KAPITLU 18
Fittxu ’l Alla u Ssibuh
Pawlu jistabbilixxi bażi komuni u jadatta ruħu għall-udjenza tiegħu
Ibbażat fuq Atti 17:16-34
1-3. (a) L-appostlu Pawlu għala hu aġitat ħafna f’Ateni? (b) X’nistgħu nitgħallmu billi nistudjaw l-eżempju taʼ Pawlu?
PAWLU hu aġitat ħafna. Jinsab f’Ateni, il-Greċja, iċ-ċentru tat-tagħlim fejn darba għallmu Sokrate, Platun, u Aristotele. Ateni hi belt reliġjuża għall-aħħar. Madwaru—f’tempji, fi pjazez, u fit-toroq—Pawlu jara għadd kbir ħafna taʼ idoli, għax l-Atenjani jqimu bosta allat. Pawlu jaf kif Ġeħova, l-Alla l-veru, iqis l-idolatrija. (Eżo. 20:4, 5) L-appostlu leali għandu l-istess ħarsa taʼ Ġeħova—hu jistmerr lill-idoli!
2 Dak li jara Pawlu xħin imur l-agora, jew is-suq, hu partikolarment xokkanti. Għadd kbir taʼ statwi falliċi tal-alla Erme huma mqegħdin mad-dawra tal-kantuniera tal-Majjistral, ħdejn id-daħla prinċipali. Is-suq hu mimli niċeċ. L-appostlu żeluż kif se jipprietka lil nies li huma daqstant idolatrużi? Se jikkontrolla l-emozzjonijiet tiegħu u jsib bażi komuni mal-udjenza tiegħu? Se jirnexxilu jgħin lil xi ħadd ifittex lill-Alla l-veru u verament isibu?
3 Mid-diskors taʼ Pawlu lill-irġiel għorrief t’Ateni, bħalma hu dokumentat f’Atti 17:22-31, naraw li hu tkellem b’mod konvinċenti, b’tattika, u b’dixxerniment. Billi nistudjaw l-eżempju taʼ Pawlu, aħna nistgħu nitgħallmu ħafna dwar kif nistabbilixxu bażi komuni, u b’hekk ngħinu lis-semmiegħa tagħna jirraġunaw.
Jgħallem “fis-Suq” (Atti 17:16-21)
4, 5. Pawlu fejn ipprietka f’Ateni, u liema udjenza diffiċli kienet qed tistennieh?
4 Pawlu żar Ateni fit-tieni vjaġġ missjunarju tiegħu, madwar is-sena 50 WK. a Waqt li kien qed jistenna lil Sila u lil Timotju jaslu minn Berea, Pawlu “beda jirraġuna fis-sinagoga mal-Lhud,” bħalma kienet id-drawwa tiegħu. Mar ukoll f’territorju fejn setaʼ jkellem liċ-ċittadini t’Ateni li ma kinux Lhud—“fis-suq,” jew l-agora. (Atti 17:17) L-agora t’Ateni kienet tinsab lejn il-Majjistral tal-Akropoli u kienet tkopri madwar 50 kilometru kwadru. Is-suq kien ħafna iktar minn sempliċi post fejn kien isir il-bejgħ u x-xiri; kien il-pjazza tal-belt. Xogħol wieħed taʼ referenza jinnota li dan il-post kien “il-qalba ekonomika, politika, u kulturali tal-belt.” L-Atenjani kienu jitgħaxxqu jiltaqgħu hemmhekk u jieħdu sehem f’diskussjonijiet intellettwali.
5 Pawlu ffaċċja udjenza diffiċli fis-suq. Fost is-semmiegħa tiegħu kien hemm Epikurin u Stojċi, membri taʼ skejjel rivali tal-filosofija. b L-Epikurin kienu jemmnu li l-ħajja bdiet teżisti b’aċċident. Il-ħarsa tagħhom lejn il-ħajja kienet tinġabar f’dan il-kliem: “M’hemmx għalfejn tibżaʼ minn Alla; M’hemmx uġigħ fil-mewt; It-tajjeb jistaʼ jintlaħaq; Il-ħażen tistaʼ tissaportih.” L-Istojċi enfasizzaw ir-raġuni u l-loġika u ma kinux jemmnu li Alla hu Persuna. La l-Epikurin u lanqas l-Istojċi ma kienu jemmnu fl-irxoxt li kienu jgħallmu d-dixxipli taʼ Kristu. B’mod ċar, l-opinjonijiet filosofiċi taʼ dawn iż-żewġ gruppi ma kinux jaqblu mal-veritajiet elevati tal-Kristjanità ġenwina, li Pawlu kien qed jipprietka.
6, 7. Xi intellettwali Griegi kif irreaġixxew għat-tagħlim taʼ Pawlu, u liema reazzjoni simili nistgħu niffaċċjaw illum?
6 L-intellettwali Griegi kif irreaġixxew għat-tagħlim taʼ Pawlu? Xi wħud użaw kelma li tfisser “iparla fil-vojt,” jew “wieħed li jiġbor iż-żerriegħa.” (Ara n-nota taʼ studju f’Atti 17:18, nwtsty.) Rigward dan it-terminu Grieg, wieħed studjuż jgħid: “Il-kelma oriġinalment kienet tintuża għal għasfur żgħir li kien idur jiġbor il-qamħ, u iktar tard ġiet applikata għal nies li kienu jiġbru tilqit tal-ikel u ċekċik ieħor fis-suq. Terġaʼ iktar tard saret tintuża b’mod figurattiv għal kwalunkwe persuna li kienet tiġbor biċċiet taʼ informazzjoni, u speċjalment għal xi ħadd li ma setax jifhimhom sew.” Dawn l-irġiel għorrief kienu bħallikieku qed jgħidu li Pawlu kien injorant u li kien biss qed jirripeti dak li semaʼ mingħand ħaddieħor. Però, kif se naraw, Pawlu ma ħassux intimidat minħabba dan it-tagħjir.
7 Illum hu l-istess. Bħala Xhieda taʼ Ġeħova, aħna spiss ġejna mgħajrin minħabba t-twemmin tagħna bbażat fuq il-Bibbja. Pereżempju, xi għalliema jgħallmu li l-evoluzzjoni hi fatt u jinsistu li jekk int intelliġenti, għandek taċċettaha. Huma, fil-fatt, jittimbraw lil dawk li jirrifjutaw li jemmnu fiha bħala li huma injoranti. Irġiel għorrief bħal dawn iridu jġiegħlu lin-nies jaħsbu li aħna ‘niġbru ż-żerriegħa’ meta nippreżentaw dak li tgħid il-Bibbja u nippontaw lejn l-evidenza tad-disinn fin-natura. Imma aħna ma nħossuniex intimidati. Għall-kuntrarju, nitkellmu b’fiduċja meta niddefendu t-twemmin tagħna li l-ħajja fuq l-art hi r-riżultat taʼ Disinjatur intelliġenti, Alla Ġeħova.—Riv. 4:11.
8. (a) Xi wħud li semgħu l-ippritkar taʼ Pawlu, x’reazzjoni kellhom? (b) X’jistaʼ jfisser il-fatt li Pawlu ttieħed l-Arjopagu? (Ara n-nota taʼ taħt f’paġna 142.)
8 Oħrajn li semgħu l-ippritkar taʼ Pawlu fis-suq kellhom reazzjoni differenti. “Qisu qed jipprietka dwar allat barranin,” huma kkonkludew. (Atti 17:18) Kien Pawlu verament qed jintroduċi allat ġodda lill-Atenjani? Din kienet kwistjoni serja, u kienet tixbah waħda mill-akkużi li għalihom Sokrate kien ġie mgħoddi ġuri u kundannat għall-mewt sekli qabel. Mhux sorprendenti li Pawlu ttieħed l-Arjopagu u ntalab jispjega t-tagħlim li nstemaʼ stramb għall-Atenjani. c Pawlu kif kien se jiddefendi l-messaġġ tiegħu lil individwi li ma kinux familjari mal-Iskrittura?
“Irġiel t’Ateni, Qed Nara” (Atti 17:22, 23)
9-11. (a) Pawlu kif stinka biex jistabbilixxi bażi komuni mal-udjenza tiegħu? (b) Kif nistgħu nimitaw l-eżempju taʼ Pawlu fil-ministeru tagħna?
9 Ftakar li Pawlu kien aġitat ħafna minħabba l-idolatrija kollha li kien ra. Madankollu, minflok ma tilef il-kontroll u attakka l-qima tal-idoli, hu baqaʼ kalm. Bl-akbar tattika, hu stinka biex jirbaħ lill-udjenza tiegħu billi stabbilixxa bażi komuni. Hu beda billi qal: “Irġiel t’Ateni, qed nara li intom iktar devoti lejn l-allat minn nies oħrajn.” (Atti 17:22) F’ċertu sens, Pawlu kien qed jgħid, ‘Qed nara li intom reliġjużi ħafna.’ B’mod għaqli, Pawlu faħħarhom talli kienu nies reliġjużi. Hu fehem li xi wħud li huma għomja minħabba twemmin falz għandhom mnejn ikunu lesti li jagħtu widen. Wara kollox, Pawlu kien jaf li hu nnifsu darba kien ‘fl-injoranza u aġixxa b’nuqqas taʼ fidi.’—1 Tim. 1:13.
10 Biex ikompli jistabbilixxi bażi komuni, Pawlu semma li kien osserva evidenza reali ferm tar-reliġjożità tal-Atenjani—artal dedikat “Lil Alla li Ma Nafux.” Skont sors wieħed, “kienet id-drawwa tal-Griegi u t’oħrajn li jiddedikaw artali lil ‘allat li ma jafux,’ għax kienu jibżgħu li fil-qima tagħhom ikunu ħallew barra xi alla li mbagħad kien jieħu għalih.” Permezz t’artal bħal dan, l-Atenjani ammettew l-eżistenza t’Alla li ma kinux jafu bih. Pawlu uża l-preżenza taʼ dan l-artal biex jintroduċi l-aħbar tajba li kien qed jipprietka. Hu spjega: “Jien se nippritkalkom dwar dan l-Alla li bla ma tafu qed tqimuh.” (Atti 17:23) L-irraġunar taʼ Pawlu kien sottili imma qawwi. Ma kienx qed jipprietka alla ġdid jew stramb, bħalma kienu akkużawh xi wħud. Kien qed jispjega l-Alla li ma kinux jafu bih—l-Alla l-veru.
11 Kif nistgħu nimitaw l-eżempju taʼ Pawlu fil-ministeru tagħna? Jekk nosservaw, għandna mnejn naraw evidenza li individwu hu devot reliġjożament, forsi billi ninnotaw xi ħaġa reliġjuża li jkun liebes jew li tidher fid-dar jew fil-parapett tiegħu. Nistgħu ngħidu: ‘Qed nara li int bniedem reliġjuż. Kont qed nittama li nkellem lil xi ħadd li hu reliġjuż.’ Billi b’tattika nirrikonoxxu s-sentimenti reliġjużi taʼ dak li jkun, nistgħu nistabbilixxu bażi komuni li nistgħu nibnu fuqha. Ftakar li mhuwiex l-għan tagħna li niġġudikaw lil oħrajn minn qabel skont it-twemmin reliġjuż tagħhom. Fost sħabna fit-twemmin hemm ħafna li qabel sinċerament kienu jħaddnu twemmin reliġjuż falz.
Alla “Mhux ’il Bogħod Minna” (Atti 17:24-28)
12. Pawlu kif adatta l-metodu tiegħu għas-semmiegħa tiegħu?
12 Pawlu kien stabbilixxa bażi komuni, imma setaʼ jżommha waqt li jagħti xhieda? Billi kien jaf li s-semmiegħa tiegħu kienu mgħallmin il-filosofija Griega u li ma kinux familjari mal-Iskrittura, hu adatta l-metodu tiegħu b’diversi modi. L-ewwel, hu ppreżenta t-tagħlim Bibliku mingħajr ma kkwota direttament mill-Iskrittura. It-tieni, hu ġiegħel lis-semmiegħa tiegħu jħossu li kien jifhimhom u li kien wieħed minnhom, billi kultant uża l-kelma “aħna.” It-tielet, hu kkwota minn letteratura Griega biex juri li ċerti affarijiet li kien qed jgħallem kienu miktubin fil-kitbiet tagħhom stess. Issa ejja neżaminaw id-diskors qawwi taʼ Pawlu. Liema veritajiet importanti għarraf dwar l-Alla li l-Atenjani ma kinux jafu bih?
13. Pawlu xi spjega dwar l-oriġini tal-univers, u x’kien is-sinifikat taʼ kliemu?
13 Alla ħalaq l-univers. Pawlu qal: “L-Alla li għamel id-dinja u kulma fiha hu l-Mulej tas-sema u l-art, ma jgħixx f’tempji li huma magħmulin bl-idejn.” d (Atti 17:24) L-univers ma ġiex b’xi aċċident. L-Alla l-veru hu l-Ħallieq taʼ kollox. (Salm 146:6) Għall-kuntrarju t’Atena jew l-allat l-oħrajn li l-glorja tagħhom kienet tiddependi mit-tempji, in-niċeċ, u l-artali, is-Sid taʼ Kollox ma jistax joqgħod f’tempji mibnijin bl-idejn umani. (1 Slat. 8:27) Is-sinifikat taʼ kliem Pawlu kien ċar: L-Alla l-veru hu iktar grandjuż minn kwalunkwe idolu magħmul mill-bniedem li jinsab f’tempji magħmulin mill-bniedem.—Is. 40:18-26.
14. Pawlu kif wera li Alla ma jiddependix mill-bnedmin?
14 Alla ma jiddependix mill-bnedmin. L-idolatri kienu mdorrijin ilibbsu x-xbihat tagħhom bi lbies lussuż, jagħtuhom abbundanza t’għotjiet li jqumu l-flus, jew jiħdulhom l-ikel u x-xorb—bħallikieku l-idoli kellhom bżonn dawn l-affarijiet! Madankollu, xi wħud mill-filosfi Griegi fl-udjenza taʼ Pawlu għandhom mnejn emmnu li alla ma kien ikollu bżonn xejn mingħand il-bnedmin. Jekk inhu hekk, huma probabbilment qablu mal-istqarrija taʼ Pawlu li Alla “m’għandux bżonn l-għajnuna tan-nies.” Tabilħaqq, m’hemm xejn materjali li l-bnedmin jistgħu jagħtu lill-Ħallieq! Minflok, hu jagħti lill-bnedmin dak li jeħtieġu huma—“il-ħajja, in-nifs, u kull ħaġa oħra,” inkluż ix-xemx, ix-xita, u l-ħamrija fertili. (Atti 17:25; Ġen. 2:7) Allura Alla, id-Donatur, ma jiddependix mill-bnedmin, l-uħud li jirċievu.
15. Pawlu kif indirizza t-twemmin tal-Atenjani li kienu jemmnu li kienu superjuri għal dawk mhux Griegi, u liema lezzjoni importanti nistgħu nitgħallmu mill-eżempju tiegħu?
15 Alla għamel lill-bniedem. L-Atenjani emmnu li kienu superjuri għal dawk li ma kinux Griegi. Imma l-kburija tan-nazzjonalità jew tar-razza tmur kontra l-verità tal-Bibbja. (Dt. 10:17) Pawlu indirizza din il-kwistjoni delikata bit-tattika u bis-sengħa. Meta qal, “minn raġel wieħed Alla għamel il-popli kollha,” il-kliem taʼ Pawlu x’aktarx li ġiegħel lis-semmiegħa tiegħu jaħsbu. (Atti 17:26) Hu kien qed jirreferi għar-rakkont tal-Ġenesi dwar Adam, l-ewwel ġenitur tar-razza umana. (Ġen. 1:26-28) Ladarba l-bnedmin kollha għandhom antenat komuni, ebda razza jew nazzjonalità mhi superjuri għal oħra. Kif setaʼ xi ħadd mis-semmiegħa taʼ Pawlu ma jifhimx il-punt? Nitgħallmu lezzjoni importanti mill-eżempju tiegħu. Filwaqt li rridu nkunu tattikużi u raġunevoli fix-xogħol tal-għoti taʼ xhieda tagħna, ma rridux indgħajfu l-verità Biblika sabiex nagħmluha iktar aċċettabbli għal oħrajn.
16. X’inhu l-iskop tal-Ħallieq għall-bnedmin?
16 L-iskop t’Alla kien li l-bnedmin ikunu qrib tiegħu. Anki jekk il-filosfi fl-udjenza taʼ Pawlu kienu ilhom jiddibattu dwar l-iskop tal-eżistenza umana, qatt ma setgħu jispjegawh b’mod sodisfaċenti. Madankollu, Pawlu b’mod ċar irrivela l-iskop tal-Ħallieq għall-bnedmin, jiġifieri, “ifittxuh. Jekk jagħmlu sforz, isibuh, għax fil-fatt hu mhux ’il bogħod minna.” (Atti 17:27) Mhuwiex impossibbli li nsiru nafu lill-Alla li l-Atenjani ma kinux jafuh. Għall-kuntrarju, hu mhuwiex ’il bogħod minn dawk li verament jixtiequ jsibuh u jitgħallmu dwaru. (Salm 145:18) Innota li Pawlu uża t-terminu “minna,” u b’hekk inkluda lilu nnifsu fost dawk li kellhom bżonn ‘ifittxu’ u “jagħmlu sforz” biex isibu lil Alla.
17, 18. Il-bnedmin għala għandhom iħossuhom miġbudin lejn Alla, u x’nistgħu nitgħallmu mill-mod kif Pawlu appella għall-udjenza tiegħu?
17 Il-bnedmin għandhom iħossuhom miġbudin lejn Alla. Pawlu qal li permezz t’Alla “ngħixu, niċċaqalqu, u neżistu.” Xi studjużi jgħidu li Pawlu kien qed jalludi għall-kliem taʼ Epimenides, poeta minn Kreta tas-sitt seklu QK u “persunaġġ sinifikanti fit-tradizzjoni reliġjuża Atenjana.” Pawlu ta raġuni oħra għala l-bnedmin għandhom iħossuhom miġbudin lejn Alla: “Bħalma saħansitra qalu xi poeti minn tagħkom, ‘Għax aħna kollha t-tfal tiegħu.’” (Atti 17:28) Il-bnedmin għandhom iħossu li huma f’relazzjoni mill-qrib m’Alla, ladarba Hu kien Missier l-ewwel raġel, li minnu ġew il-bnedmin kollha. Biex jappella għall-udjenza tiegħu, Pawlu b’mod għaqli kkwota direttament minn kitbiet Griegi li s-semmiegħa tiegħu x’aktarx li kienu jirrispettaw. e Fi qbil mal-eżempju taʼ Pawlu, kultant forsi nużaw ftit kwotazzjonijiet mill-istorja sekulari, minn enċiklopediji, jew minn xogħlijiet taʼ referenza aċċettati oħrajn. Pereżempju, kwotazzjoni xierqa minn sors rispettat tistaʼ tgħin biex tikkonvinċi lil xi ħadd li mhuwiex Xhud dwar l-oriġini taʼ ċerti prattiki jew osservanzi reliġjużi foloz.
18 S’issa fid-diskors tiegħu, Pawlu spjega veritajiet prinċipali dwar Alla, u bis-sengħa adatta kliemu għall-udjenza tiegħu. L-appostlu x’riedhom jagħmlu s-semmiegħa Atenjani tiegħu b’din l-informazzjoni vitali? Mingħajr dewmien, hu ssokta jgħidilhom hekk kif kompla d-diskors tiegħu.
“In-Nies Kollha li Għandhom Jindmu” (Atti 17:29-31)
19, 20. (a) Pawlu kif kixef b’mod tattikuż il-bluha taʼ li wieħed iqim idoli magħmulin mill-bniedem? (b) Is-semmiegħa taʼ Pawlu liema azzjoni kellhom bżonn jieħdu?
19 Pawlu kien lest biex iħeġġeġ lis-semmiegħa tiegħu sabiex jieħdu azzjoni. Billi reġaʼ rrefera għall-kwotazzjoni mill-kitbiet Griegi, hu qal: “Għalhekk, la aħna t-tfal t’Alla, m’għandniex naħsbu li l-Qaddis hu xi statwa tad-deheb, fidda, jew ġebel, li ddisinjawha u naqqxuha l-bnedmin.” (Atti 17:29) Tabilħaqq, jekk il-bnedmin huma prodott t’Alla, allura kif jistaʼ Alla jieħu l-forma taʼ idoli, li huma prodott tal-bnedmin? L-irraġunar tattikuż taʼ Pawlu kixef il-bluha taʼ li wieħed iqim idoli magħmulin mill-bniedem. (Salm 115:4-8; Is. 44:9-20) Billi qal “m’għandniex . . . ,” Pawlu probabbilment taffa l-uġigħ li l-parir tiegħu setaʼ jikkaġuna.
20 L-appostlu għamilha ċara li kien hemm bżonn li jieħdu azzjoni: “Alla għalaq għajnejh għaż-żmien meta n-nies ma kinux jafuh, [meta immaġinaw li Alla setaʼ jieħu pjaċir li n-nies jqimu l-idoli] imma issa qed jgħid lin-nies kollha li għandhom jindmu.” (Atti 17:30) Xi wħud mis-semmiegħa taʼ Pawlu setgħu nħasdu meta semgħu din is-sejħa għall-indiema. Imma d-diskors qawwi tiegħu wera b’mod ċar li ħajjithom kienu jafuha lil Alla, u b’hekk kellhom jagħtu kont Lilu. Kellhom bżonn ifittxu lil Alla, jitgħallmu l-verità dwaru, u jġibu ħajjithom kollha kemm hi f’armonija maʼ din il-verità. Għall-Atenjani, dan kien ifisser li jagħrfu d-dnub tal-idolatrija u jduru lil hinn minnu.
21, 22. Pawlu temm id-diskors tiegħu b’liema kliem qawwi, u kliemu liema tifsir għandu għalina llum?
21 Pawlu temm id-diskors tiegħu bi kliem qawwi: “[Alla] għażel ġurnata li fiha se jiġġudika lin-nies tal-art bil-ġustizzja permezz taʼ raġel li inkariga hu. Hu ta prova li dan se jiġri billi rxoxta lil dan ir-raġel mill-mewt.” (Atti 17:31) Jum il-Ġudizzju kien riesaq—x’raġuni serja biex ifittxu u jsibu lill-Alla l-veru! Pawlu ma semmiex l-Imħallef maħtur. Minflok, Pawlu qal xi ħaġa sorprendenti dwar dan l-Imħallef: Kien għex bħala bniedem, miet, u ġie mqajjem mill-imwiet minn Alla!
22 Din il-konklużjoni eċċitanti hi mimlija tifsir għalina llum. Aħna nafu li l-Imħallef maħtur minn Alla hu Ġesù Kristu rxoxtat. (Ġw. 5:22) Nafu wkoll li Jum il-Ġudizzju se jkun twil elf sena u riesaq b’ħeffa kbira. (Riv. 20:4, 6) Aħna ma nibżgħux minn Jum il-Ġudizzju, għax nifhmu li se jġib barkiet bla għadd għal dawk li jiġu ġudikati bħala li huma leali. It-twettiq tat-tama tagħna għal futur glorjuż hu garantit mill-akbar miraklu—l-irxoxt taʼ Ġesù Kristu!
“Xi Wħud . . . Saru Dixxipli” (Atti 17:32-34)
23. X’kienu r-reazzjonijiet differenti għad-diskors taʼ Pawlu?
23 Kien hemm reazzjonijiet differenti għad-diskors taʼ Pawlu. “Xi wħud bdew jidħqu” meta semgħu dwar l-irxoxt. Oħrajn kienu edukati imma ma ridux jikkommettu ruħhom, billi qalu: “Imbagħad għidilna darb’oħra dwar dan.” (Atti 17:32) Madankollu, xi ftit wieġbu b’mod pożittiv: “Xi wħud ingħaqdu miegħu u saru dixxipli. Fosthom kien hemm Dijonisju, li kien imħallef tal-qorti tal-Arjopagu, u mara li jisimha Damari.” (Atti 17:34) Aħna nesperjenzaw reazzjonijiet simili fil-ministeru tagħna. Xi nies għandhom mnejn jiddieħqu bina, filwaqt li oħrajn ikunu edukati, imma jwieġbu b’mod indifferenti. Madankollu, aħna nitgħaxxqu meta xi wħud jaċċettaw il-messaġġ tas-Saltna u jibdew jemmnu.
24. X’nistgħu nitgħallmu mid-diskors li għamel Pawlu waqt li kien wieqaf f’nofs l-Arjopagu?
24 Hekk kif nirriflettu fuq id-diskors taʼ Pawlu, nistgħu nitgħallmu ħafna dwar l-iżvilupp loġiku u l-argumentazzjoni konvinċenti kif ukoll dwar kif nadattaw ruħna għall-udjenza tagħna. Barra minn hekk, nistgħu nitgħallmu dwar il-bżonn li nkunu paċenzjużi u tattikużi maʼ dawk li huma għomja minħabba t-twemmin reliġjuż falz. Nistgħu nitgħallmu wkoll din il-lezzjoni importanti: Qatt m’għandna ndgħajfu l-verità tal-Bibbja sempliċement biex nogħġbu lis-semmiegħa tagħna. Però, billi nimitaw l-eżempju tal-appostlu Pawlu, nistgħu nsiru għalliema iktar effettivi fil-ministeru tal-għalqa. Iżjed minn hekk, l-indokraturi b’hekk jistgħu jsiru għalliema kwalifikati aħjar fil-kongregazzjoni. B’hekk, se nkunu armati tajjeb biex ngħinu lil oħrajn ifittxu lil Alla u jirnexxilhom isibuh. —Atti 17:27.
a Ara l-kaxxa “ Ateni—Il-Belt Kapitali Kulturali tad-Dinja tal-Qedem.”
b Ara l-kaxxa “ L-Epikurin u l-Istojċi.”
c L-Arjopagu kien jinsab lejn il-Majjistral tal-Akropoli u kien il-post tradizzjonali fejn kien jiltaqaʼ l-kunsill ewlieni t’Ateni. It-terminu “Arjopagu” jistaʼ jirreferi jew għall-kunsill jew għall-għolja nfisha. Għaldaqstant, l-istudjużi għandhom opinjonijiet differenti dwar jekk Pawlu ttiħidx fuq jew ħdejn din l-għolja jew jekk ittiħidx għal laqgħa tal-kunsill xi mkien ieħor, forsi fl-agora.
d Il-kelma Griega tradotta “dinja” hi kosmos, li l-Griegi kienu jużaw biex jirreferu għall-univers materjali. Huwa possibbli li hawnhekk Pawlu, li kien qed jipprova jżomm bażi komuni mal-udjenza Griega tiegħu, uża t-terminu f’dan is-sens.
e Pawlu kkwota mill-poeżija astronomika Phaenomena, mill-poeta Stojku Aratus. Kliem simili jinsab f’kitbiet Griegi oħrajn, inkluż Hymn to Zeus, mill-kittieb Stojku Cleanthes.