KAPITLU 21
“M’Iniex Responsabbli għall-Mewt taʼ Xi Ħadd”
Iż-żelu taʼ Pawlu fil-ministeru u l-pariri tiegħu lill-anzjani
Ibbażat fuq Atti 20:1-38
1-3. (a) Iddeskrivi x’ġara fil-lejla li miet Ewtiku. (b) Pawlu x’jagħmel, u din il-ġrajja x’turi dwar Pawlu?
PAWLU qiegħed f’kamra taʼ fuq iffollata bin-nies fi Troas. Hu jitkellem fit-tul mal-aħwa, peress li din hi l-aħħar lejla li se jkun magħhom. Issa daqq nofsillejl. Hemm ftit imsiebaħ mhux ħażin mixgħulin fil-kamra, u dawn ikomplu jżidu mas-sħana u forsi jikkawżaw arja densa. Bilqiegħda f’ħoġor waħda mit-twieqi hemm żagħżugħ jismu Ewtiku. Hekk kif Pawlu qed jitkellem, Ewtiku tmur għajnu bih u jaqaʼ għal isfel mit-tieqa tat-tielet sular!
2 Bħala tabib, Luqa x’aktarx li hu minn tal-ewwel biex joħroġ jiġri ’l barra u jeżamina liż-żagħżugħ. M’hemm ebda dubju dwar il-kundizzjoni tiegħu. Lil Ewtiku ‘jsibuh mejjet.’ (Atti 20:9) Imbagħad iseħħ miraklu. Pawlu jintefaʼ fuq iż-żagħżugħ u jgħid lill-folla: “Tippanikjawx, għax hu ħaj.” Pawlu rxoxta lil Ewtiku!—Atti 20:10.
3 Din il-ġrajja turi l-qawwa tal-ispirtu qaddis t’Alla. Il-mewt t’Ewtiku ma kinitx tort taʼ Pawlu. Minkejja dan, Pawlu ma riedx li l-mewt taʼ dan iż-żagħżugħ tħassar din l-okkażjoni importanti jew tfixkel lil xi ħadd spiritwalment. Billi rxoxta lil Ewtiku, Pawlu ħalla lill-kongregazzjoni mfarrġa u msaħħa għalkollox biex tkompli twettaq il-ministeru tagħha. B’mod ċar, Pawlu ħassu responsabbli għall-ħajjiet t’oħrajn. Aħna niġu mfakkrin fi kliemu: “M’iniex responsabbli għall-mewt taʼ xi ħadd.” (Atti 20:26) Ejja nikkunsidraw kif l-eżempju taʼ Pawlu jistaʼ jgħinna f’dan ir-rigward.
“Beda l-Vjaġġ Lejn il-Maċedonja” (Atti 20:1, 2)
4. Pawlu kien għadda minn liema esperjenza kerha?
4 Bħalma ddiskutejna fil-kapitlu taʼ qabel, Pawlu kien għadda minn esperjenza kerha. Il-ministeru tiegħu f’Efesu kien qajjem frattarija sħiħa. Tabilħaqq, l-irġiel li l-għajxien tagħhom kien jiddependi mill-qima lil Artemi ħadu sehem f’rewwixta! “Meta r-rewwixta kkalmat,” jgħid Atti 20:1, “Pawlu bagħat għad-dixxipli, u wara li inkuraġġiehom, sellmilhom. Imbagħad beda l-vjaġġ lejn il-Maċedonja.”
5, 6. (a) Pawlu kemm għandu mnejn dam fil-Maċedonja, u x’għamel għall-aħwa t’hemmhekk? (b) Pawlu liema attitudni żamm lejn sħabu fit-twemmin?
5 Fi triqtu lejn il-Maċedonja, Pawlu waqaf fil-port taʼ Troas u għamel xi żmien hemmhekk. Pawlu ttama li Titu, li kien intbagħat Korintu, kien se jingħaqad miegħu hemmhekk. (2 Kor. 2:12, 13) Madankollu, meta sar evidenti li Titu ma kienx se jmur, Pawlu kompla sejjer lejn il-Maċedonja, fejn forsi qattaʼ xi sena ‘jinkuraġġixxi ħafna lid-dixxipli.’ a (Atti 20:2) Fl-aħħar, Titu ngħaqad maʼ Pawlu fil-Maċedonja, u ġab aħbar tajba rigward ir-reazzjoni tal-Korintin għall-ewwel ittra taʼ Pawlu. (2 Kor. 7:5-7) Dan qanqal lil Pawlu jiktbilhom ittra oħra, li aħna llum nafuha bħala t-2 Korintin.
6 Huwa taʼ min jinnotah il-fatt li Luqa juża l-kliem “inkuraġġiehom” u “inkuraġġixxa” biex jiddeskrivi ż-żjajjar taʼ Pawlu lill-aħwa f’Efesu u fil-Maċedonja. Dan il-kliem kemm jesprimi tajjeb l-attitudni taʼ Pawlu lejn sħabu fit-twemmin! B’kuntrast mal-Fariżej, li kienu jħarsu lejn oħrajn bi stmerrija, Pawlu kien iqis lin-nagħaġ bħala ħaddiema sħabu. (Ġw. 7:47-49; 1 Kor. 3:9) Pawlu żamm din l-attitudni anki meta kellu jagħtihom pariri ebsin.—2 Kor. 2:4.
7. Illum, l-indokraturi Kristjani kif jistgħu jimitaw l-eżempju taʼ Pawlu?
7 Illum, l-anzjani tal-kongregazzjoni u l-indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet jistinkaw biex jimitaw l-eżempju taʼ Pawlu. Anki meta jwiddbu, huma għandhom il-mira li jsaħħu lil dawk li għandhom bżonn l-għajnuna. L-indokraturi b’empatija jipprovaw jinkuraġġixxu minflok ma jikkundannaw. Indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet tal-esperjenza poġġieha b’dan il-mod: “Il-biċċa l-kbira minn ħutna jridu jagħmlu dak li hu sewwa, imma spiss jitqabdu mal-frustrazzjonijiet u mal-beżgħat, u jħossuhom li mhumiex kapaċi jgħinu lilhom infushom.” L-indokraturi jistgħu jkunu sors taʼ saħħa għal sħabhom fit-twemmin bħal dawn.—Ebr. 12:12, 13.
“Jippjanaw Biex Joqtluh” (Atti 20:3, 4)
8, 9. (a) X’fixkel il-pjanijiet taʼ Pawlu biex jitlaq lejn is-Sirja? (b) Il-Lhud għala għandhom mnejn imtlew bil-mibegħda għal Pawlu?
8 Mill-Maċedonja, Pawlu mar Korintu. b Wara li qattaʼ tliet xhur hemmhekk, kien ħerqan biex ikompli l-vjaġġ tiegħu lejn Kenkre, fejn ippjana li jimbarka fuq ġifen lejn is-Sirja. Minn hemmhekk, kien se jkun jistaʼ jmur Ġerusalemm u jwassal il-kontribuzzjonijiet għand l-aħwa li kienu fil-bżonn hemmhekk. c (Atti 24:17; Rum. 15:25, 26) Madankollu, għadd taʼ ġrajjiet mhux mistennijin biddlu l-pjanijiet taʼ Pawlu. Atti 20:3 jgħid: “Il-Lhud kienu qed jippjanaw biex joqtluh”!
9 Mhijiex sorpriża li l-Lhud imtlew bil-mibegħda għal Pawlu, għax huma kkunsidrawh apostata. Iktar qabel, il-ministeru tiegħu kien wassal għall-konverżjoni taʼ Krispu—persuna prominenti fis-sinagoga tal-Korintin. (Atti 18:7, 8; 1 Kor. 1:14) F’okkażjoni oħra, il-Lhud f’Korintu kienu ġabu akkużi kontra Pawlu quddiem Galljon, il-prokonslu tal-Akaja. Madankollu, Galljon ma laqax dawn l-akkużi għax kienu bla bażi—deċiżjoni li rrabjat bil-kbir lill-għedewwa taʼ Pawlu. (Atti 18:12-17) Il-Lhud f’Korintu għandhom mnejn kienu jafu jew assumew li Pawlu dalwaqt kien se jitlaq minn Kenkre li kienet fil-viċin, u għalhekk ippjanaw biex joqtluh hemmhekk. X’kien se jagħmel Pawlu?
10. Kien Pawlu beżżiegħ għax evita Kenkre? Spjega.
10 Fl-interessi tas-sigurtà persunali—u biex jipproteġi l-fondi li kien ġie fdat bihom—Pawlu pprefera jibqaʼ ’l bogħod minn Kenkre u jmur lura billi jgħaddi mill-Maċedonja. Veru, l-ivvjaġġar fuq l-art kien se jkollu l-perikli tiegħu stess. Il-ħallelin spiss kienu jistaħbew tul it-toroq tal-qedem. Saħansitra l-lukandi setgħu jkunu perikolużi. Xorta waħda, Pawlu għażel ir-riskji tal-ivvjaġġar fuq l-art minflok dawk li kienu qed jistennewh f’Kenkre. Fortunatament, ma kienx qed jivvjaġġa waħdu. L-imseħbin taʼ Pawlu għal din il-parti mill-vjaġġ missjunarju tiegħu inkludew lil Aristarku, Gaju, Sekundu, Sopater, Tikiku, Timotju, u Trofimu.—Atti 20:3, 4.
11. Il-Kristjani fi żmienna x’jagħmlu biex jipproteġu lilhom infushom, u Ġesù liema eżempju ħalla f’dan ir-rigward?
11 Bħal Pawlu, il-Kristjani fi żmienna jagħmlu dak li jistgħu biex jipproteġu lilhom infushom waqt li jkunu fil-ministeru. F’xi nħawi, huma jivvjaġġaw fi gruppi—jew minn tal-inqas tnejn tnejn—minflok waħedhom. Xi ngħidu għall-persekuzzjoni? Il-Kristjani jirrealizzaw li hija inevitabbli. (Ġw. 15:20; 2 Tim. 3:12) Xorta waħda, huma ma jesponux apposta lilhom infushom għall-periklu. Ikkunsidra l-eżempju taʼ Ġesù. Darba minnhom, meta xi opponenti f’Ġerusalemm bdew jaqbdu l-ġebel biex jitfgħuhulu, “Ġesù staħba u ħareġ mit-tempju.” (Ġw. 8:59) Iktar tard, meta l-Lhud kienu qed jippjanaw biex joqtluh, “Ġesù ma baqax imur f’postijiet fejn setgħu jarawh ħafna nies, imma telaq minn hemm lejn post viċin id-deżert.” (Ġw. 11:54) Ġesù għamel dak li setaʼ biex jipproteġi lilu nnifsu meta li jagħmel hekk ma kienx imur kontra r-rieda t’Alla għalih. Illum, il-Kristjani jagħmlu l-istess.—Mt. 10:16.
“Tgħidx Kemm Kienu Ferħanin” (Atti 20:5-12)
12, 13. (a) L-irxoxt t’Ewtiku liema effett kellu fuq il-kongregazzjoni? (b) Illum, liema tama bbażata fuq il-Bibbja tgħin lil dawk li tilfu lil xi ħadd maħbub fil-mewt?
12 Pawlu u sħabu vvjaġġaw flimkien min-naħa għall-oħra tal-Maċedonja, u mbagħad milli jidher infirdu. Evidentement, il-grupp reġaʼ ngħaqad fi Troas. d Ir-rakkont jgħid: “F’ħamest ijiem wasalna ħdejhom Troas.” e (Atti 20:6) Huwa hawnhekk li ż-żagħżugħ Ewtiku ġie rxoxtat, bħalma ddiskutejna fil-bidu taʼ dan il-kapitlu. Immaġina kif ħassewhom l-aħwa meta raw lil seħibhom Ewtiku mqajjem lura għall-ħajja! Bħalma jirrapporta r-rakkont, huma “tgħidx kemm kienu ferħanin.”—Atti 20:12.
13 Naturalment, illum ma jseħħux mirakli bħal dan. Xorta waħda, dawk li tilfu lil xi ħadd maħbub fil-mewt huma “ferħanin” bit-tama tal-irxoxt li hi bbażata fuq il-Bibbja. (Ġw. 5:28, 29) Ikkunsidra: Għax kien imperfett, Ewtiku eventwalment reġaʼ miet. (Rum. 6:23) Imma dawk li se jiġu rxoxtati fid-dinja l-ġdida t’Alla għandhom il-prospett li jgħixu għal dejjem! Iktar minn hekk, dawk li jiġu mqajmin mill-mewt biex imexxu maʼ Ġesù fis-sema jiġu mżejnin bl-immortalità. (1 Kor. 15:51-53) Il-Kristjani llum—kemm jekk huma mill-midlukin kif ukoll jekk huma min-“nagħaġ oħrajn”—għandhom raġuni tajba biex ikunu “ferħanin.”—Ġw. 10:16.
Atti 20:13-24)
“Fil-Pubbliku u minn Dar għal Dar” (14. Pawlu x’qalilhom lill-anzjani t’Efesu meta ltaqaʼ magħhom f’Miletu?
14 Pawlu u l-grupp tiegħu vvjaġġaw minn Troas lejn Assos, imbagħad lejn Mitilene, Kijos, Samos, u Miletu. Il-mira taʼ Pawlu kienet li jasal Ġerusalemm fil-ħin għall-Festa taʼ Pentekoste. Il-fatt li kien mgħaġġel biex jasal Ġerusalemm sa Pentekoste jispjega għala għażel bastiment li ma kienx jgħaddi minn ħdejn Efesu f’dan il-vjaġġ taʼ ritorn. Madankollu, ladarba Pawlu ried jitkellem mal-anzjani t’Efesu, hu talabhom jiltaqgħu miegħu f’Miletu. (Atti 20:13-17) Meta waslu, Pawlu qalilhom: “Intom tafu tajjeb kif ġibt ruħi magħkom mill-ewwel ġurnata li ġejt fil-provinċja tal-Asja. Jien qdejt b’umiltà lill-Mulej bħala lsir u bkejt u batejt minħabba l-pjanijiet ħżiena li għamlu l-Lhud kontrija. Minkejja dan, ma żammejtx lura milli ngħidilkom kulma kien taʼ ġid għalikom u milli ngħallimkom fil-pubbliku u minn dar għal dar. Imma jien tajt xhieda fid-dettall lil-Lhud u l-Griegi dwar li għandhom jindmu u jduru lejn Alla u jkollhom fidi fil-Mulej tagħna Ġesù.”—Atti 20:18-21.
15. X’inhuma xi vantaġġi tal-ippritkar minn dar għal dar?
15 Illum hemm ħafna modi kif jintlaħqu n-nies bl-aħbar tajba. Bħal Pawlu, aħna nistinkaw biex immorru fejn ikun hemm in-nies, bħal pereżempju fejn jistennew tal-linja, f’toroq mimlijin attività, jew fi swieq. Madankollu, il-metodu primarju tal-ippritkar użat mix-Xhieda taʼ Ġeħova jibqaʼ minn dar għal dar. Għala? Raġuni waħda hi li l-ippritkar minn dar għal dar jagħti opportunità xierqa lil kulħadd biex jismaʼ l-messaġġ tas-Saltna fuq bażi regulari, u b’hekk juri li Alla hu imparzjali. Hu wkoll jippermetti lil dawk taʼ qalb onesta biex jirċievu għajnuna persunali skont il-bżonnijiet tagħhom. Barra minn dan, il-ministeru minn dar għal dar jgħin lill-uħud li jippritkaw biex jissaportu u jsaħħu l-fidi tagħhom. Tabilħaqq, karatteristika distintiva tal-Kristjani veri llum hi ż-żelu tagħhom f’li jagħtu xhieda “fil-pubbliku u minn dar għal dar.”
16, 17. Pawlu kif wera li ma kienx jibżaʼ, u l-Kristjani llum kif jimitaw l-eżempju tiegħu?
16 Pawlu spjega lill-anzjani t’Efesu li hu ma kienx jaf liema perikli kien hemm jistennewh hekk kif kien se jirritorna Ġerusalemm. “Minkejja dan, jien ma nqisx lil ħajti importanti,” hu qalilhom, “dak li hu importanti għalija hu li niġri t-tellieqa sal-aħħar u nlesti x-xogħol li rċivejt mingħand il-Mulej Ġesù, jiġifieri li nagħti xhieda fid-dettall dwar l-aħbar tajba tal-qalb tajba kbira t’Alla.” (Atti 20:24) Mingħajr biżaʼ, Pawlu rrifjuta li jħalli kwalunkwe ċirkustanza—kemm saħħa batuta kif ukoll oppożizzjoni ħarxa—iżżommu lura milli jwettaq l-inkarigu tiegħu.
17 Illum, il-Kristjani bl-istess mod jissaportu diversi ċirkustanzi negattivi. Xi wħud jiffaċċjaw projbizzjoni mill-gvern u persekuzzjoni. Oħrajn b’kuraġġ jitqabdu maʼ mard fiżiku jew emozzjonali li jħallihom bla saħħa. Iż-żgħażagħ Kristjani jridu jiffaċċjaw il-pressjoni minn dawk tamparhom fl-iskola. F’kull ċirkustanza li jsibu ruħhom fiha, ix-Xhieda taʼ Ġeħova juru li huma sodi, bħalma kien Pawlu. Huma determinati li ‘jagħtu xhieda fid-dettall dwar l-aħbar tajba.’
“Oqogħdu Attenti Għalikom Infuskom u Ħudu Ħsieb il-Merħla Kollha” (Atti 20:25-38)
18. Pawlu għala ma kienx responsabbli għall-mewt taʼ xi ħadd, u l-anzjani t’Efesu kif setgħu jagħmlu l-istess?
18 Imbagħad Pawlu ma qagħadx idur mal-lewża meta wissa lill-anzjani t’Efesu, u qalilhom li hu nnifsu ħalla eżempju. L-ewwel informahom li din x’aktarx li kienet l-aħħar darba li huma kienu se jarawh. Imbagħad qal: “M’iniex responsabbli għall-mewt taʼ xi ħadd. Għax jien ma żammejtx lura milli ngħidilkom dak kollu li se jagħmel Alla.” L-anzjani t’Efesu kif setgħu jimitaw lil Pawlu, u b’hekk ma jkunux responsabbli għall-mewt taʼ xi ħadd? Hu qalilhom: “Oqogħdu attenti għalikom infuskom u ħudu ħsieb il-merħla kollha, li minnha l-ispirtu qaddis inkarigakom biex tieħdu ħsieb u tirgħaw il-kongregazzjoni t’Alla, li hu xtara bid-demm taʼ Ibnu stess.” (Atti 20:26-28) Pawlu wissa li “lpup ħorox” kienu se jidħlu fin fin fil-merħla u kienu se “jgħawġu l-verità biex jiġbdu d-dixxipli għal warajhom.” L-anzjani x’għandhom jagħmlu? “Ibqgħu għassa,” wissa Pawlu, “u ftakru li għal tliet snin sħaħ, lejl u nhar, jien ma waqaftx inwissi lil kull wieħed minnkom bid-dmugħ f’għajnejja.”—Atti 20:29-31.
19. Liema apostasija żviluppat sa tmiem l-ewwel seklu, u din għal xiex wasslet fis-sekli taʼ wara?
19 “Ilpup ħorox” dehru sa tmiem l-ewwel seklu. F’madwar is-sena 98 WK, l-appostlu Ġwanni kiteb: “Hawn ħafna antikristijiet; . . . Huma ħarġu minn fostna, imma ma kinux it-tip tagħna; għax kieku kienu t-tip tagħna, kienu jibqgħu magħna.” (1 Ġw. 2:18, 19) Sat-tielet seklu, l-apostasija kienet wasslet għall-iżvilupp tal-klassi tal-kleru tal-Kristjaneżmu, u fir-rabaʼ seklu, l-Imperatur Kostantinu rrikonoxxa uffiċjalment lil din il-forma korrotta taʼ “Kristjanità.” Billi adottaw ritwali pagani u għamluhom jidhru bħala “Kristjani,” il-mexxejja reliġjużi tabilħaqq ‘għawġu l-verità.’ L-effetti taʼ din l-apostasija għadhom jidhru fit-tagħlim u fid-drawwiet tal-Kristjaneżmu.
20, 21. Pawlu kif wera spirtu taʼ sagrifiċċju persunali, u llum l-anzjani Kristjani kif jistgħu jagħmlu l-istess?
20 Il-ħajja taʼ Pawlu kienet differenti ħafna minn taʼ dawk li iktar tard kienu se jieħdu vantaġġ mill-merħla. Hu ħadem biex imantni lilu nnifsu sabiex ma jkunx taʼ piż fuq il-kongregazzjoni. L-isforzi tiegħu għan-nom taʼ sħabu fit-twemmin ma kinux għall-gwadann persunali. Pawlu ħeġġeġ lill-anzjani t’Efesu biex juru spirtu taʼ sagrifiċċju persunali. Hu qalilhom: “Għandkom taħdmu iebes b’dan il-mod biex tgħinu lil dawk li huma dgħajfin. Ukoll, tridu tiftakru dak li qal il-Mulej Ġesù: ‘Se tkunu iktar ferħanin meta tagħtu milli meta tirċievu.’”—Atti 20:35.
21 Bħal Pawlu, l-anzjani Kristjani llum jagħmlu sagrifiċċji persunali. B’kuntrast mal-kleru tal-Kristjaneżmu, li jisolħu lill-merħliet tagħhom, dawk li huma fdati bir-responsabbiltà li ‘jirgħaw il-kongregazzjoni t’Alla’ jwettqu d-dmirijiet tagħhom mingħajr egoiżmu. Fil-kongregazzjoni Kristjana m’hemmx post għall-kburija u l-ambizzjoni, għax dawk li “jfittxu l-glorja tagħhom stess” eventwalment se jfallu. (Prov. 25:27) Il-prużunzjoni tistaʼ twassal biss għad-diżunur.—Prov. 11:2.
22. Lil Pawlu x’għamlu għażiż għall-anzjani t’Efesu?
22 L-imħabba ġenwina taʼ Pawlu għal ħutu għamlitu għażiż għalihom. Tabilħaqq, meta kien sarlu l-ħin biex jitlaq, “bdew jibku ħafna, għannqu lil Pawlu, u bisuh b’tenerezza.” (Atti 20:37, 38) Il-Kristjani verament japprezzaw u jħobbu lil dawk li, bħal Pawlu, jagħtu minnhom infushom mingħajr egoiżmu għan-nom tal-merħla. Wara konsiderazzjoni tal-eżempju mill-aħjar taʼ Pawlu, ma taqbilx int li la kien qed jiftaħar u lanqas jesaġera meta qal: “M’iniex responsabbli għall-mewt taʼ xi ħadd”?—Atti 20:26.
a Ara l-kaxxa “ L-Ittri taʼ Pawlu mill-Maċedonja.”
b X’aktarx li Pawlu kiteb l-ittra lir-Rumani matul din iż-żjara f’Korintu.
c Ara l-kaxxa “ Pawlu Jwassal Kontribuzzjonijiet lil Dawk fil-Bżonn.”
d Il-fatt li Luqa jinkludi lilu nnifsu f’Atti 20:5, 6 donnu jindika li hu reġaʼ ngħaqad maʼ Pawlu f’Filippi wara li Pawlu kien ħallieh hemmhekk xi żmien qabel.—Atti 16:10-17, 40.
e Il-vjaġġ minn Filippi għal Troas dam ħamest ijiem. Setaʼ kien hemm irjieħ mhux favorevoli, għax qabel l-istess vjaġġ sar f’jumejn biss.—Atti 16:11.