Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 17

Hu “Rraġuna Magħhom mill-Iskrittura”

Hu “Rraġuna Magħhom mill-Iskrittura”

Il-bażi taʼ tagħlim effettiv; l-eżempju mill-aħjar tal-Bereani

Ibbażat fuq Atti 17:1-15

1, 2. Min qed jivvjaġġa minn Filippi għal Tessalonika, u fuq xiex għandhom mnejn qed jaħsbu?

 IT-TRIQ li tintuża ħafna, mibnija minn inġinieri Rumani tas-sengħa, tgħaddi bejn il-muntanji mħarbtin. Il-ħsejjes tul din it-triq kultant jitħalltu—it-tinħiq tal-ħmir, iċ-ċekċik tar-roti tal-karrijiet fuq ċangaturi ħoxnin, u l-istorbju taʼ vjaġġaturi taʼ kull xorta, li x’aktarx jinkludu suldati, negozjanti, u nies tas-sengħa. Tliet imseħbin—Pawlu, Sila, u Timotju—qed jivvjaġġaw iktar minn 130 kilometru f’din it-triq, minn Filippi għal Tessalonika. Il-vjaġġ mhuwiex faċli, speċjalment għal Pawlu u Sila. Huma għad għandhom il-feriti li qalgħu f’Filippi, fejn kienu ġew imsawtin bil-bsaten.—Atti 16:22, 23.

2 Dawn l-irġiel kif jissaportu l-vjaġġ twil li għandhom quddiemhom? Il-konversazzjoni żgur li tgħinhom. Friska f’moħħhom għad għandhom l-esperjenza eċċitanti li kellhom lura f’Filippi meta l-għassies tal-ħabs u l-familja tiegħu saru Kristjani. Din l-esperjenza għamlet lil dawn il-vjaġġaturi saħansitra iktar determinati biex ikomplu jipproklamaw il-kelma t’Alla. Madankollu, hekk kif jersqu lejn il-belt taʼ Tessalonika li qiegħda mal-kosta, għandhom mnejn qed jaħsbu dwar kif se jittrattawhom il-Lhud f’din il-belt. Se jiġu attakkati, saħansitra msawtin, kif kienu ġew f’Filippi?

3. L-eżempju taʼ Pawlu f’li jagħmel il-qalb biex jipprietka, kif jistaʼ jkun taʼ siwi għalina llum?

3 Iktar tard, Pawlu għarraf is-sentimenti tiegħu f’ittra li kiteb lill-Kristjani f’Tessalonika: “Wara li sofrejna u konna mżebilħin f’Filippi, bħalma tafu, għamilna l-qalb permezz t’Alla tagħna biex ngħidulkom l-aħbar tajba t’Alla b’taħbit kbir.” (1 Tess. 2:2) B’hekk, Pawlu jidher li qed jissuġġerixxi li hu kien qed jibżaʼ jidħol fil-belt taʼ Tessalonika, b’mod partikulari wara dak li ġara f’Filippi. Tistaʼ int tissimpatizza maʼ Pawlu? Ġieli ssibha bi tqila biex tipproklama l-aħbar tajba? Pawlu straħ fuq Ġeħova biex isaħħu, biex jgħinu jagħmel il-qalb, kif kellu bżonn. Studju tal-eżempju taʼ Pawlu jistaʼ jgħinek tagħmel l-istess.—1 Kor. 4:16.

Hu “Rraġuna . . . mill-Iskrittura” (Atti 17:1-3)

4. Pawlu għala x’aktarx li dam iktar minn tliet ġimgħat f’Tessalonika?

4 Ir-rakkont jgħidilna li waqt li kien Tessalonika, Pawlu pprietka fis-sinagoga għal tliet Sabatijiet. Ifisser dan li ż-żjara tiegħu fil-belt damet biss tliet ġimgħat? Mhux bilfors. Ma nafux kemm dam Pawlu biex mar l-ewwel darba fis-sinagoga wara l-wasla tiegħu. Iżjed minn hekk, l-ittri taʼ Pawlu juru li waqt li kien Tessalonika, hu u sħabu ħadmu biex imantnu lilhom infushom. (1 Tess. 2:9; 2 Tess. 3:7, 8) Ukoll, matul iż-żjara tiegħu, Pawlu darbtejn irċieva provvisti mingħand l-aħwa f’Filippi. (Flp. 4:16) Għalhekk, iż-żjara tiegħu f’Tessalonika probabbilment kienet kemxejn itwal minn tliet ġimgħat.

5. Pawlu b’liema mod ipprova jilħaq lin-nies?

5 Wara li għamel il-qalb biex jipprietka, Pawlu kellem lil dawk li nġemgħu fis-sinagoga. Skont id-drawwa tiegħu, hu “rraġuna magħhom mill-Iskrittura, spjegalhom li Kristu kellu bżonn ibati u jiġi mqajjem mill-mewt, u qralhom skritturi biex jurihom li Ġesù hu l-Kristu li qed ixandrilhom dwaru.” (Atti 17:2, 3) Innota li Pawlu ma fittixx li jqanqal l-emozzjonijiet tas-semmiegħa tiegħu; hu pprova jirraġuna magħhom. Kien jaf li dawk li attendew is-sinagoga kienu familjari mal-Iskrittura u kienu jirrispettawha. Imma ma kinux jifhmu l-Iskrittura bis-sħiħ. Għalhekk, Pawlu rraġuna, spjega, u ta prova mill-Iskrittura li Ġesù taʼ Nazaret kien il-Messija, jew Kristu, imwiegħed.

6. Ġesù kif irraġuna mill-Iskrittura, u b’liema riżultat?

6 Pawlu segwa l-livell li ħalla Ġesù, li uża l-Iskrittura bħala l-bażi għat-tagħlim tiegħu. Pereżempju, matul il-ministeru pubbliku tiegħu, Ġesù qal lis-segwaċi tiegħu li skont l-Iskrittura, Bin il-bniedem għandu jsofri, imut, u jiġi mqajjem mill-imwiet. (Mt. 16:21) Wara l-irxoxt tiegħu, Ġesù deher lid-dixxipli tiegħu. Ċertament li dan waħdu kien juri li hu kien tkellem il-verità. Madankollu, Ġesù tahom iktar. Dwar dak li qal lil ċerti dixxipli, naqraw: “Hu spjegalhom l-affarijiet kollha li l-Iskrittura qalet dwaru, billi beda minn dak li kitbu Mosè u l-profeti kollha.” B’liema riżultat? Id-dixxipli stqarrew: “Mhux taʼ b’xejn li messilna qalbna meta beda jitkellem magħna fit-triq u jispjegalna sew l-Iskrittura!”—Lq. 24:13, 27, 32.

7. Għala hu importanti li nibbażaw it-tagħlim tagħna fuq l-Iskrittura?

7 Il-messaġġ tal-Kelma t’Alla għandu l-qawwa. (Ebr. 4:12) B’hekk, illum il-Kristjani jibbażaw it-tagħlim tagħhom fuq din il-Kelma, bħalma għamlu Ġesù, Pawlu, u l-appostli l-oħrajn. Aħna wkoll nirraġunaw man-nies, nispjegaw xi tfisser l-Iskrittura, u nagħtu prova taʼ dak li ngħallmu billi niftħu l-Bibbja biex nuru lill-inkwilini x’tgħid. Wara kollox, il-messaġġ li nwasslu mhuwiex tagħna. Billi nużaw il-Bibbja spiss, aħna ngħinu lin-nies jagħrfu li m’aħniex nipproklamaw l-ideat tagħna, imma t-tagħlim t’Alla. Iktar minn hekk, nagħmlu tajjeb li nżommu f’moħħna li l-messaġġ li nippritkaw huwa bbażat fis-sod fuq il-Kelma t’Alla. Hu taʼ min joqgħod fuqu għalkollox. Li tkun taf dan, ma jagħtikx il-fiduċja biex taqsam il-messaġġ bil-kuraġġ, bħalma għamel Pawlu?

“Xi Wħud . . . Saru Dixxipli” (Atti 17:4-9)

8-10. (a) In-nies f’Tessalonika b’liema modi wieġbu għall-aħbar tajba? (b) Xi wħud mil-Lhud għala kienu jgħiru għal Pawlu? (ċ) L-opponenti Lhud kif aġixxew?

8 Pawlu kien diġà esperjenza l-verità tal-kliem taʼ Ġesù: “Ilsir mhux aħjar minn sidu. Jekk ippersegwitaw lili, se jippersegwitaw lilkom ukoll. Jekk obdew dak li għedt jien, se jobdu dak li tgħidulhom intom ukoll.” (Ġw. 15:20) F’Tessalonika, Pawlu sab eżattament dawn ir-reazzjonijiet differenti—xi wħud kienu ħerqanin li josservaw il-kelma, filwaqt li oħrajn irreżistewha. Dwar dawk li rreaġixxew b’mod favorevoli, Luqa jikteb: “Xi wħud minnhom [mil-Lhud], flimkien ma’ folla kbira taʼ Griegi li kienu jqimu lil Alla u ħafna nisa importanti, saru dixxipli u ngħaqdu maʼ Pawlu u Sila.” (Atti 17:4) Ċertament li dawn id-dixxipli ġodda kienu grati li ġew megħjunin jifhmu l-Iskrittura b’mod korrett.

9 Għalkemm xi wħud apprezzaw il-kliem taʼ Pawlu, oħrajn għażżew snienhom għalih. Xi wħud mil-Lhud f’Tessalonika bdew jgħiru minħabba li “folla kbira taʼ Griegi” aċċettaw il-messaġġ taʼ Pawlu. Dawn il-Lhud, bl-intenzjoni li jagħmlu proseliti Lhud, kienu għallmu lill-Ġentili Griegi t-tagħlim tal-Iskrittura Ebrajka u kienu jħarsu lejn dawn il-Griegi bħala li kienu tagħhom. Imma, f’daqqa waħda, deher li Pawlu kien qed jiġbed lil dawn il-Griegi għal warajh, u minn ġos-sinagoga stess! Il-Lhud kienu mgħaddbin.

‘Huma fittxew lil Pawlu u Sila biex joħorġuhom quddiem il-grupp.’​—Atti 17:5

10 Luqa jgħidilna x’ġara wara: “Il-Lhud l-oħra bdew jgħiru u ġabru grupp taʼ rġiel ħżiena li joqogħdu jaħlu l-ħin fis-suq, u qalgħu rewwixta fil-belt. Imbagħad daħlu fid-dar taʼ Ġason ifittxu lil Pawlu u Sila biex joħorġuhom quddiem il-grupp. Meta ma sabuhomx, kaxkru lil Ġason u xi aħwa għand il-mexxejja tal-belt u bdew jgħajtu: ‘Dawn l-irġiel li qalbu d-dinja taʼ taħt fuq ġew hawn ukoll, u Ġason laqagħhom għandu. Dawn l-irġiel kollha qed jiħduha kontra l-liġi taʼ Ċesari billi jgħidu li hemm re ieħor, Ġesù.’” (Atti 17:5-7) Din ir-rewwixta kif kienet se teffettwa lil Pawlu u lil sħabu?

11. Liema akkużi nġiebu kontra Pawlu u l-proklamaturi sħabu tas-Saltna, u l-akkużaturi liema liġi setaʼ kellhom f’moħħhom? (Ara n-nota taʼ taħt f’paġna 136.)

11 Rewwixta hija xi ħaġa mistkerrha. Hi bħal xmara mfawra bl-ilma li tlebbet b’ħeffa kbira—vjolenti u bla kontroll. Din kienet l-arma li użaw il-Lhud biex jipprovaw jeħilsu minn Pawlu u Sila. Imbagħad, wara li l-Lhud “qalgħu rewwixta” fil-belt, ipprovaw jikkonvinċu lill-ħakkiema li l-akkużi kienu serji. L-ewwel akkuża kienet li Pawlu u l-proklamaturi sħabu tas-Saltna “qalbu d-dinja taʼ taħt fuq,” għalkemm ma kinux Pawlu u sħabu li kienu qajmu r-rewwixta f’Tessalonika! It-tieni akkuża kienet bil-wisq iktar serja. Il-Lhud argumentaw li l-missjunarji pproklamaw Re ieħor, Ġesù, u b’hekk kienu qed jiksru l-liġi tal-imperatur. a

12. X’juri li l-akkużi kontra l-Kristjani f’Tessalonika setgħu ġabu konsegwenzi serji?

12 Ftakar li l-mexxejja reliġjużi kienu ġabu akkuża simili kontra Ġesù. Lil Pilatu qalulu: “Dan ir-raġel qed ixewwex lin-nies tagħna . . . qed jgħid li hu stess hu Kristu r-re.” (Lq. 23:2) Forsi minħabba li Pilatu beżaʼ li l-imperatur setaʼ jikkonkludi li hu ttollera tradiment kbir kontra l-istat, tahom lil Ġesù biex joqtluh. B’mod simili, l-akkużi kontra l-Kristjani f’Tessalonika setgħu ġabu konsegwenzi serji. Xogħol wieħed taʼ referenza jgħid: “Huwa diffiċli li tesaġera l-periklu li dan esponiehom għalih, għax ‘is-suġġeriment biss taʼ tradiment kontra l-Imperaturi spiss kien ikun fatali għall-akkużat.’” Kien se jkollu suċċess dan l-attakk mimli mibegħda?

13, 14. (a) Ir-rewwixta għala falliet fl-attakk tagħha? (b) Pawlu kif wera attenzjoni bħal taʼ Kristu, u kif nistgħu nimitaw l-eżempju tiegħu?

13 Ir-rewwixta ma rnexxilhiex twaqqaf ix-xogħol tal-ippritkar f’Tessalonika. Għala? L-ewwel nett, Pawlu u Sila ma setgħux jinstabu. Barra minn hekk, il-ħakkiema tal-belt evidentement ma kinux konvinti mill-ġenwinità tal-akkużi. Wara li talbu “biżżejjed flus,” forsi f’forma taʼ pleġġ, huma ħelsu lil Ġason u lill-aħwa l-oħrajn li kienu nġiebu quddiemhom. (Atti 17:8, 9) Billi segwa l-parir taʼ Ġesù biex ‘joqgħod attent bħas-sriep imma jkun innoċenti bħall-ħamiem,’ Pawlu b’mod għaqli żamm ’il bogħod mill-periklu sabiex ikun jistaʼ jkompli jipprietka xi mkien ieħor. (Mt. 10:16) B’mod ċar, il-fatt li Pawlu għamel il-qalb ma fissirx li ma kienx prudenti. Il-Kristjani llum kif jistgħu jsegwu l-eżempju tiegħu?

14 Fi żmienna, il-kleru tal-Kristjaneżmu spiss qajmu rewwixti kontra x-Xhieda taʼ Ġeħova. B’għajjat taʼ sedizzjoni u tradiment kontra l-istat, huma xewxu lil ħakkiema biex jaġixxu kontra x-Xhieda. Bħal dawk il-persekuturi tal-ewwel seklu, l-opponenti taʼ żmienna huma mqanqlin mill-għira. Hu x’inhu l-każ, il-Kristjani veri jevitaw l-inkwiet. Aħna nevitaw il-konflitti maʼ nies irrabjati u mhux raġunevoli bħal dawn kull meta jkun possibbli, u minflok nipprovaw inkomplu xogħolna bil-paċi, forsi billi nerġgħu mmorru iktar tard meta l-affarijiet jikkalmaw.

“Dawn Kienu Iktar Lesti li Jitgħallmu” (Atti 17:10-15)

15. Il-Bereani kif wieġbu għall-aħbar tajba?

15 Għas-sigurtà tagħhom, Pawlu u Sila ntbagħtu Berea, madwar 65 kilometru ’l bogħod. Malli waslu hemmhekk, Pawlu mar is-sinagoga u kellem lil dawk li kienu miġburin hemmhekk. Min jaf kemm ħa pjaċir li sab udjenza li tatu widen! Luqa kiteb li l-Lhud taʼ Berea “kienu iktar lesti li jitgħallmu mit-Tessalonikin, għax huma aċċettaw il-kelma t’Alla bil-ħeġġa kollha u kuljum kienu jfittxu sew fl-Iskrittura biex jaraw jekk dak li kienu qed jisimgħu kienx veru.” (Atti 17:10, 11) Irrifletta ħażin dan il-kliem fuq l-uħud f’Tessalonika li kienu aċċettaw il-verità? Lanqas xejn. Pawlu iktar tard kitbilhom: “Irroddu ħajr lil Alla bla heda, għax meta rċivejtu l-kelma t’Alla, li smajtu mingħandna, ma lqajtuhiex bħala l-kelma tal-bnedmin, imma bħalma hi tassew, bħala l-kelma t’Alla, li qed taħdem ukoll fikom li temmnu.” (1 Tess. 2:13) Però, x’għamel lil dawn il-Lhud f’Berea iktar lesti li jitgħallmu?

16. Il-Bereani għala huma deskritti b’mod xieraq bħala li “kienu iktar lesti li jitgħallmu”?

16 Għalkemm il-Bereani kienu qed jisimgħu xi ħaġa ġdida, ma kinux suspettużi jew kritiċi ħorox; lanqas ma kienu jibilgħu kollox. L-ewwel, huma semgħu b’attenzjoni dak li kellu xi jgħid Pawlu. Imbagħad ivverifikaw dak li tgħallmu billi fetħu l-Iskrittura, li Pawlu kien spjegalhom biex jifhmu. Iktar minn hekk, huma studjaw b’diliġenza l-Kelma t’Alla, mhux biss f’jum is-Sabat, imma wkoll kuljum. U huma għamlu dan “bil-ħeġġa kollha,” billi ddedikaw lilhom infushom biex isibu xi rrivelat l-Iskrittura fi qbil maʼ dan it-tagħlim ġdid. Imbagħad urew li kienu umli biżżejjed biex jagħmlu bidliet, għax “ħafna minnhom saru dixxipli.” (Atti 17:12) Mhux taʼ b’xejn li Luqa jiddeskrivihom bħala li “kienu iktar lesti li jitgħallmu”!

17. L-eżempju tal-Bereani għala hu daqstant taʼ min ifaħħru, u aħna kif nistgħu nkomplu nimitawh avolja nkunu ilna żmien twil fil-verità?

17 Il-Bereani ftit li xejn irrealizzaw li r-rakkont tar-reazzjoni tagħhom għall-aħbar tajba kien se jiġi preservat fil-Kelma t’Alla bħala eżempju li jispikka għalina. Huma għamlu preċiżament dak li Pawlu kien ittama li kienu se jagħmlu u dak li Alla Ġeħova riedhom jagħmlu. Bl-istess mod, huwa dak li aħna ninkuraġġixxu lin-nies biex jagħmlu—li jeżaminaw il-Bibbja bir-reqqa sabiex il-fidi tagħhom tkun ibbażata fis-sod fuq il-Kelma t’Alla. Però, wara li naċċettaw il-verità, aħna jrid ikollna l-istess attitudni tal-Bereani. Irridu nibqgħu ħerqanin li nkomplu nitgħallmu minn Ġeħova u nkunu ħfief biex napplikaw it-tagħlim tiegħu. B’dan il-mod, inkunu qed inħallu lil Ġeħova jsawwarna u jħarriġna skont ir-rieda tiegħu. (Is. 64:8) B’hekk, nibqgħu utli għal Missierna tas-sema u nogħġbuh għalkollox.

18, 19. (a) Pawlu għala telaq minn Berea, u madankollu kif wera perseveranza taʼ min jimitaha? (b) Imbagħad Pawlu lil min kien se jipprietka, u fejn?

18 Pawlu ma tantx dam f’Berea. Naqraw: “Meta l-Lhud f’Tessalonika saru jafu li Pawlu qed jipprietka dak li jgħid Alla f’Berea wkoll, huma marru hemm biex ixewxu l-folla u jaqilgħu l-inkwiet. L-aħwa mill-ewwel bagħtu lil Pawlu ’l bogħod ħdejn il-baħar, imma Sila u Timotju baqgħu hemm. Imma dawk li kienu ma’ Pawlu wassluh s’Ateni, għax Pawlu qalilhom biex jgħidu lil Sila u Timotju jmorru ħdejh malajr kemm jistaʼ jkun. Għalhekk, marru lura.” (Atti 17:13-15) Kemm kienu persistenti dawn l-għedewwa tal-aħbar tajba! Ma kienx biżżejjed li jkeċċu lil Pawlu ’l barra minn Tessalonika; huma vvjaġġaw lejn Berea u pprovaw jaqilgħu l-istess tip taʼ inkwiet hemmhekk—imma kienu qed jagħżqu fl-ilma. Pawlu kien jaf li t-territorju tiegħu kien vast; hu sempliċement mar jipprietka xi mkien ieħor. Jalla aħna llum nuru l-istess determinazzjoni biex inġibu fix-xejn l-isforzi taʼ dawk li jridu jwaqqfu x-xogħol tal-ippritkar!

19 Minħabba li kien ta xhieda bid-dettall lil-Lhud f’Tessalonika u f’Berea, Pawlu ċertament li kien tgħallem ħafna dwar l-importanza taʼ li jagħti xhieda bil-kuraġġ u dwar li jirraġuna mill-Iskrittura. Aħna wkoll tgħallimna ħafna. Imma issa Pawlu kien se jiffaċċja udjenza differenti—il-Ġentili t’Ateni. Kif se jkampa f’din il-belt? Dan se narawh fil-kapitlu li jmiss.

a Skont wieħed studjuż, f’dak iż-żmien kien hemm liġi taʼ Ċesari li ma kienet tħalli lil ħadd jitkellem dwar ir-re li kellu jieħu t-tmexxija jew il-gvern, speċjalment jekk dan kien ineħħi jew jiġġudika l-imperatur eżistenti.” L-għedewwa taʼ Pawlu setgħu rrappreżentaw ħażin il-messaġġ tal-appostli bħala ksur taʼ liġi bħal din. Ara l-kaxxa “ Iċ-Ċesari u l-Ktieb tal-​Atti.”