Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 24

“Agħmel Kuraġġ!”

“Agħmel Kuraġġ!”

Il-Lhud ifasslu komplott biex joqtlu lil Pawlu, u hu jagħmel id-difiża tiegħu quddiem Feliċ

Ibbażat fuq Atti 23:11–24:27

1, 2. Pawlu għala mhuwiex sorpriż bil-persekuzzjoni li qed jiffaċċja f’Ġerusalemm?

 MEĦLUS eżatt fil-ħin minn fost folla nies irrabjata f’Ġerusalemm, Pawlu reġaʼ qiegħed il-ħabs. L-appostlu żeluż mhuwiex sorpriż bil-persekuzzjoni li qed jiffaċċja hawnhekk f’Ġerusalemm. Intqallu biex jistenna ‘li se jbati u jiġi arrestat’f’din il-belt. (Atti 20:22, 23) U filwaqt li ma jafx eżattament x’hemm lest għalih, Pawlu jaf li se jkompli jbati minħabba isem Ġesù.—Atti 9:16.

2 Anki xi profeti Kristjani wissew lil Pawlu li kien se jiġi marbut u jingħata “f’idejn in-nies taʼ popli oħra.” (Atti 21:4, 10, 11) Reċentement, folla Lhudija kienet ipprovat toqtlu, u ftit wara dan, membri tas-Sinedriju donnhom kienu ‘se joqtluh’ hekk kif argumentaw dwaru. Issa l-appostlu qiegħed arrestat mis-suldati Rumani u qed jiffaċċja iktar provi u akkużi. (Atti 21:31; 23:10) Tabilħaqq, l-appostlu Pawlu għandu bżonn l-inkuraġġiment!

3. Minn fejn nirċievu inkuraġġiment biex inkomplu fix-xogħol tal-ippritkar tagħna?

3 F’dan iż-żmien tat-tmiem, aħna nafu li “kulmin jixtieq jgħix bid-devozzjoni lejn Alla fi sħubija maʼ Kristu Ġesù jkun persegwitat ukoll.” (2 Tim. 3:12) Minn żmien għal żmien, aħna wkoll neħtieġu l-inkuraġġiment biex inkomplu fix-xogħol tal-ippritkar tagħna. Kemm aħna grati għall-kliem f’waqtu li jqawwi l-qalb u li nirċievu permezz tal-pubblikazzjonijiet u l-laqgħat preparati u organizzati mill-“ilsir leali u għaqli”! (Mt. 24:45) Ġeħova aċċertana li ebda għadu tal-aħbar tajba mhu se jirnexxi. La se jeqirdu lill-qaddejja tiegħu bħala grupp u lanqas se jwaqqfu x-xogħol tal-ippritkar tagħhom. (Is. 54:17; Ġer. 1:19) Però, xi ngħidu għall-appostlu Pawlu? Irċieva inkuraġġiment biex ikompli jagħti xhieda bid-dettall minkejja l-oppożizzjoni? Jekk iva, x’kien, u hu kif wieġeb għalih?

Ifalli l-Pjan li Għamlu Bejniethom (Atti 23:11-34)

4, 5. Pawlu x’inkuraġġiment irċieva, u għala kien f’waqtu?

4 L-appostlu Pawlu rċieva l-inkuraġġiment li tant kien meħtieġ fil-lejl taʼ wara li ġie salvat mis-Sinedriju. Ir-rakkont ispirat jgħidilna: “Il-Mulej qagħad ħdejn Pawlu u qallu: ‘Agħmel kuraġġ! Għax bħalma tajt xhieda fid-dettall dwari f’Ġerusalemm, se tagħti xhieda f’Ruma.’” (Atti 23:11) B’dan il-kliem inkuraġġanti mingħand Ġesù, Pawlu kien aċċertat li kien se jiġi meħlus. Kien jaf li kien se jibqaʼ ħaj biex imur Ruma u jkollu l-privileġġ li jagħti xhieda dwar Ġesù hemmhekk.

“Hemm iktar minn 40 raġel lesti biex jattakkawh.”​—Atti 23:21

5 L-inkuraġġiment li ngħata lil Pawlu kien f’waqtu. L-għada stess, iktar minn 40 raġel Lhudi “għamlu pjan bejniethom u ħalfu li ma kinux se jieklu jew jixorbu qabel ma joqtlu lil Pawlu.” Dan il-pjan b’ħalfa wera kemm dawn il-Lhud kienu determinati li joqtlu lill-appostlu. Kieku ma rnexxilhomx iwettqu l-pjan tagħhom, huma emmnu li r-riżultat aħħari kien ikun saħta fuqhom. (Atti 23:12-15) Il-pjan tagħhom, approvat mill-qassisin ewlenin u l-anzjani, kien li lil Pawlu jiħduh lura s-Sinedriju biex jistħarrġuh iktar, biex taparsi jiċċaraw iktar bl-eżatt l-affarijiet dwaru. Imma fi triqtu, dawk li kienu qed jikkonfoffaw kienu se jkunu qed jistennew biex jattakkaw lil Pawlu u joqtluh.

6. Il-pjan biex Pawlu jinqatel kif inkixfet, u ż-żgħażagħ illum x’eżempju jistgħu jsibu f’dan ir-rakkont?

6 Madankollu, it-tifel t’oħt Pawlu semaʼ dwar din il-pjan u għarraf lil Pawlu biha. Min-naħa tiegħu, Pawlu qal liż-żagħżugħ biex jirrapportaha lill-kmandant militari Ruman Klawdju Lisja. (Atti 23:16-22) Ċertament li Ġeħova jħobbhom liż-żgħażagħ li, bħal dan it-tifel t’oħt Pawlu li ma nafux ismu, b’mod kuraġġuż ipoġġu l-benesseri tan-nies t’Alla qabel tagħhom stess u li fedelment jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jippromwovu l-interessi tas-Saltna.

7, 8. Klawdju Lisja x’arranġamenti għamel għas-sigurtà taʼ Pawlu?

7 Xħin ġie informat dwar il-konfoffa kontra Pawlu, Klawdju Lisja, li kien kmandant fuq 1,000 raġel, immedjatament ordna li jiġi fformat korp militari taʼ 470—suldati, suldati bil-lanez, u rikkieba taż-żwiemel—biex jitilqu minn Ġerusalemm dak il-lejl u jwasslu lil Pawlu f’Ċesarija qawwi u sħiħ. Malli jaslu hemmhekk, kellu jingħata f’idejn il-Gvernatur Feliċ. a Għalkemm Ċesarija, il-belt kapitali amministrattiva Rumana tal-Lhudija, kellha għadd kbir taʼ residenti Lhud, il-biċċa l-kbira mill-popolazzjoni kienet Ġentili. Kien hemm kuntrast bejn il-kundizzjonijiet t’ordni li eżistew hemmhekk u s-sitwazzjoni li ddominat f’Ġerusalemm, fejn ħafna wrew preġudizzju reliġjuż emozzjonali u kienu involuti f’rewwixti. Ċesarija kienet ukoll il-kwartieri ġenerali l-iktar importanti tal-forzi militari Rumani fil-Lhudija.

8 Lisja osserva l-liġi Rumana u bagħat ittra lil Feliċ li fiha spjega l-każ. Lisja semma li malli sar jaf li Pawlu kien ċittadin Ruman, hu ħeles lil Pawlu mil-Lhud li kienu “se joqtluh.” Lisja stqarr li lil Pawlu ma sabu ħati taʼ xejn “li għaliha jistħoqqlu jmut jew jiġi mitfugħ il-ħabs,” imma minħabba konfoffa kontra Pawlu, kien qed jibagħtu għand Feliċ sabiex il-gvernatur ikun jistaʼ jismaʼ l-akkużaturi u jiġġudika l-kwistjoni.—Atti 23:25-30.

9. (a) Id-drittijiet taʼ Pawlu bħala ċittadin Ruman kif ġew injorati? (b) Għala għandna mnejn nieħdu vantaġġ mid-drittijiet tagħna bħala ċittadini taʼ pajjiż?

9 Kien Lisja qed jgħid il-verità f’dak li kiteb? Mhux kompletament. Jidher li kien qed jipprova jagħmel l-aħjar impressjoni possibbli fuq il-gvernatur. Ir-raġuni għala ħeles lil Pawlu ma kinitx għax sar jaf li l-appostlu kien ċittadin Ruman. Barra minn dan, Lisja naqas milli jsemmi li hu kien ta l-kmand biex lil Pawlu ‘jorbtuh b’żewġ ktajjen’ u li iktar tard kien ordna biex “jiġi interrogat waqt li jiġi msawwat.” (Atti 21:30-34; 22:24-29) B’hekk, Lisja kien mar kontra d-drittijiet taʼ Pawlu bħala ċittadin Ruman. Illum, Satana juża l-fanatiżmu reliġjuż taʼ xi opponenti biex jintensifika l-persekuzzjoni, u dawn għandhom mnejn jipprovaw ifixklu l-qima tagħna lil Alla. Imma bħal Pawlu, in-nies t’Alla spiss jistgħu jieħdu vantaġġ mid-drittijiet li għandhom bħala ċittadini taʼ pajjiż u jfittxu l-protezzjoni taħt il-liġi.

“Għandi Pjaċir Niddefendi Lili Nnifsi Quddiemek” (Atti 23:35–24:21)

10. Liema akkużi serji nġiebu kontra Pawlu?

10 F’Ċesarija, Pawlu ‘nżamm fil-palazz t’Erodi bl-għassa miegħu’ biex jistenna l-wasla tal-akkużaturi minn Ġerusalemm. (Atti 23:35) Ħamest ijiem wara, waslu—il-Qassis il-Kbir Ananija, kelliemi pubbliku jismu Tertullu, u grupp taʼ anzjani. Tertullu l-ewwel faħħar lil Feliċ għal dak li kien qed jagħmel għal-Lhud, milli jidher biex jidilku bix-xamaʼ u jikseb l-approvazzjoni tiegħu. b Imbagħad, billi dawwar l-attenzjoni tiegħu lejn il-każ quddiem il-qorti, Tertullu rrefera għal Pawlu billi qal li “dan ir-raġel qed jaqlaʼ l-inkwiet u r-rewwixti fost il-Lhud kollha madwar id-dinja, u hu jmexxi s-setta tan-Nazzareni. Ukoll, hu pprova jniġġes it-tempju, għalhekk arrestajnieh.” Il-Lhud l-oħrajn “bdew jakkużawh, u b’hekk ikkonfermaw li l-akkużi kienu veri.” (Atti 24:5, 6, 9) Iqajjem ir-rewwixti, mexxej ewlieni taʼ setta perikoluża, u jipprofana t-tempju—dawn kienu akkużi serji li setgħu wasslu għal sentenza tal-mewt.

11, 12. Pawlu kif ċaħad l-akkużi li nġiebu kontrih?

11 Pawlu mbagħad tħalla jitkellem. Hu beda b’dan il-kliem: “Għandi pjaċir niddefendi lili nnifsi quddiemek.” Hu ċaħad l-akkużi b’mod ċar. L-appostlu ma kienx ipprofana t-tempju, u lanqas ma kien ipprova jqajjem ir-rewwixti. Hu għamel il-punt li, fil-fatt, kien ilu “ħafna snin” nieqes minn Ġerusalemm u li kien ġie “ħalli jgħin”—b’kontribuzzjonijiet għal Kristjani li għandhom mnejn kienu foqra minħabba l-ġuħ u l-persekuzzjoni. Pawlu insista li qabel ma daħal fit-tempju, hu kien ġie ‘mnaddaf b’mod ċerimonjali’ u stinka biex ‘ikollu kuxjenza nadifa quddiem Alla u n-nies.’—Atti 24:10-13, 16-18.

12 Madankollu, Pawlu ammetta li hu kien joffri servizz sagru lill-Alla taʼ missirijietu “skont it-tagħlim li huma qed isejħulu setta.” Imma hu insista li kien jemmen “kulma hemm miktub fil-Liġi u l-kotba tal-Profeti.” U bħall-akkużaturi tiegħu, hu kellu t-tama “li Alla se jqajjem mill-mewt kemm lin-nies sewwa u kif ukoll lil dawk li mhumiex sewwa.” Pawlu mbagħad sfida lill-akkużaturi tiegħu: “Ħa jgħidu l-irġiel stess li qegħdin hawnhekk x’ħażen sabu fija x’ħin kont quddiem is-Sinedriju, ħlief rigward dan il-kliem li jien għajjatt waqt li kont wieqaf f’nofshom, ‘Minħabba l-irxoxt tal-mejtin qed niġi ġudikat quddiemkom illum!’”—Atti 24:14, 15, 20, 21.

13-15. Għala nistgħu nħarsu lejn Pawlu bħala eżempju tajjeb taʼ xi ħadd li ta xhieda bil-qlubija quddiem awtoritajiet sekulari?

13 Pawlu ħallielna eżempju tajjeb xi nsegwu jekk xi darba nittieħdu quddiem l-awtoritajiet sekulari minħabba l-qima tagħna u niġu akkużati b’mod falz b’affarijiet bħal li aħna naqilgħu l-inkwiet, inqajmu r-rewwixti, jew li aħna membri taʼ xi “setta perikoluża.” Pawlu ma qagħadx iżiegħel bil-gvernatur, billi lissen kliem li jneffaħ bħalma għamel Tertullu. Pawlu baqaʼ kalm u wera rispett. Bit-tattika ta xhieda ċara u vera. Pawlu semma li l-“Lhud mill-provinċja tal-Asja” li kienu akkużawh li pprofana t-tempju ma kinux preżenti, u li legalment għandu jkun jistaʼ jiffaċċjahom u jismaʼ l-akkużi tagħhom.—Atti 24:18, 19.

14 Saħansitra iktar taʼ min jinnotah, Pawlu ma żammx lura milli jagħti xhieda rigward it-twemmin tiegħu. Bil-qlubija, l-appostlu reġaʼ stqarr it-twemmin tiegħu fl-irxoxt, il-kwistjoni li kienet qalgħet ħafna inkwiet meta kien quddiem is-Sinedriju. (Atti 23:6-10) Biex jiddefendi lilu nnifsu, Pawlu enfasizza t-tama tal-irxoxt. Għala? Għaliex Pawlu kien qed jagħti xhieda dwar Ġesù u l-irxoxt tiegħu mill-imwiet—xi ħaġa li dawk l-opponenti ma kinux jaċċettawha. (Atti 26:6-8, 22, 23) Iva, kienet il-kwistjoni tal-irxoxt—u iktar preċiż, it-twemmin f’Ġesù u fl-irxoxt tiegħu—li fuqha kienet ibbażata l-kontroversja.

15 Bħal Pawlu, aħna nistgħu nagħtu xhieda bil-qlubija u nistgħu niksbu s-saħħa minn dak li Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “In-nies kollha se jobogħdukom minħabba li intom dixxipli tiegħi. Imma min jissaporti sal-aħħar se jiġi salvat.” Għandna ninkwetaw dwar dak li għandna ngħidu? Le, għax Ġesù qalilna: “Meta jkunu qed jiħdukom għand l-awtoritajiet, tkunux ansjużi minn qabel dwar x’se tgħidu. Se tkunu tafu dak il-ħin xi tridu tgħidu, għax mhux intom tkunu qed titkellmu, imma l-ispirtu qaddis.”—Mk. 13:9-13.

“Feliċ Beda Jibżaʼ” (Atti 24:22-27)

16, 17. (a) Feliċ x’għamel u x’qal waqt il-ġuri taʼ Pawlu? (b) Feliċ għala għandu mnejn beżaʼ, u madankollu għal liema raġuni baqaʼ jara lil Pawlu?

16 Din ma kinitx l-ewwel darba li l-Gvernatur Feliċ kien sema’ dwar it-twemmin Kristjan. Ir-rakkont jgħid: “Feliċ kien jaf il-fatti sew dwar din it-Triq [it-terminu li ntuża biex jiddeskrivi l-Kristjanità tal-bidu], hu ħalla l-każ tagħhom għal darb’oħra u qal: ‘Se niddeċiedi dwar dan il-każ meta jiġi Lisja, il-kmandant tal-armata.’ Hu kkmanda lill-uffiċjal tal-armata biex iżomm lil Pawlu arrestat, imma jagħtih ftit libertà u jħalli lill-poplu tiegħu jagħtih dak li għandu bżonn.”—Atti 24:22, 23.

17 Ftit jiem wara, Feliċ, flimkien maʼ martu Drusilla, li kienet Lhudija, bagħat għal Pawlu u “qagħad jisimgħu jispjega x’għandhom jagħmlu n-nies biex jemmnu fi Kristu Ġesù.” (Atti 24:24) Madankollu, meta Pawlu tkellem dwar “kif wieħed għandu jġib ruħu, kif wieħed jikkontrolla lilu nnifsu, u l-ġudizzju li ġej, Feliċ beda jibżaʼ,” forsi għax dawn l-affarijiet niggżulu l-kuxjenza tiegħu minħabba l-affarijiet mill-agħar li kien għamel f’ħajtu stess. Għalhekk, bagħat lil Pawlu ’l barra u qallu: “Mur ’l hemm għalissa, imma meta jkolli ċ-ċans nerġaʼ nibgħat għalik.” Feliċ ra lil Pawlu diversi drabi wara dan, mhux għax ried jitgħallem il-verità, imma għax kien qed jittama li Pawlu joffrilu xi tixħim.—Atti 24:25, 26.

18. Pawlu għala kellem lil Feliċ u lil martu dwar “kif wieħed għandu jġib ruħu, kif wieħed jikkontrolla lilu nnifsu, u l-ġudizzju li ġej”?

18 Pawlu għala kellem lil Feliċ u lil martu dwar “kif wieħed għandu jġib ruħu, kif wieħed jikkontrolla lilu nnifsu, u l-ġudizzju li ġej”? Ftakar, huma riedu jkunu jafu x’kien jinvolvi li “jemmnu fi Kristu Ġesù.” Pawlu, li kien jaf l-isfond tagħhom taʼ immoralità, krudeltà, u inġustizzja, kien qed jagħmilha ċara x’kien meħtieġ minn dawk kollha li riedu jsiru segwaċi taʼ Ġesù. Dak li qal Pawlu wera l-kuntrast kbir bejn il-livelli tas-sewwa t’Alla u l-ħajja li Feliċ u martu kienu qed jgħixu. Dan messu għenhom jaraw li l-bnedmin kollha jridu jagħtu kont lil Alla għal dak li jaħsbu, jgħidu, u jagħmlu, u li iktar importanti mill-ġudizzju li kien se jingħata Pawlu kien il-ġudizzju li huma kellhom jiffaċċjaw quddiem Alla. Mhux taʼ b’xejn li Feliċ “beda jibżaʼ”!

19, 20. (a) Fil-ministeru tagħna, kif għandna nittrattaw lin-nies li jidhru li huma interessati, imma li fil-fatt ma jkunux iridu jbiddlu ħajjithom fi qbil mal-verità? (b) Kif nafu li Feliċ ma kienx ħabib taʼ Pawlu?

19 Fil-ministeru tagħna, għandna mnejn insibu nies li huma bħal Feliċ. Għall-ewwel għandhom mnejn jidhru li qed juru interess fil-verità, imma fil-fatt ma jkunux iridu jbiddlu ħajjithom fi qbil mal-verità. Aħna b’mod xieraq għandna noqogħdu b’sebaʼ għajnejn għal uħud bħal dawn. Però, bħal Pawlu, nistgħu bit-tattika ngħidulhom dwar il-livelli ġusti t’Alla. Forsi l-verità tmissilhom qalbhom. Madankollu, jekk isir evidenti li m’għandhom ebda intenzjoni li jabbandunaw il-ħajja midinba tagħhom, aħna nħalluhom u nfittxu lil dawk li tassew ikunu qed ifittxu l-verità.

20 Fil-każ taʼ Feliċ, il-kundizzjoni vera taʼ qalbu ntweriet b’dan il-kliem: “Wara sentejn, Porċju Festu laħaq flok Feliċ. U peress li Feliċ xtaq jingħoġob mil-Lhud, ħalla lil Pawlu arrestat.” (Atti 24:27) Feliċ ma kienx ħabib veru taʼ Pawlu. Feliċ kien jaf li s-segwaċi tat-“Triq” la kienu wħud li jqajmu r-rewwixti u lanqas kienu jħeġġu r-rivoluzzjoni. (Atti 19:23) Kien jaf ukoll li Pawlu ma kien kiser ebda liġi Rumana. Madankollu, Feliċ żamm l-appostlu arrestat sabiex “jingħoġob mil-Lhud.”

21. Xi ġralu Pawlu wara li Porċju Festu sar gvernatur, u Pawlu minn xiex bla dubju kompla jikseb is-saħħa?

21 Bħalma jidher fl-aħħar vers t’​Atti kapitlu 24, Pawlu kien għadu priġunier meta Porċju Festu laħaq flok Feliċ bħala gvernatur. B’hekk, bdiet serje taʼ seduti u Pawlu ttieħed quddiem uffiċjal wara l-ieħor. Verament, dan l-appostlu kuraġġuż kienu ‘jiħduh quddiem ir-rejiet u l-mexxejja.’ (Lq. 21:12) Bħalma se naraw, iktar tard kien se jagħti xhieda lill-iktar ħakkiem setgħan taʼ żmienu. Matul dan kollu, Pawlu qatt ma tħarrek fil-fidi tiegħu. Bla dubju kompla jikseb is-saħħa mill-kliem taʼ Ġesù: “Agħmel kuraġġ!”

a Ara l-kaxxa “ Feliċ—Prokuratur tal-Lhudija.”

b Tertullu rringrazzja lil Feliċ għall-“paċi” li ġab fuq il-poplu. Madankollu, il-verità kienet li kien hemm inqas paċi fil-Lhudija matul iż-żmien li Feliċ kien il-gvernatur milli matul il-ħakma taʼ kwalunkwe gvernatur ieħor qablu sakemm kien hemm ir-rewwixta kontra Ruma. Xi ħaġa oħra li assolutament ma kinitx minnha kienet meta semma l-apprezzament li l-Lhud għandhom għar-riformi li kien għamel Feliċ. Fir-realtà, Feliċ kien imżeblaħ mill-biċċa l-kbira mil-Lhud minħabba li għamlilhom ħajjithom miżerabbli u minħabba l-brutalità tiegħu meta ħarbat ir-rewwixti tagħhom.—Atti 24:2, 3.