KAPITLU 25
“Nixtieq Immur Quddiem Ċesari!”
Pawlu jħalli eżempju f’li jiddefendi l-aħbar tajba
Ibbażat fuq Atti 25:1–26:32
1, 2. (a) X’inhuma ċ-ċirkustanzi taʼ Pawlu? (b) Liema mistoqsija tqum dwar id-deċiżjoni li ħa Pawlu biex imur quddiem Ċesari?
PAWLU jibqaʼ mgħasses sew f’Ċesarija. Sentejn qabel, meta kien irritorna lejn il-Lhudija, fi ftit jiem il-Lhud kienu pprovaw joqtluh minn tal-inqas tliet darbiet. (Atti 21:27-36; 23:10, 12-15, 27) S’issa, l-għedewwa tiegħu ma kellhomx suċċess, imma ma jaqtgħux qalbhom. Meta Pawlu jara li għad jistaʼ jingħata f’idejhom, hu jgħid lill-gvernatur Ruman Festu: “Jien nixtieq immur quddiem Ċesari!”—Atti 25:11.
2 Appoġġa Ġeħova d-deċiżjoni taʼ Pawlu biex imur quddiem l-imperatur taʼ Ruma? It-tweġiba hi importanti għalina, peress li qed nagħtu xhieda bid-dettall dwar is-Saltna t’Alla f’dan iż-żmien tat-tmiem. Għandna bżonn inkunu nafu jekk Pawlu ħallilniex mudell xi nsegwu ‘biex niddefendu u nistabbilixxu legalment l-aħbar tajba.’—Flp. 1:7.
“Quddiem it-Tron tal-Ġudizzju” (Atti 25:1-12)
3, 4. (a) Il-Lhud għala għamlu rikjesta biex Pawlu jittieħed Ġerusalemm, u kif reġaʼ nħeles mill-mewt? (b) Ġeħova kif isostni lill-qaddejja tiegħu fi żmienna, bħalma sostna lil Pawlu?
3 Tlett ijiem wara li ħa l-kariga, Festu, il-gvernatur Ruman ġdid tal-Lhudija, mar Ġerusalemm. a Hemmhekk hu semaʼ lill-qassisin ewlenin u l-kbarat tal-Lhud hekk kif akkużaw lil Pawlu b’delitti serji. Huma kienu jafu li l-gvernatur il-ġdid kien taħt pressjoni biex iżomm il-paċi magħhom u mal-Lhud kollha. Għalhekk, talbu lil Festu biex jagħmlilhom pjaċir: Ġib lil Pawlu Ġerusalemm, u għaddih ġuri hemmhekk. Madankollu, kien hemm pjan mill-agħar wara din ir-rikjesta. Dawn l-għedewwa kienu qed jippjanaw li joqtlu lil Pawlu fit-triq minn Ċesarija għal Ġerusalemm. Festu ma laqax it-talba tagħhom, u qalilhom: “Jekk dan ir-raġel vera għamel xi ħaġa ħażina, ħa jiġu miegħi [lejn Ċesarija] l-irġiel taʼ pożizzjoni għolja minn fostkom u jakkużawh.” (Atti 25:5) Għalhekk, Pawlu għal darb’oħra reġaʼ nħeles mill-mewt.
4 Matul il-provi kollha taʼ Pawlu, Ġeħova sostnieh permezz tal-Mulej Ġesù Kristu. Ftakar li f’viżjoni, Ġesù qal lill-appostlu tiegħu: “Agħmel kuraġġ!” (Atti 23:11) Illum, il-qaddejja t’Alla wkoll jiffaċċjaw ostakli u theddid. Ġeħova ma jipproteġiniex minn kull diffikultà, imma jagħtina l-għerf u s-saħħa biex nissaportu. Dejjem nistgħu nistrieħu fuq “il-qawwa iktar min-normal” li jipprovdi Alla tagħna kollu mħabba.—2 Kor. 4:7.
5. Festu kif ittrattah lil Pawlu?
5 Xi jiem wara, Festu “qagħad bilqiegħda fuq it-tron tal-ġudizzju” f’Ċesarija. b Quddiemu kien hemm weqfin Pawlu u l-akkużaturi taʼ Pawlu. Bi tweġiba għall-akkużi bla bażi tagħhom, Pawlu qal: “Jien m’għamilt xejn ħażin, la kontra l-Liġi tal-Lhud, la kontra t-tempju, u lanqas kontra Ċesari.” L-appostlu kien innoċenti u kien ħaqqu jiġi meħlus. Festu kif kien se jiddeċiedi? Minħabba li ried jingħoġob mil-Lhud, hu staqsa lil Pawlu: “Trid titlaʼ Ġerusalemm u tiġi ġġudikat quddiemi hemm?” (Atti 25:6-9) Xi proposta bla sens! Li kieku Pawlu kellu jmur lura Ġerusalemm biex jiġi ġudikat, l-akkużaturi tiegħu kienu jsiru l-imħallfin tiegħu u żgur li kien jiffaċċja l-mewt. F’dan il-każ, Festu kien qed jagħżel il-vantaġġi politiċi minflok il-ġustizzja vera. Gvernatur qablu, Ponzju Pilatu, kien aġixxa b’mod simili f’każ li kien jinvolvi priġunier saħansitra iktar importanti. (Ġw. 19:12-16) Xi mħallfin fi żmienna wkoll jistgħu jċedu għall-pressjoni politika. Għalhekk, m’għandniex għalfejn nissorprendu ruħna meta xi qrati jiddeċiedu kontra l-evidenza f’każi li jinvolvu lill-poplu t’Alla.
6, 7. Pawlu għala ried imur quddiem Ċesari, u b’hekk liema mudell ħalla għall-Kristjani veri llum?
6 Ix-xewqa taʼ Festu biex jikkuntenta lil-Lhud setgħet poġġiet lil Pawlu f’periklu tal-mewt. Għalhekk, Pawlu uża dritt li kellu bħala ċittadin Ruman. Hu qal lil Festu: “Jien qiegħed quddiem it-tron tal-ġudizzju taʼ Ċesari fejn suppost għandi niġi ġġudikat. Bħalma qed tara, jien m’għamiltilhom xejn ħażin lil-Lhud. . . . Jien nixtieq immur quddiem Ċesari!” Spiss ma kienx ikun possibbli li jitbiddel appell bħal dan. Festu enfasizza dan, billi qal: “La trid tidher quddiem Ċesari, nibagħtek hemm.” (Atti 25:10-12) Billi ried imur quddiem awtorità legali ogħla, Pawlu ħalla mudell għall-Kristjani veri llum. Meta xi opponenti jipprovaw “jużaw il-liġi biex jaqilgħu l-inkwiet,” ix-Xhieda taʼ Ġeħova jieħdu vantaġġ mill-provvedimenti legali biex jiddefendu l-aħbar tajba. c—Salm 94:20.
7 B’hekk, wara iktar minn sentejn taʼ priġunerija għal delitti li ma kkommettiex, Pawlu ngħata l-opportunità biex jippreżenta l-każ tiegħu f’Ruma. Madankollu, qabel ma telaq, ried jarah ħakkiem ieħor.
“Jien Obdejt” (Atti 25:13–26:23)
8, 9. Ir-Re Agrippa għala żar Ċesarija?
8 Xi jiem wara li Festu semaʼ l-appell taʼ Pawlu għal quddiem Ċesari, ir-Re Agrippa u oħtu Berniċe ‘għamlu żjara uffiċjali’ lill-gvernatur il-ġdid. d Fi żmien ir-Rumani, kienet id-drawwa li l-uffiċjali jagħmlu żjajjar bħal dawn lill-gvernaturi li jkunu għadhom kif inħatru. Billi feraħ lil Festu għall-ħatra tiegħu, Agrippa mingħajr dubju kien qed jipprova jistabbilixxi relazzjonijiet tajbin u ħbiberija li setgħu jkunu utli fil-futur.—Atti 25:13.
9 Festu tkellem mar-re dwar Pawlu, u Agrippa esprima x-xewqa li jismaʼ lil Pawlu. L-għada, iż-żewġ ħakkiema qagħdu bilqiegħda fuq it-tron tal-ġudizzju. Imma t-turija tal-qawwa tagħhom bil-pompa kollha m’għamlitx impressjoni akbar mill-kliem li kien se jgħid il-priġunier li kellhom quddiemhom.—Atti 25:22-27.
10, 11. Pawlu kif wera rispett lejn Agrippa, u Pawlu liema dettalji dwar il-passat tiegħu stess irrivela lir-re?
10 Pawlu b’rispett irringrazzja lir-Re Agrippa għall-opportunità li jippreżenta difiża quddiemu, u rrikonoxxa li r-re kien espert fid-drawwiet kollha tal-Lhud kif ukoll fil-kontroversji tagħhom. Imbagħad Pawlu ddeskriva l-passat tiegħu: “Jien kont mis-setta tal-Fariżej, u kif taf, il-Fariżej jidħlu iktar fid-dettall minn Lhud oħra dwar kif għandhom iqimu lil Alla.” (Atti 26:5) Bħala Fariżew, Pawlu kien jittama li kellu jiġi l-Messija. Issa, bħala Kristjan, hu identifika bil-qlubija lil Ġesù Kristu bħala l-wieħed li kien ilu mistenni. Twemmin li hu u l-akkużaturi tiegħu kellhom inkomuni—jiġifieri, it-tama tat-twettiq tal-wegħda t’Alla lil missirijiethom—kien ir-raġuni għala Pawlu kien għaddej ġuri dakinhar. Din is-sitwazzjoni ħalliet lil Agrippa saħansitra iktar interessat f’dak li Pawlu kellu x’jgħid. e
11 Meta ftakar fil-passat tiegħu taʼ meta kien jittratta lill-Kristjani bi krudeltà, Pawlu qal: “Jien stess kont konvint li rrid nagħmel kulma nistaʼ biex niħodha kontra Ġesù n-Nazzarenu. . . . peress li kont irrabjat ħafna magħhom [għas-segwaċi taʼ Kristu], wasalt sal-punt li nippersegwitahom fi bliet oħra.” (Atti 26:9-11) Pawlu ma kienx qed jesaġera. Ħafna nies kienu jafu dwar kemm kien ippersegwita bil-vjolenza lill-Kristjani. (Gal. 1:13, 23) Agrippa għandu mnejn ħaseb, ‘X’setaʼ biddel lil raġel bħal dan?’
12, 13. (a) Pawlu kif iddeskriva l-konverżjoni tiegħu? (b) Pawlu kif kien qed ‘jagħti kontra n-niggieża’?
12 Il-kliem li Pawlu qal wara ta t-tweġiba: “Darba kont qed nivvjaġġa lejn Damasku, għax il-qassisin importanti kienu bagħtuni hemm biex nagħmel hekk. Għal xi nofsinhar, jien rajt dawl qawwi iktar minn tax-xemx ġej mis-sema madwari u madwar dawk li kienu qed jivvjaġġaw miegħi. Meta waqajna mal-art, jien smajt leħen jgħidli bl-Ebrajk, ‘Sawl, Sawl, għala qed tippersegwitani? Jekk tibqaʼ tagħti kontra n-niggieża se tweġġaʼ.’ Imma jien għedt, ‘Min int, Sinjur?’ U hu qalli, ‘Jien Ġesù, li int qed tippersegwita.’” f—Atti 26:12-15.
13 Qabel din il-viżjoni mirakoluża, Pawlu b’mod figurattiv kien qed ‘jagħti kontra n-niggieża.’ Sewwasew bħalma annimal tat-tagħbija kien iweġġaʼ lilu nnifsu bla bżonn billi joqmos kontra niggieża li taqtaʼ, Pawlu kien weġġaʼ lilu nnifsu spiritwalment billi rreżista r-rieda t’Alla. Billi deher lil Pawlu fit-triq lejn Damasku, Ġesù rxoxtat qanqal lil dan ir-raġel sinċier, imma li b’mod ċar kien gwidat ħażin, biex ibiddel il-ħsieb tiegħu.—Ġw. 16:1, 2.
14, 15. Pawlu x’qal rigward il-bidliet li kien għamel f’ħajtu?
14 Tabilħaqq, Pawlu għamel bidliet drastiċi f’ħajtu. Meta indirizza lil Agrippa, hu qal: “Jien obdejt dak li smajt fil-viżjoni mis-sema. Hu għalhekk li mort nipprietka dan il-messaġġ. L-ewwel bdejt minn Damasku, imbagħad Ġerusalemm, wara l-pajjiż kollu tal-Lhudija, u wkoll lill-popli. Jien bdejt ngħidilhom li għandhom jindmu u jduru lejn Alla billi jagħmlu affarijiet li juru li ddispjaċiehom.” (Atti 26:19, 20) Għal ħafna snin, Pawlu kien qed iwettaq l-inkarigu li kien tah Ġesù Kristu f’dik il-viżjoni f’nofsinhar. B’liema riżultati? Dawk li taw widen għall-aħbar tajba li ppritkalhom Pawlu nidmu mill-kondotta immorali u diżonesta tagħhom u daru lejn Alla. Uħud bħal dawn saru ċittadini tajbin, li kkontribwew u wrew rispett għal-liġi u l-ordni.
15 Madankollu, dawn il-benefiċċji ma kienu jfissru xejn għall-opponenti Lhud taʼ Pawlu. Pawlu qal: “Hu għalhekk li l-Lhud qabduni fit-tempju u pprovaw joqtluni. Minkejja dan, bl-għajnuna t’Alla, jien għadni sal-lum nagħti xhieda lin-nies komuni u lil dawk importanti.”—Atti 26:21, 22.
16. Kif nistgħu nimitaw lil Pawlu meta nkellmu lil imħallfin u lil nies t’awtorità dwar it-twemmin tagħna?
16 Bħala Kristjani veri, aħna għandna nkunu ‘dejjem lesti li niddefendu’ l-fidi tagħna. (1 Pt. 3:15) Meta nkellmu lil imħallfin u lil nies t’awtorità dwar it-twemmin tagħna, nistgħu nsibuh t’għajnuna li nimitaw il-metodu li uża Pawlu meta kellem lil Agrippa u lil Festu. Billi b’rispett ngħidulhom kif il-veritajiet tal-Bibbja biddlu l-ħajjiet għall-aħjar—il-ħajja tagħna stess kif ukoll il-ħajja taʼ dawk li jagħtu widen għall-messaġġ tagħna—għandna mnejn irrattbu l-qalb taʼ dawn l-uffiċjali għoljin.
Atti 26:24-32)
“Dalwaqt Tikkonvinċini Biex Insir Kristjan” (17. Festu kif irreaġixxa għad-difiża taʼ Pawlu, u liema attitudni simili naraw illum?
17 Hekk kif semgħu x-xhieda konvinċenti taʼ Pawlu, iż-żewġ mexxejja ġew effettwati. Innota x’ġara: “Waqt li Pawlu kien qed jgħid dan biex jiddefendi lilu nnifsu, Festu qal b’leħen għoli: ‘Int qed tiġġennen Pawlu! Il-ħafna għarfien li għandek qed iġennek!’” (Atti 26:24) Il-mod kif żbroffa Festu setaʼ indika li kellu attitudni li naraw anki llum. Ħafna nies jaħsbu li dawk li jgħallmu dak li tgħid il-Bibbja verament huma fanatiċi. Nies taʼ edukazzjoni għolja spiss isibuha diffiċli biex jaċċettaw it-tagħlim tal-Bibbja dwar l-irxoxt tal-mejtin.
18. Pawlu kif wieġbu lil Festu, u dan wassal għal liema tweġiba mingħand Agrippa?
18 Imma Pawlu kellu risposta għall-gvernatur: “Jien mhux qed niġġennen, l-Eċċellenza Tiegħek Festu, imma qed ngħid il-verità u qed nitkellem b’għaqal. Fil-fatt, ir-re li qed inkellmu bil-libertà jafhom sew dawn l-affarijiet. . . . Re Agrippa, int temmen fil-Profeti? Jien naf li temmen.” Agrippa wieġeb: “Dalwaqt tikkonvinċini biex insir Kristjan.” (Atti 26:25-28) Dan il-kliem, sinċier jew le, juri li x-xhieda taʼ Pawlu kellha effett profond fuq ir-re.
19. Festu u Agrippa liema deċiżjoni ħadu rigward Pawlu?
19 Imbagħad Agrippa u Festu qamu bilwieqfa, ġest li juri li d-diskussjoni spiċċat. “Waqt li kienu ħerġin bdew jgħidu lil xulxin: ‘Dan ir-raġel mhu qed jagħmel xejn li għalih ħaqqu l-mewt jew li jintefaʼ l-ħabs.’ Imbagħad Agrippa qal lil Festu: ‘Dan ir-raġel setaʼ nħeles li kieku ma riedx imur quddiem Ċesari.’” (Atti 26:31, 32) Huma kienu jafu li r-raġel li kien għadu kif ippreżenta d-difiża tiegħu kien innoċenti. Forsi issa kien se jkollhom ħarsa iktar favorevoli lejn il-Kristjani.
20. Ix-xhieda taʼ Pawlu lill-uffiċjali Rumani liema riżultati kisbet?
20 Jidher li ħadd mill-mexxejja f’dan ir-rakkont m’aċċetta l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla. Kien għaqli li l-appostlu Pawlu deher quddiem dawn l-irġiel? It-tweġiba hija iva. Minħabba li lil Pawlu ‘ħaduh quddiem ir-rejiet u l-mexxejja’ fil-Lhudija, uffiċjali Rumani ngħataw xhieda. Kieku ma seħħx dan għandhom mnejn ma kienx ikollhom opportunità jisimgħu. (Lq. 21:12, 13) Ukoll, l-esperjenzi u l-lealtà tiegħu taħt prova inkuraġġew lil ħutu fil-fidi.—Flp. 1:12-14.
21. Billi nipperseveraw fix-xogħol tas-Saltna, liema riżultati pożittivi għandna mnejn naraw?
21 L-istess hu minnu llum. Billi nipperseveraw fix-xogħol tas-Saltna minkejja l-provi u l-oppożizzjoni, għandna mnejn naraw għadd taʼ riżultati pożittivi. Nistgħu nagħtu xhieda lil uffiċjali li kieku jkun diffiċli li nilħquhom. Is-sabar leali tagħna jistaʼ jkun sors taʼ inkuraġġiment għal ħutna l-Kristjani, u jqanqalhom juru saħansitra iktar qlubija fix-xogħol taʼ li jagħtu xhieda bid-dettall dwar is-Saltna t’Alla.
a Ara l-kaxxa “ Il-Prokuratur Ruman Porċju Festu.”
b “It-tron tal-ġudizzju” kien siġġu mqiegħed fuq palk baxx. Il-pożizzjoni elevata kienet isservi biex tindika li d-deċiżjonijiet tal-imħallef kienu finali u kellhom jiġu rispettati. Pilatu qagħad fuq tron taʼ ġudizzju meta kkunsidra l-akkużi kontra Ġesù.
c Ara l-kaxxa “ Appelli għan-Nom tal-Qima Vera fi Żminijiet Moderni.”
d Ara l-kaxxa “ Ir-Re Erodi Agrippa II.”
e Bħala Kristjan, Pawlu aċċetta lil Ġesù bħala l-Messija. Il-Lhud, li ċaħdu lil Ġesù, qiesu lil Pawlu bħala apostata.—Atti 21:21, 27, 28.
f Rigward il-kliem taʼ Pawlu li kien qed jivvjaġġa f’nofsinhar, studjuż tal-Bibbja nnota: “Sakemm vjaġġatur ma kienx ikun verament mgħaġġel b’mod iddisprat kien jistrieħ matul is-sħana taʼ nofsinhar. Għalhekk, naraw kemm Pawlu kien qed jagħmel ħiltu kollha f’din il-missjoni taʼ persekuzzjoni.”