qed jieħdu t-tmexxija fil-kongregazzjoni?

22 Din il-ġrajja tfakkarna f’kemm hi importanti l-organizzazzjoni fost il-poplu t’Alla. Sal-lum il-ġurnata, jintgħażlu rġiel responsabbli biex jaqdu bħala indokraturi fil-kongregazzjoni. L-anzjani jikkunsidraw bir-reqqa l-kwalifiki Skritturali li għandu jkollhom indokraturi bħal dawn, u jitolbu għall-gwida tal-ispirtu qaddis. B’hekk, il-kongregazzjoni tqis lil dawn l-irġiel bħala li huma maħturin mill-ispirtu qaddis. Min-naħa tagħna, aħna nibqgħu sottomessi u ubbidjenti lejn it-tmexxija tagħhom, u b’hekk nippromwovu spirtu taʼ kooperazzjoni fil-kongregazzjoni.—Ebr. 13:17.

Aħna nibqgħu sottomessi u ubbidjenti lejn it-tmexxija taʼ indokraturi maħturin

23 Issa li dawn id-dixxipli kienu ġew imsaħħin għax raw lil Ġesù wara l-irxoxt tiegħu u ġew inkuraġġiti minn irfinar fl-organizzazzjoni, kienu mħejjijin għalkollox għal dak li kien ġej. Il-kapitlu li jmiss se jiddiskuti din il-ġrajja sinifikanti.

a Fl-Evanġelju tiegħu, Luqa jindirizza lil dan ir-raġel bħala “l-eċċellenza tiegħek Teofilu,” u għalhekk xi wħud jaħsbu li Teofilu forsi kien raġel prominenti li kien għadu ma sarx Kristjan. (Lq. 1:3) Madankollu, hawnhekk fil-ktieb tal-​Atti, Luqa jindirizzah sempliċement, “Teofilu.” Xi studjużi jissuġġerixxu li Teofilu sar Kristjan wara li qara l-Evanġelju taʼ Luqa; għalhekk, jgħidu li Luqa jħalli barra l-kliem taʼ unur u jikteb lir-raġel bħala ħu spiritwali.

b Hawnhekk il-Bibbja tuża l-kelma Griega tropos, li tfisser “mod,” u mhux morfe, li tfisser “għamla.”

c Iktar tard Pawlu nħatar biex ikun “appostlu tal-ġnus,” imma qatt ma kien wieħed mit-Tnax. (Rum. 11:13; 1 Kor. 15:4-8) Hu qatt ma kellu dan il-privileġġ speċjali għax ma kienx segwa lil Ġesù matul il-ministeru tiegħu fuq l-art.