Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 16

“Ejja l-Maċedonja”

“Ejja l-Maċedonja”

Ingawdu l-barkiet meta naċċettaw inkarigu u nissaportu l-persekuzzjoni bil-ferħ

Ibbażat fuq Atti 16:6-40

1-3. (a) Pawlu u l-imseħbin tiegħu kif esperjenzaw id-direzzjoni tal-ispirtu qaddis? (b) Liema ġrajjiet se nikkunsidraw?

 GRUPP taʼ nisa jitilqu mill-belt taʼ Filippi fil-Maċedonja. Ma jdumux ma jaslu ħdejn ix-xmara dejqa taʼ Gangite. Skont id-drawwa tagħhom, huma jpoġġu bilqiegħda f’xatt ix-xmara biex jitolbu lill-Alla taʼ Iżrael. Ġeħova josservahom.—2 Kron. 16:9; Salm 65:2.

2 Sadanittant, iktar minn 800 kilometru ’l bogħod minn Filippi lejn il-Lvant, grupp taʼ rġiel jitilqu mill-belt taʼ Listra fin-Nofsinhar tal-Galazja. Xi jiem wara, huma jaslu fi triq prinċipali Rumana li hi ċangjata u li tagħti għall-Punent, l-iktar reġjun li joqogħdu nies fih tad-distrett tal-Asja. L-irġiel—Pawlu, Sila, u Timotju—huma ħerqanin biex jivvjaġġaw f’din it-triq sabiex iżuru Efesu u bliet oħrajn, fejn eluf taʼ nies għandhom bżonn jisimgħu dwar Kristu. Madankollu, saħansitra qabel ma jistgħu jibdew il-vjaġġ, l-ispirtu qaddis iwaqqafhom b’mod li mhuwiex deskritt fil-Bibbja. Ma jitħallewx jippritkaw fl-Asja. Għala? Ġesù—permezz tal-ispirtu t’Alla—irid jiggwida lil Pawlu u l-imseħbin tiegħu biex jgħaddu mill-Asja Minuri, jaqsmu l-Baħar Eġew, u jaslu ħdejn ix-xtut taʼ dik ix-xmara żgħira jisimha Gangite.

3 Il-mod kif Ġesù ggwida lil Pawlu u l-imseħbin tiegħu matul dan il-vjaġġ mhux tas-soltu fil-Maċedonja fih lezzjonijiet taʼ valur għalina llum. Għalhekk, ejja nirrivedu ftit mill-ġrajjiet li seħħew matul it-tieni vjaġġ missjunarju taʼ Pawlu, li beda madwar is-sena 49 WK.

“Alla Kien Qed Jgħidilna Biex Immorru” (Atti 16:6-15)

4, 5. (a) Xi ġralhom Pawlu u l-imseħbin tiegħu ħdejn il-Bitinja? (b) Id-dixxipli x’deċiżjoni ħadu, u b’liema riżultat?

4 Minħabba li ma tħallewx jippritkaw fl-Asja, Pawlu u l-imseħbin tiegħu daru lejn it-Tramuntana biex jippritkaw fil-bliet tal-Bitinja. Sabiex waslu hemmhekk, għandhom mnejn imxew għal ġranet sħaħ fuq mogħdijiet mhux ċangjati bejn ir-reġjuni tal-Friġja u tal-Galazja li kellhom popolazzjoni mxerrda. Madankollu, xħin waslu viċin il-Bitinja, Ġesù reġaʼ uża l-ispirtu qaddis biex iwaqqafhom. (Atti 16:6, 7) Sadanittant, l-irġiel bilfors li ħassewhom konfużi. Kienu jafu x’għandhom jippritkaw u kif jippritkaw, imma ma kinux jafu fejn jippritkaw. Kienu ħabbtu, biex ngħidu hekk, fuq il-bieb li jagħti għall-Asja—imma għal xejn. Kienu ħabbtu fuq il-bieb li jagħti għall-Bitinja—għal darb’oħra għal xejn. Xorta waħda, Pawlu kien determinat li jibqaʼ jħabbat sakemm isib bieb li jinfetaħlu. L-irġiel imbagħad ħadu deċiżjoni li setgħet dehret bla sens. Daru lejn il-Punent u mxew għal 550 kilometru, u qabżu belt wara l-oħra sakemm waslu ħdejn il-port taʼ Troas, il-bieb naturali li jagħti għall-Maċedonja. (Atti 16:8) Hemmhekk, għat-tielet darba, Pawlu ħabbat fuq bieb, u—iva!—infetaħ beraħ.

5 Luqa, wieħed mill-kittieba tal-Evanġelji, li ngħaqad maʼ Pawlu u l-imseħbin tiegħu fi Troas, jirrapporta x’ġara: “Billejl Pawlu kellu viżjoni. Hu ra raġel mill-Maċedonja wieqaf quddiemu li beda jitolbu bil-ħniena: ‘Ejja l-Maċedonja u għinna.ʼ Malli ra l-viżjoni, aħna pprovajna mmorru l-Maċedonja, għax wasalna għall-konklużjoni li Alla kien qed jgħidilna biex immorru nxandrulhom l-aħbar tajba.” a (Atti 16:9, 10) Fl-aħħar, Pawlu kien jaf fejn kellu jipprietka. Min jaf kemm ħassu ferħan Pawlu li ma qatax qalbu f’nofs il-vjaġġ! Minnufih, l-erbat irġiel salpaw lejn il-Maċedonja.

“Għalhekk, tlaqna bil-baħar minn Troas.”—Atti 16:11

6, 7. (a) Liema lezzjoni nistgħu nitgħallmu minn dak li seħħ matul il-vjaġġ taʼ Pawlu? (b) Minn xiex nistgħu nkunu ċerti?

6 X’lezzjoni nistgħu nitgħallmu minn dan ir-rakkont? Innota dan: Kien biss wara li Pawlu telaq lejn l-Asja li l-ispirtu t’Alla intervjena, kien biss wara li Pawlu resaq viċin il-Bitinja li Ġesù aġixxa, u kien biss wara li Pawlu wasal Troas li Ġesù dderiġieh lejn il-Maċedonja. Ġesù, bħala l-Kap tal-kongregazzjoni, illum għandu mnejn jiggwidana b’mod simili. (Kol. 1:18) Pereżempju, forsi ilna xi ftit naħsbu dwar li naqdu bħala pijunier jew li mmorru ngħixu f’post fejn il-bżonn għal pubblikaturi tas-Saltna hu akbar. Madankollu, jistaʼ jkun biss wara li nieħdu passi definiti biex nilħqu l-mira tagħna li Ġesù, permezz tal-ispirtu t’Alla, se jiggwidana. Għala? Aħseb dwar dan l-eżempju: Sewwieq jistaʼ jidderieġi l-karozza tiegħu biex iddur lejn ix-xellug jew lejn il-lemin, imma biss jekk il-karozza tkun miexja. B’mod simili, Ġesù jidderiġina biex inkabbru l-ministeru tagħna, imma biss jekk inkunu mexjin—jekk inkunu qed nagħmlu sforz kbir biex nagħmlu dan.

7 Però, xi ngħidu jekk l-isforzi tagħna ma jirnexxux mill-ewwel? Għandna naqtgħu qalbna, u nirraġunaw li l-ispirtu t’Alla mhuwiex qed jiggwidana? Le. Ftakar li Pawlu wkoll iffaċċja xi xkiel. Madankollu, baqaʼ jfittex sakemm sab bieb li nfetaħlu. Nistgħu nkunu ċerti li l-perseveranza tagħna biex infittxu “bieb kbir għax-xogħol” se tiġi premjata b’mod simili.—1 Kor. 16:9.

8. (a) Iddeskrivi l-belt taʼ Filippi. (b) Liema ġrajja taʼ ferħ irriżultat mill-ippritkar taʼ Pawlu f’“post li fih kien isir it-talb”?

8 Wara li waslu fid-distrett tal-Maċedonja, Pawlu u l-imseħbin tiegħu vvjaġġaw lejn Filippi—belt li l-abitanti tagħha kienu kburin li kienu ċittadini Rumani. Għas-suldati Rumani rtirati li kienu jgħixu hemmhekk, il-kolonja taʼ Filippi kienet bħal Italja żgħira—Ruma ċkejkna fil-Maċedonja. ’Il barra minn bieb il-belt, ħdejn xmara dejqa, il-missjunarji sabu post fejn ħasbu li kien hemm “post li fih kien isir it-talb.” b F’jum is-Sabat, marru ħdejn dan il-post u sabu grupp taʼ nisa li nġabru hemmhekk biex iqimu lil Alla. Id-dixxipli qagħdu bilqiegħda u kellmuhom. Mara jisimha Lidja “kienet qed tismaʼ, u Ġeħova għenha tagħti kas.” Lidja tant tqanqlet minn dak li tgħallmet mingħand il-missjunarji li hi u dawk taʼ darha tgħammdu. Imbagħad ġiegħlet lil Pawlu u lil dawk li kienu qed jivvjaġġaw miegħu biex imorru u joqogħdu fid-dar tagħha. cAtti 16:13-15.

9. Ħafna llum kif imitaw l-eżempju taʼ Pawlu, u dan irriżulta f’liema barkiet?

9 Immaġina l-ferħ li kien hemm minħabba l-magħmudija taʼ Lidja! Min jaf kemm ħassu hieni Pawlu li kien aċċetta l-istedina biex imur il-Maċedonja u li Ġeħova kien iddeċieda li juża lilu u l-imseħbin tiegħu biex iwieġeb it-talb taʼ dawn in-nisa li kellhom il-biżaʼ t’Alla! Illum, diversi aħwa rġiel u nisa—żgħar u kbar, waħedhom u miżżewġin—bl-istess mod imorru joqogħdu f’pajjiżi fejn il-bżonn għal pubblikaturi tas-Saltna hu akbar. Huwa minnu li jiffaċċjaw diffikultajiet, imma dawn donnhom jintesew meta jqabbluhom mas-sodisfazzjon li jħossu hekk kif isibu nies bħal Lidja, li jħaddnu l-veritajiet tal-Bibbja. Tistaʼ int tagħmel aġġustamenti li jippermettulek tmur f’territorju fejn il-bżonn hu akbar? Ikun hemm barkiet jistennewk. Pereżempju, ikkunsidra lil Aaron, ħu li għandu fuq l-20 sena u li mar joqgħod f’pajjiż fl-Amerika Ċentrali. Hu jidwi s-sentimenti taʼ ħafna meta jgħid: “Il-fatt li naqdi f’pajjiż ieħor għenni biex nikber spiritwalment u biex nersaq eqreb lejn Ġeħova. U s-servizz tal-għalqa hu tal-ġenn—qed nikkonduċi tmien studji tal-Bibbja!”

Illum, aħna kif nistgħu ‘ngħaddu l-Maċedonja’?

“Il-Folla Kollha Ħaditha Kontrihom” (Atti 16:16-24)

10. L-attività tad-demonji kif kienet involuta f’li tqajjem l-oppożizzjoni għall-ippritkar taʼ Pawlu u l-imseħbin tiegħu?

10 Satana ċertament li kien inkorlat minħabba li l-aħbar tajba kienet rabbiet l-għeruq f’parti mid-dinja li fiha hu u d-demonji tiegħu għandhom mnejn ma kinux ġew sfidati. Allura, mhux taʼ b’xejn li l-attività demonika kienet involuta f’li tqajjem l-oppożizzjoni għall-ippritkar taʼ Pawlu u l-imseħbin tiegħu! Hekk kif komplew iżuru l-post tat-talb, qaddejja maħkuma minn demonju, li kienet taqlaʼ l-flus għas-sidien tagħha billi kienet tagħmel it-tbassir, baqgħet issegwi lil Pawlu u l-imseħbin tiegħu, tgħajjat: “Dawn l-irġiel huma l-ilsiera tal-Alla l-Iktar Għoli li qed ixandrulkom kif tistgħu ssalvaw.” Id-demonju għandu mnejn ġiegħel lit-tfajla tgħajjat dan il-kliem biex jagħti l-impressjoni li t-tbassir tagħha u t-tagħlim taʼ Pawlu kienu ġejjin mill-istess sors. B’hekk, l-attenzjoni taʼ dawk li kienu qed josservaw setgħet tiġi aljenata mis-segwaċi veri taʼ Kristu. Imma Pawlu sikket lit-tfajla billi keċċa d-demonju.—Atti 16:16-18.

11. Wara li d-demonju tkeċċa mit-tfajla, xi ġralhom Pawlu u Sila?

11 Meta s-sidien tal-qaddejja saru jafu li s-sors tal-qligħ faċli tagħhom kien sparixxa, imtlew bl-għadab. Huma kaxkru lil Pawlu u lil Sila lejn is-suq, fejn l-amministraturi—uffiċjali li kienu jirrappreżentaw lil Ruma—kienu jiġġudikaw. Is-sidien appellaw għall-preġudizzju u l-patrijottiżmu tal-imħallfin, billi sa ċertu punt qalu: ‘Dawn il-Lhud qed jaqilgħu l-inkwiet billi jgħallmu drawwiet li aħna r-Rumani ma nistgħux naċċettawhom.’ Il-kliem tagħhom kellu riżultati immedjati. “Il-folla kollha [fis-suq] ħaditha kontrihom [għal Pawlu u Sila],” u l-maġistrati ordnaw li “jsawtuhom bil-bsaten.” Wara dan, Pawlu u Sila ġew imkaxkrin lejn il-ħabs. L-għassies tal-ħabs tefaʼ lill-irġiel feruti fil-ħabs taʼ ġewwa u rabtilhom saqajhom fil-qjud. (Atti 16:19-24) Meta l-għassies tal-ħabs għalaq il-bieb, fil-ħabs kien hemm dlam taqtgħu b’sikkina, tant li Pawlu u Sila bilkemm setgħu jaraw lil xulxin. Madankollu, Ġeħova kien qed jara kollox.—Salm 139:12.

12. (a) Id-dixxipli taʼ Kristu kif qiesu l-persekuzzjoni, u għala? (b) Liema forom t’oppożizzjoni għadhom jużaw Satana u l-aġenti tiegħu?

12 Snin qabel, Ġesù qal lis-segwaċi tiegħu: “Se jippersegwitaw lilkom.” (Ġw. 15:20) B’hekk, meta Pawlu u l-imseħbin tiegħu għaddew il-Maċedonja, kienu lesti biex jiffaċċjaw l-oppożizzjoni. Meta faqqgħet il-persekuzzjoni, ma qisuhiex bħala sinjal tad-diżapprovazzjoni taʼ Ġeħova, imma bħala espressjoni tar-rabja taʼ Satana. Illum, l-aġenti taʼ Satana għadhom jużaw metodi simili għal dawk li ntużaw f’Filippi. Opponenti qarriqin jirrappreżentawna ħażin fl-iskejjel u fuq il-postijiet tax-xogħol, u b’hekk iqanqlu l-oppożizzjoni. F’xi pajjiżi, opponenti reliġjużi jakkużawna fil-qorti, billi sa ċertu punt jgħidu: ‘Dawn ix-Xhieda jaqilgħu l-inkwiet billi jgħallmu drawwiet li aħna bħala nies reliġjużi ma nistgħux naċċettawhom.’ F’xi postijiet, sħabna fit-twemmin jiġu msawtin u mitfugħin il-ħabs. Madankollu, Ġeħova qed jara kollox.—1 Pt. 3:12.

“Tgħammdu bla Dewmien” (Atti 16:25-34)

13. X’ġiegħel lill-għassies tal-ħabs jistaqsi: “X’għandi nagħmel biex insalva?”

13 Pawlu u Sila żgur li kellhom bżonn ftit tal-ħin biex jirkupraw mentalment u fiżikament minħabba t-taqlib li esperjenzaw dakinhar. Madankollu, sa nofsillejl kienu rkupraw mis-swat li qalgħu sal-punt li kienu “qed jitolbu u jfaħħru lil Alla bil-kant.” Imbagħad, f’daqqa waħda, terremot heżżeż il-ħabs! L-għassies tal-ħabs qam, ra li l-bibien kienu miftuħin, u beżaʼ li l-ħabsin kienu ħarbu. Peress li kien jaf li kien se jiġi kastigat talli ħalliehom jaħarbu, “hu ħa x-xabla tiegħu u kien se joqtol lilu nnifsu.” Imma Pawlu għajjat: “Tagħmilx hekk, għax aħna kollha hawn għadna!” L-għassies tal-ħabs inkwetat għall-aħħar staqsa: “Sinjuri, x’għandi nagħmel biex insalva?” Pawlu u Sila ma setgħux isalvawh; Ġesù biss setaʼ jsalvah. Għaldaqstant wiġbuh: “Għandek temmen fil-Mulej Ġesù biex tiġi salvat.”—Atti 16:25-31.

14. (a) Pawlu u Sila liema għajnuna tawh lill-għassies tal-ħabs? (b) Liema barka rċivew Pawlu u Sila talli ffaċċjaw il-persekuzzjoni bil-ferħ?

14 Kienet il-mistoqsija tal-għassies tal-ħabs ġejja mill-qalb? Pawlu ma ddubitax mis-sinċerità tar-raġel. L-għassies tal-ħabs kien Ġentil, u ma kienx familjari mal-Iskrittura. Qabel ma setaʼ jsir Kristjan, kellu bżonn jitgħallem u jaċċetta veritajiet Skritturali bażiċi. Għalhekk, Pawlu u Sila ħadu l-ħin biex ikellmuh dwar “il-kelma taʼ Ġeħova.” Filwaqt li kienu medhijin jgħallmu l-Iskrittura, l-irġiel forsi nsew kemm kienu muġugħin minħabba d-daqqiet li kienu qalgħu. Però, l-għassies tal-ħabs innota l-ġrieħi fondi f’daharhom, u naddfilhom il-feriti. Imbagħad hu u n-nies taʼ daru “tgħammdu bla dewmien.” X’barka rċivew Pawlu u Sila talli ffaċċjaw il-persekuzzjoni bil-ferħ!—Atti 16:32-34.

15. (a) Għadd taʼ Xhieda llum kif segwew l-eżempju taʼ Pawlu u Sila? (b) Għala għandna nkomplu nżuru lil dawk li joqogħdu fit-territorju tagħna?

15 Bħal Pawlu u Sila, ħafna Xhieda fi żmienna ppritkaw l-aħbar tajba waqt li kienu l-ħabs minħabba l-fidi tagħhom, b’riżultati mill-aħjar. Pereżempju, f’pajjiż wieħed fejn l-attivitajiet tagħna kienu projbiti, f’ċertu żmien, 40 fil-mija mix-Xhieda kollha li kienu qed jgħixu hemmhekk kienu tgħallmu l-verità dwar Ġeħova waqt li kienu l-ħabs! (Is. 54:17) Innota wkoll li l-għassies tal-ħabs talab għall-għajnuna biss wara li seħħ it-terremot. B’mod simili, xi individwi llum li qatt ma taw widen għall-messaġġ tas-Saltna għandhom mnejn jagħmlu dan wara li l-ħajja persunali tagħhom f’daqqa waħda tinqaleb taʼ taħt fuq minħabba xi ġrajja taʼ niket. Billi fedelment inżuru lil dawk li joqogħdu fit-territorju tagħna darba wara l-oħra, nagħmlu żgur li aħna disponibbli biex ngħinuhom.

“Issa Jridu Joħorġuna bil-Moħbi?” (Atti 16:35-40)

16. Fil-ġurnata taʼ wara li Pawlu u Sila ġew imsawtin, is-sitwazzjoni kif inqalbet?

16 L-għodwa taʼ wara li sawtuhom, l-amministraturi ordnaw li Pawlu u Sila jinħelsu. Imma Pawlu qal: “Għalkemm aħna Rumani, huma sawtuna quddiem in-nies mingħajr m’għaddewna ġuri u tefgħuna l-ħabs. U issa jridu joħorġuna bil-moħbi? Le, ma tarax! Ħa jiġu joħorġuna huma stess.” Malli saru jafu li ż-żewġt irġiel kienu ċittadini Rumani, il-maġistrati “bdew jibżgħu,” għax kienu marru kontra d-drittijiet tal-irġiel. d Is-sitwazzjoni kienet inqalbet. Id-dixxipli kienu ġew imsawtin fil-pubbliku; issa l-maġistrati kellhom jitolbu apoloġija fil-pubbliku. Lil Pawlu u lil Sila talbuhom bil-ħrara biex jitilqu minn Filippi. Iż-żewġ dixxipli obdew, imma l-ewwel ħadu l-ħin biex jinkuraġġixxu lill-grupp taʼ dixxipli ġodda li kien qed jikber. Kien biss wara dan li telqu.

17. Id-dixxipli ġodda liema lezzjoni importanti kienu tgħallmu minħabba li osservaw is-sabar taʼ Pawlu u Sila?

17 Kieku d-drittijiet tagħhom bħala ċittadini Rumani kienu ġew rispettati iktar kmieni, Pawlu u Sila x’aktarx li setgħu evitaw li jiġu msawtin. (Atti 22:25, 26) Madankollu, dan setaʼ jagħti lid-dixxipli f’Filippi l-impressjoni li l-irġiel kienu użaw il-pożizzjoni tagħhom biex jiskansaw it-tbatija għan-nom taʼ Kristu. Dan kif kien se jeffettwa l-fidi tad-dixxipli li ma kinux ċittadini Rumani? Wara kollox, il-liġi ma kinitx se tipproteġihom mis-swat. Għaldaqstant, billi ssaportew il-kastig, Pawlu u sieħbu bl-eżempju wrew lill-kredenti ġodda li s-segwaċi taʼ Kristu jistgħu jibqgħu sodi minkejja l-persekuzzjoni. Barra minn hekk, billi talbu li ċ-ċittadinanza tagħhom tiġi rikonoxxuta, Pawlu u Sila sforzaw lill-maġistrati biex jistqarru pubblikament li kienu aġixxew kontra l-liġi. Dan, min-naħa l-oħra, setaʼ jwaqqafhom milli jimmaltrattaw lil sħab Pawlu fit-twemmin u jipprovdi ċerta protezzjoni legali minn attakki simili fil-futur.

18. (a) L-indokraturi Kristjani llum kif jimitaw l-eżempju taʼ Pawlu? (b) Kif ‘niddefendu u nistabbilixxu legalment l-aħbar tajba’ fi żmienna?

18 Illum, l-indokraturi fil-kongregazzjoni Kristjana wkoll imexxu bl-eżempju tagħhom. Dak kollu li jistennew li jagħmlu sħabhom fit-twemmin, ir-ragħajja Kristjani huma lesti li jagħmluh huma stess. B’mod simili, bħal Pawlu, aħna nikkunsidraw bir-reqqa kif u fejn għandna nużaw id-drittijiet legali tagħna biex niksbu l-protezzjoni. Jekk ikun hemm il-bżonn, aħna nappellaw lill-qrati ġudizzjarji lokali, nazzjonali, u saħansitra internazzjonali biex niksbu protezzjoni legali ħalli nwettqu l-qima tagħna. L-objettiv tagħna mhuwiex riforma soċjali, imma li ‘niddefendu u nistabbilixxu legalment l-aħbar tajba,’ bħalma Pawlu kiteb lill-kongregazzjoni f’Filippi xi għaxar snin wara li kien ġie mitfugħ il-ħabs hemmhekk. (Flp. 1:7) Xorta waħda, minkejja x’jistaʼ jkun ir-riżultat taʼ dawn il-każi fil-qrati, bħal Pawlu u l-imseħbin tiegħu, aħna determinati li nkomplu ‘nxandru l-aħbar tajba’ kull fejn imexxina l-ispirtu t’Alla.—Atti 16:10.

a Ara l-kaxxa “ Luqa—Il-Kittieb tal-​Atti.”

b Forsi l-Lhud ma tħallewx ikollhom sinagoga fil-belt minħabba n-natura militari taʼ Filippi. Jew il-belt forsi ma kienx fiha għaxart irġiel Lhud—in-numru minimu meħtieġ biex tiġi stabbilita sinagoga.

d Il-liġi Rumana kienet tistqarr li ċittadin dejjem kien intitolat għal ġuri xieraq u qatt ma kellu jiġi kastigat fil-pubbliku mingħajr ma jkun kundannat.