Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 19

“Ibqaʼ Tkellem u Taqtax Qalbek”

“Ibqaʼ Tkellem u Taqtax Qalbek”

Pawlu jmantni lilu nnifsu, u madankollu jagħti prijorità lill-ministeru tiegħu

Ibbażat fuq Atti 18:1-22

1-3. L-appostlu Pawlu għala jmur Korintu, u liema sfidi jiffaċċja?

 HIJA l-aħħar parti tas-sena 50 WK. L-appostlu Pawlu qiegħed f’Korintu, ċentru taʼ kummerċ għani li fih tgħix popolazzjoni kbira taʼ Griegi, Rumani, u Lhud. a Pawlu ma ġiex hawnhekk biex jixtri jew ibigħ xi affarijiet jew biex ifittex xi xogħol sekulari. Ġie Korintu għal raġuni bil-wisq iktar importanti—biex jagħti xhieda dwar is-Saltna t’Alla. Xorta waħda, Pawlu għandu bżonn post fejn joqgħod, u hu determinat li ma jkunx taʼ piż finanzjarju għal oħrajn. Ma jrid jagħti lil ħadd l-impressjoni li qed jistenna li oħrajn imantnuh minħabba l-ministeru tiegħu. X’se jagħmel?

2 Pawlu għandu sengħa—dik li jagħmel it-tined. Ix-xogħol tat-tined mhuwiex faċli, imma hu lest li jagħmel xogħol manwali biex imantni lilu nnifsu. Se jsib xogħol hawnhekk f’din il-belt mimlija attività? Se jsib post xieraq fejn joqgħod? Għalkemm qed jiffaċċja dawn l-isfidi, Pawlu ma jittraskurax ix-xogħol prinċipali tiegħu, il-ministeru.

3 Kif żvolġew l-affarijiet, Pawlu baqaʼ f’Korintu għal xi żmien, u l-ministeru tiegħu hemmhekk kellu riżultati liema bħalhom. X’nistgħu nitgħallmu mill-attivitajiet taʼ Pawlu f’Korintu li se jgħinna nagħtu xhieda bid-dettall dwar is-Saltna t’Alla fit-territorju tagħna?

Kellhom is-“Sengħa li Jagħmlu t-Tined” (Atti 18:1-4)

4, 5. (a) Pawlu fejn qagħad waqt li kien Korintu, u liema xogħol sekulari għamel? (b) Pawlu kif għandu mnejn tgħallem jagħmel it-tined?

4 Xi żmien wara li wasal Korintu, Pawlu ltaqaʼ maʼ koppja ospitabbli—Lhudi naturali jismu Akwila u martu, Prixilla, jew Priska. Il-koppja marru joqogħdu f’Korintu minħabba digriet mill-Imperatur Klawdju li ordna “lil-Lhud kollha biex jitilqu minn Ruma.” (Atti 18:1, 2) Akwila u Prixilla lil Pawlu ma laqgħuhx biss f’darhom imma wkoll fin-negozju tagħhom. Naqraw: “[Pawlu] qagħad id-dar tagħhom, u ħadem magħhom peress li kellhom l-istess sengħa li jagħmlu t-tined” (Atti 18:3) Matul il-ministeru tiegħu f’Korintu, Pawlu baqaʼ jgħix fid-dar taʼ din il-koppja qalbha tajba. Waqt li kien qed joqgħod m’Akwila u Prixilla, Pawlu għandu mnejn kiteb xi ftit mill-ittri li iktar tard saru parti mil-lista tal-kotba mqaddsin. b

5 Kif jistaʼ jkun li Pawlu, raġel li kien ġie mgħallem “b’mod personali minn Gamaljel” kellu wkoll is-sengħa taʼ li jagħmel it-tined? (Atti 22:3) Il-Lhud tal-ewwel seklu milli jidher ma kinux iqisuh bħala xi ħaġa li tnaqqas id-dinjità li jgħallmu sengħa lil uliedhom, avolja tfal bħal dawn għandhom mnejn irċivew ukoll iktar edukazzjoni. Pawlu x’aktarx li tgħallem is-sengħa f’żgħożitu peress li kien minn Tarsu fiċ-Ċiliċja, il-post famuż għad-drapp imsejjaħ ċiliċjum li minnu jagħmlu t-tined. Ix-xogħol tat-tined x’kien jinvolvi? Is-sengħa setgħet involviet l-insiġ tad-drapp tat-tined jew il-qtugħ u l-ħjata tad-drapp oħxon u iebes sabiex isiru t-tined. B’mod jew ieħor, dan kien xogħol iebes.

6, 7. (a) Pawlu kif kien iqisu x-xogħol tat-tined, u x’jindika li Akwila u Prixilla kienu jqisuh bħalu? (b) Illum, il-Kristjani kif isegwu l-eżempju taʼ Pawlu, Akwila, u Prixilla?

6 Pawlu ma kkunsidrax ix-xogħol tat-tined bħala l-vokazzjoni, jew il-karriera, tiegħu. Kien jaħdem f’din is-sengħa sempliċement biex imantni lilu nnifsu fil-ministeru, u jxandar l-aħbar tajba “bla ħlas.” (2 Kor. 11:7) Akwila u Prixilla kif kienu jqisuha s-sengħa tagħhom? Bħala Kristjani, huma mingħajr dubju kienu jqisu x-xogħol sekulari kif kien iqisu Pawlu. Fil-fatt, meta Pawlu telaq minn Korintu fis-sena 52 WK, Akwila u Prixilla marru miegħu Efesu, u darhom hemmhekk kienet tintuża bħala l-post fejn tiltaqaʼ l-kongregazzjoni lokali. (1 Kor. 16:19) Iktar tard, huma rritornaw lejn Ruma u mbagħad reġgħu marru lura Efesu. Din il-koppja żeluża poġġiet l-interessi tas-Saltna l-ewwel u minn rajha tat minnha nfisha biex taqdi lil oħrajn, u b’hekk kisbet il-gratitudni tal-“kongregazzjonijiet kollha tal-ġnus.”—Rum. 16:3-5; 2 Tim. 4:19.

7 Il-Kristjani taʼ żmienna jsegwu l-eżempju taʼ Pawlu, Akwila, u Prixilla. Illum, ministri żelużi jaħdmu iebes ‘biex ma jkunux taʼ piż finanzjarju’ għal oħrajn. (1 Tess. 2:9) Xi ħaġa taʼ min ifaħħarha hi li ħafna proklamaturi tas-Saltna full-time jaħdmu part-time jew jaħdmu f’ċertu żmien tas-sena biex imantnu lilhom infushom fil-vokazzjoni tagħhom, il-ministeru Kristjan. Bħal Akwila u Prixilla, ħafna qaddejja taʼ Ġeħova qalbhom tajba jiftħu djarhom għall-indokraturi li jivvjaġġaw. B’hekk, dawk li ‘juru dejjem l-ospitalità’ jafu kemm il-fatt li jagħmlu hekk jistaʼ jkun inkuraġġanti u edifikanti.—Rum. 12:13.

“Ħafna Korintin . . . Bdew Jemmnu” (Atti 18:5-8)

8, 9. Pawlu x’għamel meta x-xhieda qawwija li ta lil-Lhud ġiet wiċċ imb wiċċ mal-oppożizzjoni, u mbagħad fejn mar jipprietka?

8 Il-fatt li Pawlu qies ix-xogħol sekulari tiegħu bħala għajnuna biex iwettaq il-ministeru tiegħu sar ovvju meta Sila u Timotju waslu mill-Maċedonja b’għotjiet ġenerużi. (2 Kor. 11:9) Immedjatament, Pawlu “uża l-ħin kollu tiegħu biex jipprietka l-messaġġ [“ta ruħu kollu kemm hu għax-xandir,” Il-Bibbja, Għaqda Biblika Maltija].” (Atti 18:5) Madankollu, ix-xhieda qawwija li ta lil-Lhud ġabitu wiċċ imb wiċċ m’oppożizzjoni konsiderevoli. Filwaqt li rrifjuta li jibqaʼ jkun responsabbli talli ma ridux jaċċettaw il-messaġġ li jsalva l-ħajjiet dwar il-Kristu, Pawlu farfar ħwejġu u qal lill-opponenti Lhud tiegħu: “Intom se tkunu ħatjin għal dak li se jiġrilkom. Jien m’iniex ħati. Mil-lum ’il quddiem jien se mmur għand in-nies taʼ popli oħra.”—Atti 18:6; Eżek. 3:18, 19.

9 Allura, issa fejn kien se jipprietka Pawlu? Raġel jismu Tizju Ġustu, li x’aktarx kien proselita Lhudi li daru kienet tmiss mas-sinagoga, fetaħ daru għal Pawlu. Għalhekk, Pawlu mis-sinagoga mar fid-dar taʼ Ġustu. (Atti 18:7) Pawlu baqaʼ joqgħod fid-dar t’Akwila u Prixilla waqt li kien f’Korintu, imma d-dar taʼ Ġustu saret iċ-ċentru li minnu l-appostlu wettaq l-attività tal-ippritkar tiegħu.

10. X’juri li Pawlu ma kienx determinat li jipprietka biss lin-nies tal-ġnus?

10 L-istqarrija taʼ Pawlu li minn dakinhar ’il quddiem kien se jmur għand in-nies tal-ġnus, kienet tfisser li hu ma kienx se jagħti kas iktar il-Lhud u l-proseliti Lhud kollha, saħansitra dawk li wieġbu b’mod favorevoli? Ma jistax ikun li dan kien il-każ. Pereżempju, “Krispu, il-mexxej tas-sinagoga, u dawk kollha fil-familja tiegħu saru dixxipli tal-Mulej.” Evidentement, numru minn dawk assoċjati mas-sinagoga ngħaqdu maʼ Krispu, għax il-Bibbja tgħid: “Ħafna Korintin li semgħu l-aħbar tajba bdew jemmnu u jitgħammdu.” (Atti 18:8) B’hekk, id-dar taʼ Tizju Ġustu saret il-post fejn kienet tiltaqaʼ l-kongregazzjoni Kristjana taʼ Korintu li kienet għadha kif ġiet stabbilita. Jekk ir-rakkont tal-​Atti hu preżentat bl-istil karatteristiku taʼ Luqa—jiġifieri, b’mod kronoloġiku—mela l-konverżjoni taʼ dawn il-Lhud jew proseliti seħħet wara li Pawlu farfar ħwejġu. Din il-ġrajja kieku turi b’mod ċar li l-appostlu kien lest li jaġġusta ruħu għal ċirkustanzi differenti.

11. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova llum, kif jimitaw lil Pawlu hekk kif jipprovaw jikkomunikaw maʼ dawk fil-Kristjaneżmu?

11 Illum, f’ħafna artijiet, il-knejjes tal-Kristjaneżmu huma stabbiliti sew u għandhom influwenza kbira fuq il-membri tagħhom. F’xi pajjiżi u gżejjer, il-missjunarji tal-Kristjaneżmu kkonvertew ħafna nies. Nies li jsostnu li huma Kristjani spiss huma marbutin bit-tradizzjonijiet, kif kienu l-Lhud taʼ Korintu tal-ewwel seklu. Xorta waħda, bħal Pawlu, aħna bħala x-Xhieda taʼ Ġeħova b’mod żeluż nipprovaw nikkomunikaw maʼ nies bħal dawn, billi nkomplu nibnu fuq kwalunkwe għarfien Skritturali li forsi diġà għandhom. Anki meta jopponuna jew il-mexxejja reliġjużi tagħhom jippersegwitawna, ma naqtgħux qalbna. Fost dawk li “għandhom żelu għal Alla, imma mhux skond l-għarfien eżatt,” jistaʼ jkun hemm ħafna wħud ġwejdin li għandna bżonn infittxuhom u nsibuhom.—Rum. 10:2.

“Għad Għandi Ħafna Nies X’jinġabru fil-Belt” (Atti 18:9-17)

12. Pawlu liema garanzija rċieva f’viżjoni?

12 Jekk Pawlu kellu xi dubju dwar jekk kellux ikompli l-ministeru tiegħu f’Korintu, żgur li sparixxa fil-lejl li fih il-Mulej Ġesù deherlu f’viżjoni u qallu: “Tibżax, imma ibqaʼ tkellem u taqtax qalbek, għax għad għandi ħafna nies x’jinġabru fil-belt. Għalhekk, jien se nkun miegħek u ħadd mhu se jattakkak u jagħmillek il-ħsara.” (Atti 18:9, 10) X’viżjoni inkuraġġanti! Il-Mulej innifsu aċċerta lil Pawlu li kien se jiġi protett mill-ħsara u li fil-belt kien hemm ħafna wħud li jixirqilhom. Pawlu kif wieġeb għall-viżjoni? Naqraw: “Hu qagħad hemm għal sena u nofs jgħallimhom dak li jgħid Alla.”—Atti 18:11.

13. Pawlu f’liema ġrajja għandu mnejn ħaseb hekk kif resaq lejn it-tron tal-ġudizzju, imma liema raġuni kellu biex jistenna riżultat differenti?

13 Wara li qattaʼ madwar sena f’Korintu, Pawlu rċieva iktar evidenza tal-appoġġ tal-Mulej. “Il-Lhud ftiehmu, attakkaw lil Pawlu, u ħaduh fil-post fejn isir ġudizzju.” (Atti 18:12) Xi wħud jaħsbu li dan kien pjattaforma merfugħa magħmula minn irħam blu u abjad kollu tinqix dekorattiv. Dan it-tron tal-ġudizzju għandu mnejn kien viċin iċ-ċentru tas-suq taʼ Korintu. Il-fetħa taʼ quddiem it-tron tal-ġudizzju kienet kbira biżżejjed biex tinġabar folla mdaqqsa. Skoperti arkeoloġiċi jissuġġerixxu li t-tron tal-ġudizzju setaʼ kien biss ftit passi ’l bogħod mis-sinagoga, u għalhekk viċin ukoll id-dar taʼ Ġustu. Hekk kif Pawlu resaq lejn it-tron tal-ġudizzju għandu mnejn ħaseb dwar it-tħaġġir taʼ Stiefnu, li kultant issir referenza għalih bħala l-ewwel martri Kristjan. Pawlu, li dak iż-żmien kien magħruf bħala Sawl, kien “approva dan il-qtil.” (Atti 8:1) Kienet se tiġrilu xi ħaġa simili issa lil Pawlu? Le, għax hu kien ġie mwiegħed: “Ħadd ma hu se . . . jagħmillek ħsara.”—Atti 18:10, GħBM.

“Għalhekk keċċiehom mill-post fejn isir ġudizzju.”—Atti 18:16

14, 15. (a) Il-Lhud attakkaw lil Pawlu b’liema akkuża, u Galljon għala għalaq il-każ? (b) Xi ġralu Sostene, u x’setaʼ sar minnu?

14 X’ġara meta Pawlu tressaq quddiem it-tron tal-ġudizzju? L-amministratur li kellu l-kariga kien il-prokonslu tal-Akaja, jismu Galljon—dan kien ħu l-filosfu Ruman Seneka u kien akbar minnu. Il-Lhud attakkaw lil Pawlu b’din l-akkuża: “Dan ir-raġel qed jikkonvinċi lin-nies biex iqimu lil Alla b’mod li jmur kontra l-liġi.” (Atti 18:13) Il-Lhud implikaw li Pawlu kien qed jikkonverti lin-nies b’mod illegali. Madankollu, Galljon ra li Pawlu ma kien għamel ebda “ħaġa ħażina” u ma kienx ħati taʼ xi “att kriminali serju.” (Atti 18:14) Galljon ma kellu ebda intenzjoni li jinvolvi ruħu fil-kontroversji tal-Lhud. Tant, li qabel ma Pawlu lissen saħansitra kelma waħda biex jiddefendi ruħu, Galljon għalaq il-każ! L-akkużaturi kienu inkorlati. Huma sfogaw ir-rabja tagħhom fuq Sostene, li x’aktarx kien ħa post Krispu bħala l-uffiċjal li jippresiedi fis-sinagoga. Huma ħatfu lil Sostene “u bdew isawtuh quddiem il-post fejn isir ġudizzju.”—Atti 18:17.

15 Galljon għala ma żammx lill-folla milli jsawtu lil Sostene? Forsi Galljon ħaseb li Sostene kien il-perċimes tar-rewwixta kontra Pawlu, u għalhekk kien qed jieħu dak li ħaqqu. Jekk dan kienx il-każ jew le, il-ġrajja jistaʼ jkun li kellha riżultat tajjeb. Fl-ewwel ittra tiegħu lill-kongregazzjoni tal-Korintin, miktuba diversi snin wara, Pawlu rrefera għal ċertu Sostene bħala ħu. (1 Kor. 1:1, 2) Kien dan l-istess Sostene li ġie msawwat f’Korintu? Jekk inhu hekk, l-esperjenza taʼ wġigħ għandha mnejn għenet lil Sostene jħaddan il-Kristjanità.

16. Il-kliem tal-Mulej, “ibqaʼ tkellem u taqtax qalbek, . . . Jien se nkun miegħek,” liema effett għandu fuq il-ministeru tagħna?

16 Ftakar li kien wara li l-Lhud ċaħdu l-ippritkar taʼ Pawlu li l-Mulej Ġesù aċċerta lil Pawlu: “Tibżax, imma ibqaʼ tkellem u taqtax qalbek, . . . Jien se nkun miegħek.” (Atti 18:9, 10) Nagħmlu tajjeb li nżommu dan il-kliem f’moħħna, speċjalment meta l-messaġġ tagħna jiġi miċħud. Qatt tinsa li Ġeħova jaqra l-qlub u jiġbed lil uħud taʼ qalb onesta lejh. (1 Sam. 16:7; Ġw. 6:44) X’inkuraġġiment hu dan għalina biex nibqgħu beżlin fil-ministeru! Kull sena mijiet t’eluf qed jitgħammdu—mijiet kuljum. Lil dawk li jobdu l-kmand biex ‘jgħallmu lin-nies mill-popli kollha,’ Ġesù joffri din iċ-ċertezza: “Jien se nibqaʼ magħkom sal-aħħar jiem taʼ din id-dinja.”—Mt. 28:19, 20.

“Jekk Ġeħova Jrid” (Atti 18:18-22)

17, 18. Pawlu fuq xiex għandu mnejn irrifletta hekk kif telaq lejn Efesu?

17 Ma nistgħux ngħidu fiċ-ċert jekk l-attitudni taʼ Galljon lejn l-akkużaturi taʼ Pawlu rriżultatx f’perijodu taʼ paċi għall-kongregazzjoni Kristjana li kienet għadha kif ġiet stabbilita f’Korintu. Madankollu, Pawlu baqaʼ hemmhekk għal “xi żmien” qabel ma sellem lil ħutu Korintin. Fir-rebbiegħa tas-sena 52 WK, hu ppjana li jitlaq lejn is-Sirja mill-port taʼ Kenkre, madwar 11-il kilometru lejn il-Lvant taʼ Korintu. Imma qabel ma telaq minn Kenkre, Pawlu “qataʼ xagħru. . . , għax kien għamel wegħda.” c (Atti 18:18) Wara dan, hu ħa lil Akwila u Prixilla miegħu u qasam il-Baħar Eġew lejn Efesu fl-Asja Minuri.

18 Hekk kif Pawlu telaq minn Kenkre, hu x’aktarx li rrifletta fuq iż-żmien li qattaʼ f’Korintu. Kellu ħafna memorji sbieħ u bosta raġunijiet biex iħoss sodisfazzjon profond. Il-ministeru tiegħu taʼ 18-il xahar hemmhekk kien ipproduċa riżultati tajbin. Kienet ġiet stabbilita l-ewwel kongregazzjoni f’Korintu, u d-dar taʼ Ġustu kienet il-post fejn kienu jiltaqgħu. Fost dawk li saru kredenti kien hemm Ġustu, Krispu u taʼ daru, u ħafna oħrajn. Dawn l-aħwa ġodda kienu għeżież għal Pawlu, għax hu kien għenhom isiru Kristjani. Iktar tard, hu kien se jiktbilhom u jiddeskrivihom bħala ittra taʼ rakkomandazzjoni mnaqqxa f’qalbu. Aħna wkoll inħossuna qrib dawk li kellna l-privileġġ li ngħinuhom iħaddnu l-qima vera. Kemm hu taʼ sodisfazzjon li naraw “ittri taʼ rakkomandazzjoni” ħajjin bħal dawn!—2 Kor. 3:1-3.

19, 20. Pawlu x’għamel malli wasal Efesu, u aħna x’nitgħallmu minnu dwar li nipprovaw nilħqu miri spiritwali?

19 Malli wasal Efesu, Pawlu immedjatament mar fuq xogħlu. Hu “mar fis-sinagoga jirraġuna mal-Lhud.” (Atti 18:19) F’din l-okkażjoni, Pawlu baqaʼ f’Efesu għal perijodu qasir biss. Għalkemm talbuh biex jibqaʼ iktar, “hu ma riedx.” Meta sellmilhom, hu qal lill-​Efesin: “Jekk Ġeħova jrid, nerġaʼ niġi għandkom.” (Atti 18:20, 21) Pawlu mingħajr dubju rrikonoxxa li kien hemm ħafna ppritkar xi jsir f’Efesu. L-appostlu ppjana li jirritorna, imma għażel li jħalli kollox f’idejn Ġeħova. Mhuwiex dan eżempju mill-aħjar għalina biex inżommuh f’moħħna? Meta nipprovaw nilħqu miri spiritwali, għandna bżonn nieħdu l-inizjattiva. Madankollu, dejjem għandna nistrieħu fuq id-direzzjoni taʼ Ġeħova u nistinkaw biex naġixxu f’armonija mar-rieda tiegħu.—Ġak. 4:15.

20 Lil Akwila u Prixilla, Pawlu ħalliehom f’Efesu, u baħħar u niżel Ċesarija. Milli jidher “telaʼ” Ġerusalemm u sellem lill-kongregazzjoni t’hemmhekk. (Ara nota taʼ studju bl-Ingliż f’​Atti 18:22, nwtsty.) Imbagħad Pawlu mar id-dar tiegħu—f’Antjokja tas-Sirja. It-tieni vjaġġ missjunarju tiegħu wasal fi tmiemu u kien taʼ suċċess. X’kien hemm jistennieh fl-aħħar vjaġġ missjunarju tiegħu?

a Ara l-kaxxa “ Korintu—Sid taʼ Żewġ Ibħra.”

c Ara l-kaxxa “ Il-Wegħda taʼ Pawlu.”