KAPITLU 23
“Isimgħuni Hekk Kif Niddefendi Lili Nnifsi”
Pawlu jiddefendi l-verità quddiem marmalji rrabjati u s-Sinedriju
Ibbażat fuq Atti 21:18–23:10
1, 2. L-appostlu Pawlu għala jmur Ġerusalemm, u liema sfidi se jiffaċċja hemmhekk?
ĠERUSALEMM! Għal darb’oħra, Pawlu jinsab miexi fit-toroq dojoq mimlijin attività. Ebda belt fl-art mhi daqstant importanti u speċjali fl-istorja taʼ kif Ġeħova ttratta mal-poplu tiegħu. Fil-biċċa l-kbira, l-abitanti tagħha huma kburin ħafna minħabba dan il-passat glorjuż. Pawlu jaf li ħafna Kristjani hawnhekk qed jafdaw wisq fil-passat, u qed jonqsu milli javanzaw mal-iskopijiet taʼ Ġeħova li dejjem mexjin ’il quddiem. Minbarra l-bżonn materjali li qanqlu—meta kien għadu lura f’Efesu—biex jiddeċiedi li jerġaʼ jżur lil din il-belt setgħana, Pawlu rrikonoxxa li xi wħud kienu għadhom ma fehmux li Ġeħova ma kienx għadu qed juża s-sistema Lhudija. (Atti 19:21) Minkejja l-fatt li setaʼ jkun fil-periklu, hu żamm sod mad-deċiżjoni tiegħu.
2 Issa, Pawlu x’se jiffaċċja f’Ġerusalemm? Sfida waħda se tiġi mis-segwaċi taʼ Kristu, li xi wħud minnhom huma mifxulin minħabba xi xnigħat dwar Pawlu. Sfidi akbar se jiġu mill-għedewwa taʼ Kristu. Dawn se jġibu akkużi foloz kontra Pawlu, isawtuh, u jheddu li joqtluh. Dawn il-ġrajjiet taʼ taqlib se jagħtu wkoll opportunità lil Pawlu biex jagħmel difiża. L-umiltà, il-kuraġġ, u l-fidi tiegħu f’li jittratta sfidi bħal dawn jipprovdu eżempju mill-aqwa għall-Kristjani llum. Ejja naraw kif.
“Bdew Ifaħħru lil Alla” (Atti 21:18-20a)
3-5. (a) Pawlu liema laqgħa attenda f’Ġerusalemm, u x’ġie diskuss fiha? (b) Liema lezzjonijiet nistgħu nisiltu mil-laqgħa taʼ Pawlu mal-anzjani f’Ġerusalemm?
3 L-għada li waslu Ġerusalemm, Pawlu u sħabu marru jaraw lill-anzjani li kienu jindokraw lill-kongregazzjoni. Mill-appostli li kienu għadhom ħajjin ma jissemma ħadd fir-rakkont; forsi sa dak iż-żmien kienu kollha telqu biex jaqdu f’partijiet oħrajn tad-dinja. Madankollu, Ġakbu, ħu Ġesù, kien għadu hemmhekk. (Gal. 2:9) X’aktarx li Ġakbu ppresieda fil-laqgħa meta “kien hemm l-anzjani kollha” maʼ Pawlu.—Atti 21:18.
4 Pawlu sellem lill-anzjani “u beda jirrakkontalhom fid-dettall l-affarijiet li Alla għamel fost il-popli permezz tal-ippritkar tiegħu.” (Atti 21:19) Nistgħu biss nimmaġinaw kemm dan kien inkuraġġanti. Illum, bl-istess mod, aħna nitgħaxxqu meta nisimgħu bil-progress tax-xogħol f’pajjiżi oħrajn.—Prov. 25:25.
5 F’ċertu punt, Pawlu x’aktarx li semma l-kontribuzzjonijiet li kien ġab mill-Ewropa. L-interess li wrew l-aħwa li kienu joqogħdu f’postijiet ’il bogħod żgur li qanqal il-qlub tas-semmiegħa taʼ Pawlu. Infatti, bi tweġiba għar-rapport taʼ Pawlu, ir-rakkont jgħid: “[L-anzjani] bdew ifaħħru lil Alla.” (Atti 21:20a) B’mod simili, il-qlub taʼ ħafna llum li jgħaddu minn diżastri jew jissaportu mard serju jitqanqlu bil-kbir meta sħabhom fit-twemmin joffru għajnuna f’waqtha u kliem taʼ inkuraġġiment.
Ħafna Għadhom “Żelużi Biex Jobdu l-Liġi” (Atti 21:20b, 21)
6. Pawlu b’liema problema sar jaf?
6 Imbagħad l-anzjani għarrfu lil Pawlu li fil-Lhudija kien hemm problema li kienet tinvolvi lilu personalment. Huma qalu: “Ħuna, bħalma qed tara, hemm eluf taʼ dixxipli fost il-Lhud, u kollha huma żelużi biex jobdu l-Liġi. Imma dawn semgħu l-għajdut li int qed tgħallem lil-Lhud kollha fost il-popli xi ħaġa kontra l-Liġi taʼ Mosè, li hi apostasija, billi tgħidilhom biex ma jagħmlux iċ-ċirkonċiżjoni lit-tfal tagħhom u biex ma jimxux mad-drawwiet tagħna.” a—Atti 21:20b, 21.
7, 8. (a) Liema ħarsa żbaljata kellhom ħafna Kristjani fil-Lhudija? (b) Il-ħsieb żbaljat taʼ xi Kristjani Lhud, għala ma kienx apostasija?
7 Għala kien hemm ħafna Kristjani li kienu għadhom żelużi għal-Liġi Mosajka, meta kienu għaddew iktar minn 20 sena minn mindu tneħħiet? (Kol. 2:14) Fis-sena 49 WK (wara Kristu), l-appostli u l-anzjani li kienu ltaqgħu f’Ġerusalemm kienu bagħtu ittra lill-kongregazzjonijiet li fiha spjegaw li l-kredenti minn fost il-ġnus ma kellhomx bżonn jissottomettu ruħhom għaċ-ċirkonċiżjoni u jiġu taħt il-Liġi Mosajka. (Atti 15:23-29) Madankollu, dik l-ittra ma kinitx semmiet lill-kredenti Lhud, li ħafna minnhom ma fehmux li l-Liġi Mosajka ma kinitx għadha tapplika.
8 Dan il-ħsieb żbaljat, kien jiskwalifika lil kredenti Lhud bħal dawn milli jkunu Kristjani? Le. Dan ma kienx bħallikieku huma xi darba kienu aduraturi t’allat pagani u issa kienu qed ikomplu jsegwu d-drawwiet reliġjużi taʼ dik ir-reliġjon pagana. Il-Liġi li kienet daqstant importanti għal dawn il-kredenti Lhud oriġinarjament kienet ngħatat minn Ġeħova. Fil-Liġi ma kien hemm xejn demoniku jew ħażin. Imma din il-Liġi kellha x’taqsam mal-patt il-qadim, mentri issa l-Kristjani kienu taħt il-patt il-ġdid. L-osservanzi tal-patt tal-Liġi issa ma kinux għadhom jgħoddu b’konnessjoni mal-qima pura. Il-Kristjani Ebrej li kienu żelużi għal-Liġi ma kinux jifhmuh dan u kellhom nuqqas taʼ fiduċja fil-kongregazzjoni Kristjana. Huma kellhom bżonn iġibu l-ħsieb tagħhom fi qbil mal-verità progressiva li ġiet rivelata. b—Ġer. 31:31-34; Lq. 22:20.
“Għajdut li Semgħu Dwarek Mhux Veru” (Atti 21:22-26)
9. Pawlu x’għallem rigward il-Liġi Mosajka?
9 Xi ngħidu għall-għajdut li ntqalu dwar Pawlu li kien qed jgħallem lil-Lhud fost il-ġnus “biex ma jagħmlux iċ-ċirkonċiżjoni lit-tfal tagħhom u biex ma jimxux mad-drawwiet tagħna”? Pawlu kien appostlu tal-Ġentili, u magħhom ikkonferma d-deċiżjoni li l-Ġentili ma kellhomx jissottomettu ruħhom għal-Liġi. Hu wkoll kixef l-iżball taʼ kull min ipprova jipperswadi lill-kredenti Ġentili biex jagħmlu ċ-ċirkonċiżjoni bħala sinjal taʼ sottomissjoni għal-Liġi Mosajka. (Gal. 5:1-7) Pawlu pprietka wkoll l-aħbar tajba lil-Lhud fil-bliet li żar. Hu ċertament li kien jispjega lil dawk li taw widen li l-mewt taʼ Ġesù kienet ġabet fix-xejn il-Liġi u li s-sewwa kien jinkiseb bil-fidi, u mhux billi josservaw il-Liġi Mosajka.—Rum. 2:28, 29; 3:21-26.
10. Pawlu kif ikkunsidra s-sentimenti t’oħrajn fi kwistjonijiet li kellhom x’jaqsmu mal-Liġi u maċ-ċirkonċiżjoni?
10 Minkejja dan, Pawlu wera li fehem lil dawk li ħassewhom komdi josservaw xi drawwiet tal-Lhud, bħal li ma jaħdmux fis-Sabat jew li jevitaw ċertu ikel. (Rum. 14:1-6) U hu lanqas m’għamel regoli dwar iċ-ċirkonċiżjoni. Fil-fatt, Pawlu għamel iċ-ċirkonċiżjoni lil Timotju, għaliex ma riedx li l-Lhud jiċħduh minħabba li kienu jafu li missieru kien Grieg. (Atti 16:3) Iċ-ċirkonċiżjoni kienet kwistjoni taʼ deċiżjoni persunali. Pawlu qal lill-Galatin: “La tiswa ċ-ċirkonċiżjoni u lanqas in-nuqqas taʼ ċirkonċiżjoni, imma l-fidi li taħdem permezz taʼ l-imħabba.” (Gal. 5:6) Madankollu, kien ikun ħażin li dak li jkun jagħmel iċ-ċirkonċiżjoni bl-iskop li josserva l-Liġi jew għax jaħseb li hi neċessarja sabiex jikseb l-approvazzjoni taʼ Ġeħova. Dan kien juri nuqqas taʼ fidi.
11. L-anzjani liema parir tawh lil Pawlu, u biex dan isir x’kien se jinvolvi? (Ara wkoll in-nota taʼ taħt.)
11 Għaldaqstant, għalkemm l-għajdut kienu żbaljati, il-kredenti Lhud xorta kienu għadhom imfixklin minħabba fihom. Għal din ir-raġuni, l-anzjani lil Pawlu tawh din id-direzzjoni: “Hemm erbat irġiel magħna li għamlu wegħda. Ħudhom miegħek, tnaddaf b’mod ċerimonjali magħhom, u ħallsilhom l-ispejjeż, ħalli jkunu jistgħu jqaxxrulhom xagħarhom. B’hekk, kulħadd ikun jaf li l-għajdut li semgħu dwarek mhux veru, u li dak li qed tagħmel hu tajjeb u li qed tobdi l-Liġi.” c—Atti 21:23, 24.
12. Pawlu kif wera li kien flessibbli u taʼ kooperazzjoni fil-mod kif wieġeb għall-parir tal-anzjani taʼ Ġerusalemm?
12 Pawlu setaʼ oġġezzjona li l-problema vera ma kinitx l-għajdut dwaru, imma ż-żelu taʼ dawn il-kredenti Lhud għal-Liġi Mosajka. Imma hu kien lest li jkun flessibbli, sakemm ma kienx se jkollu jmur kontra l-prinċipji divini. Qabel, hu kien kiteb: “Għal dawk taħt il-liġi sirt bħal wieħed taħt il-liġi, għalkemm jien innifsi m’iniex taħt il-liġi, biex nirbaħ lil dawk taħt il-liġi.” (1 Kor. 9:20) F’din il-ġrajja, Pawlu kkoopera mal-anzjani taʼ Ġerusalemm u sar “bħal wieħed taħt il-liġi.” Billi għamel hekk, hu ħalla eżempju mill-aħjar għalina llum biex nikkooperaw mal-anzjani u ma ninsistux biex nagħmlu l-affarijiet kif irridu aħna.—Ebr. 13:17.
“Ma Ħaqqux Jibqaʼ Jgħix!” (Atti 21:27–22:30)
13. (a) Xi Lhud għala qalgħu konfużjoni fit-tempju? (b) Pawlu kif ġie salvat?
13 L-affarijiet ma marrux sew fit-tempju. Hekk kif il-ġranet biex jitwettqu l-wegħdi kienu se jintemmu, xi Lhud mill-Asja lemħu lil Pawlu, b’mod falz akkużawh li kien qed idaħħal lill-Ġentili fit-tempju, u qajmu rewwixta. Li kieku ma ndaħalx il-kmandant militari Ruman, Pawlu kien jiġi msawwat għall-mewt. Għaldaqstant, il-kmandant Ruman tefgħu l-ħabs. Minn dakinhar, kienu se jgħaddu iktar minn erbaʼ snin biex Pawlu jerġaʼ jikseb il-libertà tiegħu. U l-periklu immedjat għal Pawlu kien għadu m’għaddiex. Meta l-kmandant staqsa lil-Lhud għala kienu qed jattakkaw lil Pawlu, huma għajtu diversi akkużi. Fil-konfużjoni, il-kmandant ma setaʼ jifhem xejn. Eventwalment, Pawlu kellu jinġarr fiżikament minn hemmhekk. Meta Pawlu u s-suldati Rumani kienu se jidħlu fil-kwartieri tas-suldati, Pawlu qal lill-kmandant: “Nitolbok bil-ħniena biex tħallini nkellem lin-nies.” (Atti 21:39) Il-kmandant tah permess, u Pawlu ssokta jiddefendi l-fidi tiegħu b’kuraġġ.
14, 15. (a) Pawlu xi spjega lil-Lhud? (b) Il-kmandant Ruman liema passi ħa biex isir jaf għala l-Lhud kienu rrabjati?
14 “Isimgħuni hekk kif niddefendi lili nnifsi,” beda Pawlu. (Atti 22:1) Pawlu indirizza lill-folla bl-Ebrajk, u dan ġegħelhom jisimgħu iktar bil-kalma. Hu spjega bla tlaqliq għala issa kien segwaċi taʼ Kristu. Billi għamel hekk, Pawlu bis-sengħa semma punti li l-Lhud, jekk xtaqu, setgħu jivverifikawhom. Pawlu kien studja f’riġlejn il-famuż Gamaljel u kien ippersegwita lis-segwaċi taʼ Kristu, bħalma x’aktarx li kienu jafu xi wħud li kienu preżenti. Madankollu, fi triqtu lejn Damasku, kellu viżjoni tal-Kristu rxoxtat, li fiha kellmu. Sħab Pawlu fl-ivvjaġġar raw dawl qawwi u semgħu leħen, imma ma fehmux il-kliem. (Ara nota taʼ studju bl-Ingliż f’Atti 9:7; 22:9, nwtsty.) Wara dan, sħabu kellhom iwasslu lil Pawlu, li kien għama bil-viżjoni, lejn Damasku. Hemmhekk, Ananija, raġel magħruf mil-Lhud taʼ dak ir-reġjun, b’mod mirakoluż reġaʼ ta l-vista lil Pawlu.
15 Pawlu kompla jirrakkonta li wara li rritorna Ġerusalemm, Ġesù deherlu fit-tempju. F’dan il-waqt, il-Lhud saru aġitati ħafna, u b’rabja bdew jgħajtu: “Oqtluh, għax ma ħaqqux jibqaʼ jgħix!” (Atti 22:22) Biex isalvah, il-kmandant ordna li Pawlu jittieħed fil-kwartieri tas-suldati. Peress li kien determinat li jsir jaf ir-raġuni għala l-Lhud kienu rrabjati għal Pawlu, il-kmandant ordnalu biex ilesti ruħu għall-interrogazzjoni bis-swat. Però, Pawlu ħa vantaġġ mill-protezzjoni legali għad-dispożizzjoni tiegħu u għarrafhom li hu kien ċittadin Ruman. L-aduraturi taʼ Ġeħova llum b’mod simili użaw protezzjonijiet legali disponibbli għalihom biex jiddefendu l-fidi tagħhom. (Ara l-kaxxi “ Il-Liġi Rumana u ċ-Ċittadini Rumani” u “ Battalji Legali taʼ Żmienna.”) Meta sema’ biċ-ċittadinanza Rumana taʼ Pawlu, il-kmandant irrealizza li kien se jkollu jsib mod ieħor biex jikseb iktar informazzjoni. L-għada, ħa lil Pawlu quddiem is-Sinedriju, il-qorti suprema tal-Lhud, li kienet ġiet imlaqqgħa apposta.
“Jien Fariżew” (Atti 23:1-10)
16, 17. (a) Iddeskrivi x’ġara meta Pawlu indirizza lis-Sinedriju. (b) Meta ngħata daqqa, Pawlu kif ħalla eżempju fl-umiltà?
16 Pawlu beda d-difiża tiegħu quddiem is-Sinedriju, billi qal: “Ħuti, għal dan iż-żmien kollu jien għext b’kuxjenza nadifa għalkollox quddiem Alla.” (Atti 23:1) Imma s’hemm wasal. Ir-rakkont jgħid: “Xħin il-qassis il-kbir Ananija semaʼ hekk, hu kkmanda lil dawk li kienu ħdejn Pawlu biex jagħtuh daqqa ġo ħalqu.” (Atti 23:2) X’insult! U kemm kixef il-preġudizzju tagħhom biex jiġġudikaw lil Pawlu bħala giddieb qabel ma nstemgħet xi evidenza! Mhux taʼ b’xejn li Pawlu wieġeb: “Alla għad jagħtik daqqa, ja ħajt imbajjad. Int toqgħod bilqiegħda biex tiġġudikani skont il-Liġi u fl-istess ħin tikser il-Liġi billi tgħidilhom jagħtuni daqqa. Tajjeb hekk allura?”—Atti 23:3.
17 Xi wħud li kienu weqfin ħdejh baqgħu xxokkjati—mhux għall-wieħed li ta d-daqqa lil Pawlu imma għar-reazzjoni taʼ Pawlu! Huma staqsewh: “Int qed tgħajjar lill-qassis il-kbir t’Alla?” Bi tweġiba, Pawlu tahom lezzjoni fl-umiltà u fir-rispett għal-Liġi. Hu qal: “L-aħwa, ma kontx naf li hu l-qassis il-kbir. Għax l-Iskrittura tgħid, ‘Titkellimx ħażin fuq mexxej tal-poplu tiegħek.’” d (Atti 23:4, 5; Eżo. 22:28) Issa Pawlu adotta strateġija differenti. Billi żamm f’moħħu li s-Sinedriju kien magħmul mill-Fariżej u s-Sadduċej, hu qal: “Ħuti, jien Fariżew, u niġi mill-Fariżej. Jien qed niġi ġġudikat għax nemmen li l-mejtin se jiġu rxoxtati.”—Atti 23:6.
18. Pawlu għala sejjaħ lilu nnifsu Fariżew, u aħna kif nistgħu nużaw irraġunar simili f’ċerti ċirkustanzi?
18 Pawlu għala sejjaħ lilu nnifsu Fariżew? Għax hu kien “jiġi mill-Fariżej,” jiġifieri kien ġej minn familja li tappartjeni lil din is-setta. Għalhekk, ħafna xorta kienu jqisuh bħala tali. e Imma Pawlu kif setaʼ jassoċja lilu nnifsu mat-twemmin tal-Fariżej fl-irxoxt? Kif jingħad, il-Fariżej kienu jemmnu li parti mill-bniedem kienet tibqaʼ ħajja meta jmut il-ġisem u li l-erwieħ tan-nies sewwa kienu se jerġgħu jgħixu f’iġsma umani. Pawlu ma kienx jemmen dawn l-ideat. Hu kien jemmen fl-irxoxt bħalma għallmu Ġesù. (Ġw. 5:25-29) Xorta waħda, Pawlu kien jaqbel mal-Fariżej li kien hemm tama taʼ ħajja wara l-mewt—għall-kuntrarju tas-Sadduċej, li ma kinux jemmnu f’ħajja fil-futur. Aħna nistgħu nużaw irraġunar simili meta niddiskutu kwistjonijiet mal-Kattoliċi jew mal-Protestanti. Nistgħu ngħidu li bħalhom, aħna nemmnu f’Alla. Veru, huma għandhom mnejn jemmnu fit-Trinità waqt li aħna nemmnu fl-Alla tal-Bibbja. Xorta waħda, it-tnejn nemmnu li hemm Alla.
19. Il-laqgħa tas-Sinedriju għala spiċċat f’konfużjoni?
19 L-istqarrija taʼ Pawlu firdet lis-Sinedriju. Ir-rakkont jgħid: “Qam storbju sħiħ, u xi wħud mill-iskribi li jappoġġaw lill-Fariżej bdew jargumentaw b’rabja u jgħidu: ‘Aħna ma naraw xejn ħażin f’dan ir-raġel. Min jaf jekk kellmux xi spirtu jew anġlu?’” (Atti 23:9) Is-suġġeriment stess li xi anġlu setaʼ kellem lil Pawlu kien kompletament inaċċettabbli għas-Sadduċej, li ma kinux jemmnu fl-anġli! (Ara l-kaxxa “ Is-Sadduċej u l-Fariżej.”) Il-konfużjoni tant saret kbira li l-kmandant tal-armata Ruman għal darb’oħra salva lill-appostlu. (Atti 23:10) Madankollu, Pawlu kien għadu fil-periklu. Issa, x’se jiġri mill-appostlu? Se nitgħallmu iktar fil-kapitlu li jmiss.
a Ladarba kien hemm għadd kbir taʼ Kristjani Lhud, probabbilment kien hemm ħafna kongregazzjonijiet li kienu jiltaqgħu fid-djar.
b Ftit snin wara, l-appostlu Pawlu kiteb l-ittra tiegħu lill-Ebrej, u fiha wera s-superjorità tal-patt il-ġdid. F’din l-ittra, hu wera b’mod ċar li l-patt il-ġdid ġab fix-xejn il-patt il-qadim. Minbarra li pprovda argumenti konvinċenti li Kristjani Lhud setgħu jużaw biex iwieġbu lil dawk li insistew li l-Liġi Mosajka kienet għadha tgħodd, l-irraġunar qawwi taʼ Pawlu mingħajr dubju saħħaħ il-fidi taʼ xi Kristjani li kienu qed ipoġġu wisq enfasi fuq il-Liġi Mosajka.—Ebr. 8:7-13.
c Xi studjużi jissuġġerixxu li l-irġiel kienu għamlu wegħda Nażirita. (Num. 6:1-21) Veru, il-Liġi Mosajka, li fiha kienet issir wegħda bħal din, ma kinitx għadha tgħodd. Xorta waħda, Pawlu għandu mnejn irraġuna li dawn l-irġiel ma kienu se jagħmlu xejn ħażin jekk iwettqu wegħda li għamlu lil Ġeħova. Għalhekk, ma kien se jagħmel xejn ħażin billi jħallsilhom l-ispejjeż tagħhom u jakkumpanjahom. Ma nafux eżattament liema tip taʼ wegħda kienet involuta, imma kienet x’kienet, huwa improbabbli li Pawlu kien se jappoġġa l-offerta taʼ sagrifiċċju t’annimal (bħalma kienu jagħmlu n-Nażiriti), billi jemmen li kienet se tnaddaf id-dnub tal-irġiel. Issa li kien hemm is-sagrifiċċju perfett taʼ Kristu, sagrifiċċji t’annimali bħal dawn ma kienx għad għandhom valur f’li jpattu għad-dnub. Għamel x’għamel, nistgħu nkunu ċerti li Pawlu ma kienx se jaqbel li jagħmel xi ħaġa li kienet tmur kontra l-kuxjenza tiegħu.
d Xi wħud issuġġerew li Pawlu kellu vista batuta li żammitu milli jagħraf lill-qassis il-kbir. Jew forsi tant kien ilu nieqes minn Ġerusalemm li hu ma setax jidentifika lill-qassis il-kbir taʼ dak iż-żmien. Jew forsi minħabba l-folla, Pawlu sempliċement ma setax jara min kien li ordna li jingħata d-daqqa.
e Fis-sena 49 WK, meta l-appostli u l-anzjani kienu qed jiddiskutu jekk il-Ġentili kellhomx jissottomettu ruħhom għal-Liġi Mosajka, xi wħud fost il-Kristjani preżenti kienu identifikati bħala “wħud li qabel kienu parti mis-setta tal-Fariżej.” (Atti 15:5) Evidentement, dawn il-kredenti xorta kienu għadhom identifikati f’ċertu sens mal-isfond Fariżajku tagħhom.