Ittra Mingħand il-Ġemgħa li Tiggverna
Għażiż Proklamatur tas-Saltna:
Immaġina li int wieħed mill-appostli bilwieqfa fuq il-Muntanja taż-Żebbuġ. Ġesù jidher quddiemek. Eżatt qabel ma jitlaʼ fis-sema, hu jgħid: “Intom se tirċievu l-qawwa meta l-ispirtu qaddis jiġi fuqkom u se tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm, fil-Lhudija kollha, fis-Samarija, u fl-art kollha.” (Atti 1:8) Int kif kont tirreaġixxi?
Forsi tħossok ma tiflaħx għalih dan l-inkarigu daqstant kbir. Għandek mnejn taħseb, ‘Kif inhu possibbli li aħna—grupp żgħir taʼ dixxipli—nagħtu xhieda “fl-art kollha”?’ Forsi tiftakar fit-twissija li ta Ġesù fil-lejl taʼ qabel mewtu: “Ilsir mhux aħjar minn sidu. Jekk ippersegwitaw lili, se jippersegwitaw lilkom ukoll. Jekk obdew dak li għedt jien, se jobdu dak li tgħidulhom intom ukoll. Imma huma se jagħmlu dawn l-affarijiet kollha kontrikom minħabba li intom id-dixxipli tiegħi u minħabba li ma jafux lill-Wieħed li bagħatni.” (Ġw. 15:20, 21) Int u tirrifletti fuq dan il-kliem, għandek mnejn tistaqsi lilek innifsek, ‘Kif nistaʼ nagħti xhieda bid-dettall minkejja oppożizzjoni u persekuzzjoni bħal dawn?’
Illum niffaċċjaw mistoqsijiet simili. L-inkarigu tagħna bħala Xhieda taʼ Ġeħova bl-istess mod jirrikjedi li nagħtu xhieda bid-dettall “fl-art kollha,” lin-“nies mill-popli kollha.” (Mt. 28:19, 20) Dan ix-xogħol kif jistaʼ jitwettaq, speċjalment meta nqisu l-oppożizzjoni mbassra?
Il-ktieb tal-Atti tal-Appostli fih rakkont eċċitanti dwar kif l-appostli u sħabhom il-Kristjani tal-ewwel seklu WK (wara Kristu) kienu kapaċi jwettqu l-inkarigu tagħhom bl-għajnuna taʼ Ġeħova. Il-pubblikazzjoni li qed taqra bħalissa hija disinjata biex tgħinek teżamina dan ir-rakkont u tħoss l-eċċitament tal-ġrajjiet drammatiċi li hemm imniżżlin fih. Se tibqaʼ mistagħġeb bid-diversi paralleli li jeżistu bejn il-qaddejja t’Alla tal-ewwel seklu u n-nies tiegħu llum. Se tara li dawn il-paralleli ma jinvolvux biss ix-xogħol li nagħmlu, imma wkoll il-mod kif aħna organizzati biex nagħmlu dan ix-xogħol. Żgur li jekk tirrifletti fuq dawn is-similaritajiet se ssaħħaħ it-twemmin tiegħek li Alla Ġeħova għadu jidderieġi l-parti tal-organizzazzjoni tiegħu fuq l-art.
Aħna nittamaw u nitolbu li eżami taʼ dan il-ktieb tal-Atti se jsaħħaħ il-fiduċja tiegħek li Ġeħova se jgħinek u li l-qawwa tal-ispirtu qaddis tiegħu se ssostnik. Għalhekk, jalla tiġi inkuraġġit tkompli ‘tagħti xhieda fid-dettall’ dwar is-Saltna t’Alla u tgħin lil oħrajn jaqbdu t-triq tas-salvazzjoni.—Atti 28:23; 1 Tim. 4:16.
Ħutek,
Il-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Ġeħova