Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 20

“Jinfirex Ħafna u Jeffettwa Iktar u Iktar Nies” Minkejja l-Oppożizzjoni

“Jinfirex Ħafna u Jeffettwa Iktar u Iktar Nies” Minkejja l-Oppożizzjoni

Minkejja l-Oppożizzjoni Kif Apollo u Pawlu jikkontribwixxu għall-avanz tal-aħbar tajba

Ibbażat fuq Atti 18:23–19:41

1, 2. (a) Pawlu u l-imseħbin tiegħu jiffaċċjaw liema periklu f’Efesu? (b) X’se niddiskutu f’dan il-kapitlu?

 IT-TOROQ f’Efesu jdamdmu bl-għajjat, bl-istorbju, u bl-għagħa kbira taʼ ħafna nies. Inġabret folla nies u faqqgħet rewwixta sħiħa! Tnejn minn dawk li qed jivvjaġġaw mal-appostlu Pawlu jinħatfu u jiġu mkaxkrin mal-folla. It-triq wiesgħa bil-kolonni fejn jinsabu l-ħwienet malajr tiżvojta hekk kif il-folla li qed tiżdied issir iktar u iktar aġitata u tidħol tiġri fl-anfiteatru enormi tal-belt, li fih jistgħu joqogħdu sa 25,000 spettatur. Il-biċċa l-kbira min-nies lanqas biss jafu għala nbdiet ir-rewwixta, imma għandhom suspett li t-tempju tagħhom u l-alla mara għażiża tagħhom Artemi qed jiġu mheddin. Għalhekk, jibdew jgħajtu darba wara l-oħra: “Kbira hi Artemi tal-​Efesin!”—Atti 19:34.

2 Għal darb’oħra, naraw lil Satana jipprova juża l-vjolenza taʼ folla nies biex iwaqqaf it-tixrid tal-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla. M’għandniex xi ngħidu, it-theddida tal-vjolenza mhijiex l-unika tattika taʼ Satana. F’dan il-kapitlu, se niddiskutu għadd taʼ skemi li juża Satana biex ifixkel ix-xogħol u l-unità taʼ dawk il-Kristjani tal-ewwel seklu. Iktar importanti minn dan, se naraw li t-tattiki tiegħu kollha fallew, għax “it-tagħlim dwar dak li jgħid Ġeħova kompla jinfirex ħafna u jeffettwa iktar u iktar nies.” (Atti 19:20) Dawn il-Kristjani għala għelbuh lil Satana? Għall-istess raġunijiet li aħna nagħmlu hekk illum. Naturalment, ir-rebħa hi taʼ Ġeħova u mhux tagħna. Madankollu, bħall-Kristjani tal-ewwel seklu, aħna rridu nagħtu sehemna. Bl-għajnuna tal-ispirtu taʼ Ġeħova, nistgħu niżviluppaw kwalitajiet li se jgħinuna nwettqu l-ministeru tagħna. L-ewwel, ejja nikkunsidraw l-eżempju t’Apollo.

“Kien Jafha Sew l-Iskrittura” (Atti 18:24-28)

3, 4. Akwila u Prixilla x’indunaw li ma kienx jaf Apollo, u x’għamlu dwar dan?

3 Waqt li Pawlu kien fi triqtu lejn Efesu matul it-tielet vjaġġ missjunarju tiegħu, wasal fil-belt raġel Lhudi jismu Apollo. Kien mill-belt famuża taʼ Lixandra, l-Eġittu. Apollo kellu xi kwalitajiet li spikkaw. Kien jinqalaʼ biex jitkellem. U minbarra l-elokwenza tiegħu, “kien jafha sew l-Iskrittura.” Iżjed minn hekk, “permezz tal-ispirtu qaddis” Apollo kien żeluż u tkellem bil-kuraġġ quddiem udjenzi Lhud fis-sinagoga.—Atti 18:24, 25.

4 Akwila u Prixilla semgħu lil Apollo jitkellem. Bla dubju ferħu ħafna meta semgħuh “jgħallem b’mod eżatt dwar Ġesù.” Għalkemm it-tagħlim tiegħu dwar Ġesù kien eżatt, Akwila u Prixilla ma damux ma indunaw li Apollo ma kienx jaf xi ħaġa importanti ħafna. “Hu kien jaf biss bil-magħmudija taʼ Ġwanni.” Din il-koppja umli, li s-sengħa tagħhom kienet li jagħmlu t-tined, ma ħassewhomx intimidati minħabba l-elokwenza jew l-edukazzjoni t’Apollo. Minflok, “ħaduh magħhom u spjegawlu aħjar it-tagħlim t’Alla.” (Atti 18:25, 26) U dan ir-raġel għaref li kien jinqalaʼ biex jitkellem, kif irreaġixxa? Milli jidher, hu wera waħda mill-iktar kwalitajiet importanti li Kristjan jistaʼ jikkultiva—l-umiltà.

5, 6. X’għen lil Apollo biex isir iktar utli għal Ġeħova, u x’nistgħu nitgħallmu mill-eżempju t’Apollo?

5 Peress li Apollo aċċetta l-assistenza t’Akwila u Prixilla, hu sar qaddej taʼ Ġeħova iktar effettiv. Hu vvjaġġa lejn l-Akaja, fejn “kien t’għajnuna kbira” għal dawk li kienu jemmnu. Ta wkoll xhieda effettiva lil dawk il-Lhud f’dak ir-reġjun li insistew li Ġesù ma kienx il-Messija mbassar. Luqa jirrapporta: “B’determinazzjoni kbira wriehom mill-Iskrittura li Ġesù hu l-Kristu, b’hekk ta prova fid-dettall quddiem kulħadd li l-Lhud kienu żbaljati.” (Atti 18:27, 28) X’għajnuna kbira kien Apollo għall-kongregazzjonijiet! Il-ministeru tiegħu, bħal dak taʼ Pawlu, għen biex “it-tagħlim dwar dak li jgħid Ġeħova” jibqaʼ jeffettwa iktar nies. X’nistgħu nitgħallmu mill-eżempju t’Apollo?

6 Hija xi ħaġa essenzjali għall-aħħar li l-Kristjani jikkultivaw l-umiltà. Ilkoll kemm aħna ġejna mberkin b’għotjiet differenti—kemm jekk dawn għandhom x’jaqsmu mal-abbiltajiet naturali, kemm jekk mal-esperjenza, u kemm jekk mal-għarfien li ksibna. Madankollu, l-umiltà tagħna għandha tisboq l-għotjiet tagħna. Inkella, l-abbiltajiet li għandna jistgħu joħolqulna problema. Il-kwalitajiet tajbin tagħna jistgħu jagħmluna suppervi. (1 Kor. 4:7; Ġak. 4:6) Jekk aħna verament umli, se nistinkaw biex inqisu lil oħrajn superjuri għalina. (Flp. 2:3) La se nieħdu għalina minħabba xi korrezzjoni u lanqas se nirreżistu li niġu mgħallmin minn oħrajn. Ċertament li mhux se nibqgħu granfati bi kburija mal-ideat tagħna stess meta nsiru nafu li dawn mhumiex fi qbil mat-tmexxija preżenti tal-ispirtu qaddis. Dment li nibqgħu umli, aħna utli għal Ġeħova u għal Ibnu.—Lq. 1:51, 52.

7. Pawlu u Apollo kif ħallew eżempju t’umiltà?

7 L-umiltà tgħin ukoll biex ma jkunx hemm rivalità. Tistaʼ timmaġina kemm kien ħerqan Satana biex joħloq firdiet fost dawk il-Kristjani tal-bidu? Kemm kien jitgħaxxaq kieku żewġ personalitajiet dinamiċi bħal Apollo u l-appostlu Pawlu ħallew lilhom infushom isiru rivali, forsi billi jipprovaw isiru l-iktar persuni taʼ influwenza fil-kongregazzjonijiet! Kien ikun faċli għalihom biex jagħmlu dan. F’Korintu, xi Kristjani bdew jgħidu, “Jien taʼ Pawlu,” filwaqt li oħrajn qalu, “Imma jien t’Apollo.” Pawlu u Apollo, inkuraġġew sentimenti bħal dawn li joħolqu l-firda? Le! U Pawlu bl-umiltà rrikonoxxa l-kontribut t’Apollo għax-xogħol, billi tah xi privileġġi taʼ servizz. Min-naħa tiegħu, Apollo segwa d-direzzjoni taʼ Pawlu. (1 Kor. 1:10-12; 3:6, 9; Titu 3:12, 13) X’eżempju mill-aħjar taʼ kooperazzjoni umli għalina llum!

“Jirraġuna b’Mod Konvinċenti Dwar is-Saltna” (Atti 18:23; 19:1-10)

8. Pawlu minn liema rotta reġaʼ mar lura Efesu, u għala?

8 Pawlu kien wiegħed li jerġaʼ jmur Efesu, u żamm kelmtu. a (Atti 18:20, 21) Però, innota kif irritorna. L-aħħar darba li tkellimna dwaru kien f’Antjokja, is-Sirja. Biex imur Efesu, hu setaʼ għamel il-vjaġġ qasir lejn Selewkja, telaʼ fuq bastiment, u telaq direttament lejn id-destinazzjoni tiegħu. Minflok, hu “għadda mir-reġjuni tal-Asja li huma ’l bogħod mill-baħar.” Skont kalkolu wieħed, il-vjaġġ taʼ Pawlu, kif inhu dokumentat bir-reqqa f’​Atti 18:23 u 19:1, b’kollox kien taʼ xi 1,600 kilometru! Pawlu għala għażel rotta daqstant strapazzuża? Għaliex il-mira tiegħu kienet li “jsaħħaħ lid-dixxipli kollha.” (Atti 18:23) It-tielet vjaġġ missjunarju tiegħu, bħat-tnejn taʼ qabel, kien se jirrikjedi ħafna minnu, imma hu qies kollox bħala li hu taʼ siwi. Illum, l-indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet u n-nisa tagħhom juru l-istess attitudni. Ma napprezzawx aħna l-imħabba tagħhom li tqanqalhom jagħmlu sagrifiċċji persunali?

9. Grupp taʼ dixxipli għala kellhom bżonn jerġgħu jitgħammdu, u x’lezzjoni nistgħu nitgħallmu mingħandhom?

9 Malli wasal Efesu, Pawlu sab grupp taʼ madwar 12-il dixxiplu taʼ Ġwanni l-Għammied. Huma kienu tgħammdu taħt arranġament li ma kienx għadu validu. Barra minn hekk, donnhom li kienu jafu ftit jew xejn dwar l-ispirtu qaddis. Pawlu aġġornahom, u bħal Apollo, dawn urew li kienu umli u ħerqanin biex jitgħallmu. Wara li tgħammdu f’isem Ġesù, huma rċivew l-ispirtu qaddis u xi għotjiet mirakolużi. Għaldaqstant, jidher ċar li dak li jkun jikseb barkiet meta jsegwi d-direzzjoni tal-organizzazzjoni teokratika taʼ Ġeħova li dejjem miexja ’l quddiem.—Atti 19:1-7.

10. Pawlu għala telaq mis-sinagoga u mar f’sala, u b’hekk ħalla liema eżempju għalina fil-ministeru tagħna?

10 Ma damx ma kien hemm eżempju ieħor taʼ progress. Għal tliet xhur, Pawlu pprietka bil-qlubija fis-sinagoga. Għalkemm kien qed “jirraġuna b’mod konvinċenti dwar is-Saltna t’Alla,” xi wħud webbsu rashom u saru opponenti taʼ veru. Minflok ma qagħad jaħli l-ħin maʼ dawk li kienu qed “imaqdru t-Triq,” Pawlu għamel arranġamenti biex jitkellem f’sala taʼ skola. (Atti 19:8, 9) Dawk li riedu jagħmlu progress spiritwali kellhom bżonn jiċċaqalqu mis-sinagoga għas-sala. Bħal Pawlu, aħna għandna mnejn intemmu xi konversazzjonijiet meta nirrealizzaw li l-inkwilin mhuwiex lest li jismaʼ jew irid biss jargumenta. Għad hemm ħafna wħud bħal nagħaġ li għandhom bżonn jisimgħu l-messaġġ inkuraġġanti tagħna!

11, 12. (a) Pawlu kif ħalla eżempju f’li kien ħabrieki u lest li jadatta ruħu? (b) Ix-Xhieda taʼ Ġeħova kif stinkaw biex ikunu ħabrieka u lesti li jadattaw ruħhom fil-ministeru pubbliku tagħhom?

11 Pawlu għandu mnejn tkellem f’dik is-sala tal-iskola kuljum minn madwar il-ħdax taʼ filgħodu sa madwar l-erbgħa taʼ wara nofsinhar. (Atti 19:9, ntt.) Dan x’aktarx li kien l-iktar ħin kwiet imma sħun tal-ġurnata, meta ħafna kienu jieqfu jaħdmu biex jieklu u jistrieħu. Immaġina, kieku Pawlu segwa din l-iskeda intensiva għal sentejn sħaħ, hu kien ikun qattaʼ ħafna iktar minn 3,000 siegħa jgħallem. b Għalhekk, din hi raġuni oħra għala t-tagħlim dwar dak li jgħid Ġeħova kompla jinfirex ħafna u jeffettwa iktar u iktar nies. Pawlu kien ħabrieki u lest li jadatta ruħu. Hu rranġa l-iskeda tiegħu sabiex il-ministeru tiegħu jilħaq il-ħtiġijiet tan-nies f’dik il-komunità. X’kien ir-riżultat? “Il-Lhud u l-Griegi kollha li kienu jgħixu fil-provinċja tal-Asja semgħu dwar dak li jgħid il-Mulej.” (Atti 19:10) Kemm ta xhieda bid-dettall!

Aħna nistinkaw biex nilħqu lin-nies kull fejn jistgħu jinstabu

12 Ix-Xhieda taʼ Ġeħova fi żminijiet moderni bl-istess mod urew li huma ħabrieka u lesti li jadattaw ruħhom. Aħna nistinkaw biex nilħqu lin-nies kull fejn u kull meta jistgħu jinstabu. Inxandru fit-toroq, fis-swieq, u f’postijiet fejn jipparkjaw il-karozzi. Nistgħu nikkuntattjaw lin-nies bit-telefown jew bl-ittri. U fix-xogħol minn dar għal dar, nagħmlu sforzi biex nilħqu lin-nies f’ħinijiet meta x’aktarx li nsibuhom id-dar.

“Jinfirex Ħafna u Jeffettwa Iktar u Iktar Nies” Minkejja Spirti mill-Agħar (Atti 19:11-22)

13, 14. (a) Ġeħova lil Pawlu tah is-setgħa biex jagħmel xiex? (b) L-ulied subien taʼ Xeva liema żball għamlu, u ħafna fil-Kristjaneżmu llum kif jiżbaljaw b’mod simili?

13 Luqa jinformana li l-ministeru taʼ Pawlu kellu riżultati rimarkevoli, speċjalment minħabba li Ġeħova tah is-setgħa biex “jagħmel mirakli tal-għaġeb.” Saħansitra ċraret u fradal, li kien jilbes Pawlu u li kienu jittieħdu lin-nies morda, kienu jfejquhom. B’dawn il-mezzi wkoll, tkeċċew spirti mill-agħar. c (Atti 19:11, 12) Rebħiet impressjonanti bħal dawn kontra l-forzi taʼ Satana ġibdu ħafna attenzjoni, imma ma kinitx kollha pożittiva.

14 Xi “Lhud li kienu jivvjaġġaw biex ikeċċu d-demonji” pprovaw jikkopjaw il-mirakli taʼ Pawlu. Ċerti wħud minn dawn il-Lhud ipprovaw ikeċċu d-demonji billi sejħu l-ismijiet taʼ Ġesù u Pawlu. Luqa jagħti l-eżempju tas-sebaʼ wlied subien taʼ Xeva—membri taʼ familja taʼ qassisin—li pprovaw jagħmlu hekk. Id-demonju qalilhom: “Lil Ġesù u lil Pawlu nafhom, imma intom min intom?” Ir-raġel li kien maħkum imbagħad attakka lil dawn l-impusturi, billi qabeż fuqhom bħal bhima salvaġġa u ġegħelhom jaħarbu ’l hemm, feruti u għarwenin. (Atti 19:13-16) Din kienet rebħa kbira għat-“tagħlim dwar dak li jgħid Ġeħova,” għax il-kuntrast bejn il-qawwa li ngħatat lil Pawlu u l-fatt li dawk il-membri tar-reliġjon falza ma kellhom ebda qawwa ma setax ikun iktar ċar. Illum, hemm miljuni li b’mod żbaljat jassumu li hu biżżejjed li sempliċement isejħu isem Ġesù jew isejħu lilhom infushom “Kristjani.” Però, bħalma indika Ġesù, dawk biss li attwalment qed jagħmlu r-rieda taʼ Missieru għandhom tama vera għall-futur.—Mt. 7:21-23.

15. Rigward l-ispiritiżmu u oġġetti konnessi maʼ prattiki spiritistiċi, kif nistgħu nsegwu l-eżempju tal-​Efesin?

15 L-umiljazzjoni tal-ulied subien taʼ Xeva wasslet lil ħafna biex ikollhom il-biżaʼ t’Alla, u dan influwenza lil bosta wħud biex isiru jemmnu u jabbandunaw prattiki spiritistiċi. Il-kultura t’Efesu kienet mgħaddsa fl-arti tal-maġija. Il-magħmul u l-amuleti kienu komuni, bħalma kien ukoll is-seħer, spiss bil-kitba. Ħafna Efesin issa tqanqlu biex joħorġu l-kotba tagħhom dwar l-arti tal-maġija u jaħarquhom fil-pubbliku—avolja dawn milli jidher kienu jiswew għaxriet t’eluf taʼ dollari skont ir-rata tal-lum. d Luqa jirrapporta: “B’hekk, it-tagħlim dwar dak li jgħid Ġeħova kompla jinfirex ħafna u jeffettwa iktar u iktar nies.” (Atti 19:17-20) X’rebħa meraviljuża kellha l-verità fuq il-gideb u d-demoniżmu! Dawk in-nies leali ħallew eżempju tajjeb għalina llum. Aħna bl-istess mod ngħixu f’dinja mgħaddsa fl-ispiritiżmu. Jekk nindunaw li għandna xi ħaġa konnessa mal-ispiritiżmu, għandna nagħmlu kif għamlu l-​Efesin—neħilsu minnha minnufih! Ejja nżommu ’l bogħod minn prattiki diżgustanti bħal dawn, akkost taʼ kollox.

“Inqalaʼ Ħafna Inkwiet” (Atti 19:23-41)

“Intom tafu sew li sejrin tajjeb b’dan in-negozju.”​—Atti 19:25

16, 17. (a) Iddeskrivi kif Demetriju qanqal ir-rewwixta f’Efesu. (b) L-​Efesin kif urew il-fanatiżmu tagħhom?

16 Issa wasalna għat-tattika taʼ Satana deskritta minn Luqa meta kiteb li “nqalaʼ ħafna inkwiet minħabba t-Triq.” U ma kienx qed jesaġera. e (Atti 19:23) Raġel jismu Demetriju qalaʼ l-inkwiet. Ġibed l-attenzjoni taʼ sħabu tal-istess sengħa billi l-ewwel fakkarhom li l-prosperità tagħhom ġiet milli jbigħu l-idoli. Imbagħad kompla jissuġġerixxi li l-messaġġ li pprietka Pawlu kien se jtellifhom il-flus, ladarba l-Kristjani ma kinux iqimu lill-idoli. Imbagħad appella għall-kburija bħala ċittadini t’Efesu u għan-nazzjonaliżmu tal-udjenza tiegħu, billi wissiehom li l-alla mara tagħhom Artemi u t-tempju għaliha magħruf mad-dinja kollha kienu fil-periklu li ma jibqgħu ‘jiswew għal xejn.’—Atti 19:24-27.

17 Id-diskors taʼ Demetriju kellu l-effett mixtieq. L-irġiel l-oħra bdew jgħidu darba wara l-oħra “Kbira hi Artemi tal-​Efesin!” u l-belt imtliet bil-konfużjoni, u dan wassal għax-xena tal-folla nies fanatika deskritta fil-bidu taʼ dan il-kapitlu. f Minħabba li Pawlu kien bniedem li lest jagħmel sagrifiċċji persunali, ried jidħol fl-anfiteatru biex ikellem lill-folla, imma d-dixxipli insistew li ma jidħolx fil-periklu. Ċertu Alessandru qam quddiem il-folla u pprova jitkellem. Ladarba kien Lhudi, għandu mnejn xtaq jispjega d-differenza bejn il-Lhud u dawn il-Kristjani. Spjegazzjonijiet bħal dawn ma kinux se jeffettwaw lil din il-folla. Meta indunaw li kien Lhudi, huma għajtu biex hu ma jinstemax u baqgħu jirripetu l-kliem “Kbira hi Artemi tal-​Efesin!” għal madwar sagħtejn. Il-fanatiżmu reliġjuż ma tbiddilx minn dakinhar ’l hawn u għadu jeffettwa lin-nies sal-punt li ma jkunux kapaċi jirraġunaw.—Atti 19:28-34.

18, 19. (a) Is-sindku tal-belt kif sikket lill-folla nies f’Efesu? (b) Kultant in-nies taʼ Ġeħova kif ġew protetti minn awtoritajiet sekulari, u x’nistgħu nagħmlu sabiex niksbu protezzjoni bħal din?

18 Finalment, is-sindku tal-belt sikket lill-folla. Dan l-uffiċjal raġunevoli li kellu s-sens komun aċċerta lill-folla nies li t-tempju u l-alla mara tagħhom ma kinux fil-periklu minn dawn il-Kristjani, li Pawlu u sħabu ma kienu wettqu ebda att kriminali kontra t-tempju t’Artemi, u li kien hemm proċedura uffiċjali biex iqajmu dawn il-kwistjonijiet. Forsi l-iktar rimarka effettiva kienet meta fakkar lill-folla li setgħu jiġu akkużati taħt il-liġi Rumana minħabba din il-laqgħa illegali u bla kontroll. Imbagħad bagħat lill-folla ’l barra. Daqskemm kienet żbroffat malajr id-dagħdigħa, issa daqstant ieħor ikkalmat minħabba dan il-kliem raġunevoli u prattiku.—Atti 19:35-41.

19 Din la kienet l-ewwel darba li raġel kalm u sensibbli f’pożizzjoni t’awtorità sekulari kien aġixxa biex jipproteġi lis-segwaċi taʼ Ġesù, u lanqas kienet se tkun tal-aħħar. Infatti, l-appostlu Ġwanni f’viżjoni ra bil-quddiem li matul dawn l-aħħar jiem, l-elementi stabbli taʼ din id-dinja, iffigurati mill-art, kienu se jibilgħu dulluvju reali taʼ persekuzzjoni satanika kontra s-segwaċi taʼ Ġesù. (Riv. 12:15, 16) Dan wera li kien minnu. F’ħafna każi, imħallfin imparzjali ħadu azzjoni ħalli jipproteġu d-drittijiet tax-Xhieda taʼ Ġeħova biex jiltaqgħu għall-qima u biex jaqsmu l-aħbar tajba m’oħrajn. M’għandniex xi ngħidu, il-kondotta tagħna stess jistaʼ jkollha sehem f’dawn ir-rebħiet. Il-kondotta taʼ Pawlu milli jidher kisbitlu r-rispett taʼ xi uffiċjali tal-gvern f’Efesu, u għalhekk kienu ħerqanin biex jarawh qawwi u sħiħ. (Atti 19:31) Jalla l-kondotta onesta u rispettuża tagħna tagħmel impressjoni tajba fuq dawk li niltaqgħu magħhom ukoll. Qatt ma nistgħu ngħidu fejn se naraw l-effetti.

20. (a) Kif tħossok dwar il-mod kif it-tagħlim dwar dak li jgħid Ġeħova effetwa lin-nies fl-ewwel seklu u qed ikompli jeffettwahom illum? (b) X’inhi d-determinazzjoni tiegħek rigward ir-rebħiet taʼ Ġeħova fi żmienna?

20 Mhuwiex eċċitanti li timmedita dwar kif “it-tagħlim dwar dak li jgħid Ġeħova kompla jinfirex ħafna u jeffettwa iktar u iktar nies” fl-ewwel seklu? Huwa eċċitanti bl-istess mod li tara kif Ġeħova kien wara rebħiet simili fi żmienna. Tixtieq il-privileġġ li jkollok sehem, żgħir kemm ikun żgħir, f’rebħiet bħal dawn? Mela tgħallem mill-eżempji li kkunsidrajna. Ibqaʼ umli, żomm il-pass mal-organizzazzjoni progressiva taʼ Ġeħova, ibqaʼ aħdem iebes, iċħad l-ispiritiżmu, u agħmel ħiltek biex tagħti xhieda tajba permezz tal-kondotta onesta u rispettuża tiegħek.

a Ara l-kaxxa “ Efesu—Il-Belt Kapitli tal-Asja.”

b Pawlu kiteb ukoll l-1 Korintin waqt li kien Efesu.

c Iċ-ċraret għandhom mnejn kienu mkatar li Pawlu kien idawwar maʼ ġbinu biex ma jħallix l-għaraq jinżel f’għajnejh. Il-fatt li Pawlu kien jilbes ukoll fradal f’dan iż-żmien jagħti x’jifhem li forsi kien qed jaħdem iebes fis-sengħa tiegħu taʼ li jagħmel it-tined fil-ħin liberu tiegħu, forsi kmieni filgħodu.—Atti 20:34, 35.

d Luqa jsemmi valur taʼ 50,000 biċċa tal-fidda. Jekk kien qed jirreferi għad-dinari, ħaddiem lura dak iż-żmien kien idum 50,000 jum—madwar 137 sena—biex jaqlaʼ dak l-ammont taʼ flus jekk kien jaħdem sebat ijiem fil-ġimgħa.

e Xi wħud jgħidu li Pawlu rrefera għal din il-ġrajja meta qal lill-Korintin li “lanqas saħansitra minn ħajjitna ma konna ċerti.” (2 Kor. 1:8) Madankollu, forsi kellu f’moħħu ġrajja saħansitra iktar perikoluża. Meta Pawlu kiteb li ‘ġġieled mal-bhejjem salvaġġi f’Efesu,’ setaʼ kien qed jirreferi għal esperjenza m’annimali feroċi f’xi arena jew għal xi oppożizzjoni mill-bnedmin. (1 Kor. 15:32) Kemm l-interpretazzjoni letterali kif ukoll dik figurattiva huma possibbli.

f Dawn l-għaqdiet, jew unjins, taʼ rġiel tas-sengħa setgħu jkunu setgħanin mhux ħażin. Pereżempju, madwar seklu wara, l-għaqda tal-furnara qanqlet rewwixta simili f’Efesu.