KAPITLU 26
“Ħadd Minnkom Mhu Se Jmut”
Meta Pawlu jesperjenza nawfraġju, hu juri fidi u mħabba kbira għan-nies
Ibbażat fuq Atti 27:1–28:10
1, 2. Pawlu liema tip taʼ vjaġġ qed jiffaċċja, u dwar xiex għandu mnejn qed jitħasseb?
PAWLU jgħarbel sew il-kliem taʼ Festu, għax se jkollu effett kbir fuq il-futur tiegħu. “La trid tidher quddiem Ċesari, nibagħtek hemm,” kien qal il-Gvernatur Festu. Pawlu qattaʼ sentejn magħluq il-ħabs, u allura l-vjaġġ twil lejn Ruma, għall-inqas, se jkun xi ħaġa differenti. (Atti 25:12) Madankollu, il-bosta memorji ċari taʼ Pawlu taʼ vjaġġi fuq il-baħar jinvolvu ħafna iktar minn xi żiffa rifreskanti u orizzonti mill-isbaħ. Il-prospett taʼ dan il-vjaġġ biex jidher quddiem Ċesari għandu mnejn iqajjem ukoll diversi mistoqsijiet serji f’moħħ Pawlu.
2 Pawlu kien “f’perikli fil-baħar” bosta drabi, kien salva minn tliet nawfraġji, u saħansitra kien qattaʼ ġurnata u lejl f’baħar fond. (2 Kor. 11:25, 26) Barra minn hekk, dan il-vjaġġ se jkun differenti mhux ħażin mill-vjaġġi missjunarji li għamel bħala bniedem ħieles. Pawlu se jivvjaġġa bħala priġunier u fuq distanza immensa—iktar minn 3,000 kilometru minn Ċesarija sa Ruma. Jistaʼ jtemm dan il-vjaġġ qawwi u sħiħ? U jekk isalva, meta jasal Ruma se jingħata s-sentenza għal mewt? Ftakar, hu se jiffaċċja l-ġudizzju tal-iktar qawwa sekulari setgħana fid-dinja taʼ Satana f’dak iż-żmien.
3. X’kienet id-determinazzjoni taʼ Pawlu, u x’se niddiskutu f’dan il-kapitlu?
3 Wara dak kollu li qrajt dwar Pawlu, taħseb li ħassu bla tama u ddisprat minħabba dak li setaʼ jiġrilu? Dażgur li le! Hu kien jaf li quddiemu kien hemm it-tbatijiet, imma ma kienx jaf x’tip taʼ inkwiet kien se jiffaċċja. Għala għandu jitlef il-ferħ li ħass fil-ministeru tiegħu billi jkun ansjuż dwar affarijiet li ma kellux kontroll fuqhom? (Mt. 6:27, 34) Pawlu kien jaf li r-rieda taʼ Ġeħova għalih kienet li juża kull opportunità biex jipprietka l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla, anki lil ħakkiema sekulari. (Atti 9:15) Pawlu kien determinat li jwettaq l-inkarigu tiegħu, jiġri x’jiġri. Mhijiex din id-determinazzjoni tagħna wkoll? Għalhekk, ejja nsegwu lil Pawlu fuq dan il-vjaġġ storiku hekk kif nikkunsidraw kif nistgħu nibbenefikaw mill-eżempju tiegħu.
“Ir-Riħ Kien Kontrina” (Atti 27:1-7a)
4. Pawlu fuq liema tip taʼ bastiment beda l-vjaġġ tiegħu, u min kien qed jivvjaġġa miegħu?
4 Pawlu u xi priġunieri oħrajn ġew fdati f’idejn uffiċjal Ruman jismu Ġulju, li ddeċieda li jitlaʼ abbord vapur tal-merkanzija li kien wasal f’Ċesarija. Il-vapur kien ġie minn Adramitti, port fuq il-kosta tal-Punent tal-Asja Minuri, faċċata tal-belt taʼ Mitilene fuq il-gżira taʼ Lesbos. Dan il-vapur kien se jmur lejn it-Tramuntana u mbagħad lejn il-Punent, u kien se jieqaf biex iħott u jgħabbi t-tagħbija. Bastimenti bħal dawn ma kinux disinjati għall-kumdità tal-passiġġieri, speċjalment mhux għall-priġunieri. (Ara l-kaxxa “ L-Ivvjaġġar fuq il-Baħar u r-Rotot tan-Negozju.”) Fortunatament, Pawlu ma kienx se jkun l-uniku Kristjan fost grupp taʼ kriminali. Minn tal-inqas miegħu kien hemm żewġ imseħbin fit-twemmin—Aristarku u Luqa. M’għandniex xi ngħidu, kien Luqa li kiteb ir-rakkont. Ma nafux jekk dawn iż-żewġ imseħbin leali ħallsux għall-passaġġ tagħhom jew jekk aġixxewx bħala qaddejja taʼ Pawlu.—Atti 27:1, 2.
5. Pawlu liema sħubija setaʼ jgawdi f’Sidon, u x’nitgħallmu minn dan?
5 Wara ġurnata fuq il-baħar u vjaġġ taʼ madwar 110 kilometri lejn it-Tramuntana, il-vapur waqaf f’Sidon, fuq il-kosta Sirjana. Milli jidher Ġulju ma ttrattax lil Pawlu bħala kriminal ordinarju, possibbilment minħabba li Pawlu kien ċittadin Ruman li ma kienx instab ħati. (Atti 22:27, 28; 26:31, 32) Ġulju ħalla lil Pawlu jinżel l-art biex jara lil sħabu l-Kristjani. Min jaf kemm ħadu gost l-aħwa jieħdu ħsieb l-appostlu wara ż-żmien twil li kien għamel il-ħabs! Tistaʼ taħseb f’xi okkażjonijiet meta forsi b’mod simili tkun tistaʼ tipprovdi ospitalità kollha mħabba u mill-banda l-oħra tiġi inkuraġġit?—Atti 27:3.
6-8. Kif kien il-vjaġġ taʼ Pawlu minn Sidon sa Knidu, u Pawlu liema opportunitajiet x’aktarx li ħataf rigward l-ippritkar?
6 Il-vapur telaq minn Sidon u kompla tielaʼ mal-kosta u minn ħdejn iċ-Ċiliċja, viċin Tarsu, il-belt fejn trabba Pawlu. Luqa ma jsemmix waqfiet oħrajn, għalkemm jindika li iktar tard kienu se jkunu fil-periklu meta jgħid “ir-riħ kien kontrina.” (Atti 27:4, 5) Xorta waħda, nistgħu nimmaġinaw lil Pawlu jaħtaf kull opportunità biex jaqsam l-aħbar tajba. Ċertament li hu ta xhieda lill-priġunieri l-oħrajn u lil dawk li kienu abbord, inkluż l-ekwipaġġ u s-suldati, kif ukoll lin-nies fi kwalunkwe port li l-vapur waqaf fih. Illum, nagħmlu użu tajjeb bl-istess mod mill-opportunitajiet li jkollna biex nippritkaw?
7 Maż-żmien, il-vapur wasal Mira, port fuq il-kosta tan-Nofsinhar tal-Asja Minuri. Hemmhekk, Pawlu u oħrajn kellhom jitilgħu fuq bastiment ieħor li kien se jiħodhom Ruma, l-aħħar destinazzjoni tagħhom. (Atti 27:6) F’dawk il-jiem, Ruma kienet tikseb ħafna mill-qamħ tagħha mill-Eġittu, u l-vapuri tal-qamħ Eġizzjani kienu jieqfu f’Mira. Ġulju sab vapur bħal dan u qabbad lis-suldati u lill-priġunieri jitilgħu abbord. Dan il-bastiment żgur li kien ħafna akbar mill-ewwel vapur. Kien qed iġorr tagħbija prezzjuża taʼ qamħ kif ukoll 276 persuna—l-ekwipaġġ, is-suldati, il-priġunieri, u x’aktarx oħrajn sejrin lejn Ruma. B’mod ċar, b’din il-bidla tal-vapuri, it-territorju tal-għoti taʼ xhieda taʼ Pawlu kiber, u bla dubju hu ħa vantaġġ minn din is-sitwazzjoni.
8 Il-waqfa li jmiss kienet Knidu, fuq in-naħa tal-Lbiċ tal-Asja Minuri. Bir-riħ favurihom, vapur setaʼ jkopri din id-distanza f’madwar jum. Madankollu, Luqa jirrapporta li ‘wara li vvjaġġaw b’diffikultà għal ħafna ġranet, waslu Knidu.’ (Atti 27:7a) Il-kundizzjonijiet tal-vjaġġ kienu marru għall-agħar. (Ara l-kaxxa “ L-Irjieħ Kuntrarji tal-Mediterran.”) Aħseb dwar in-nies abbord hekk kif il-vapur tħabat kontra l-irjieħ qawwijin u l-baħar imqalleb ħafna.
“Il-Maltempata Bdiet Titfagħna ’l Hemm u ’l Hawn bis-Saħħa” (Atti 27:7b-26)
9, 10. Liema diffikultajiet qamu fil-viċinanza taʼ Kreta?
9 Il-kaptan tal-vapur ippjana li jibqgħu mexjin lejn il-Punent minn Knidu, imma Luqa li kien preżenti jgħid li ‘ma setgħux jibqgħu sejrin minħabba r-riħ.’ (Atti 27:7b) Hekk kif il-vapur tbiegħed mill-art, tilef il-kurrent tax-xatt, u mbagħad riħ qawwi u kuntrarju mill-Majjistral imbotta lill-vapur lejn in-Nofsinhar, forsi b’ħeffa kbira. Sewwasew bħalma l-gżira taʼ Ċipru iktar qabel kienet ipproteġiet il-bastiment li vvjaġġa mal-kosta mill-irjieħ kuntrarji, din id-darba, il-gżira taʼ Kreta għamlet dan. Xħin il-vapur qabeż il-peniżola taʼ Salmone fin-naħa tal-Lvant taʼ Kreta, l-affarijiet tjiebu xi ftit. Għala? Għax fuq in-naħa tan-Nofsinhar tal-gżira l-vapur ġie għal kenn, allura kien hemm xi ftit protezzjoni kontra l-irjieħ qawwijin. Immaġina s-serħan li żgur li ħassew dawk li kienu abbord—għall-ewwel! Imma dment li l-vapur kien fuq il-baħar, l-ekwipaġġ ma setax jinjora l-fatt li kienet riesqa x-xitwa. Kellhom għalfejn ikunu konċernati.
10 Bi preċiżjoni, Luqa jgħid: “Ivvjaġġajna b’diffikultà max-xatt [taʼ Kreta] wasalna f’post li jgħidulu l-Portijiet is-Sbieħ.” Anki fil-kenn tal-medda art kbira, kien diffiċli biex il-vapur jiġi kontrollat. Però, sa fl-aħħar sabu post fejn jankraw f’bajja żgħira li hu maħsub li qiegħda fir-reġjun eżatt qabel ma l-kosta ddur lejn it-Tramuntana. Kemm damu hemmhekk? Luqa jgħid “ħafna żmien,” imma ż-żmien ma kienx favurihom. F’Settembru/Ottubru, it-tbaħħir kien iktar perikoluż.—Atti 27:8, 9.
11. Pawlu x’parir tahom lil dawk li kienu abbord il-vapur, però x’deċiżjoni ttieħdet?
11 Xi passiġġieri għandhom mnejn talbu l-parir taʼ Pawlu minħabba l-esperjenza tiegħu f’li jivvjaġġa fil-Mediterran. Hu rrikkmanda li l-vapur ma jibqax sejjer. Jekk kien se jkompli, setgħu ‘jitilfu t-tagħbija u l-vapur,’ u kien hemm ċans li jmutu. Madankollu, il-kaptan u sid tal-vapur riedu jkomplu sejrin, forsi għax ħassew li kien urġenti li jsibu post li kien joffri iktar protezzjoni. Huma kkonvinċew lil Ġulju, u l-biċċa l-kbira ħassew li kellhom jipprovaw jilħqu Feniċe, port mal-kosta li kien iktar ’il bogħod. Għandu mnejn kellu port akbar u aħjar fejn setgħu jqattgħu x-xitwa. Għalhekk, meta qamet żiffa ħelwa min-Nofsinhar, li donnha kienet tajba biex ikomplu jivvjaġġaw, il-vapur telaq.—Atti 27:10-13.
12. Wara li telqu minn Kreta, il-vapur iffaċċja liema perikli, u l-ekwipaġġ kif ipprova jevita diżastru?
12 Imbagħad inqalaʼ iktar inkwiet: “riefnu qawwi” mill-Grigal. Għal xi żmien, sabu l-kenn wara “gżira żgħira jisimha Kawda,” xi 65 kilometru mill-Portijiet is-Sbieħ. Xorta waħda, il-vapur kien f’periklu li jitkaxkar lejn in-Nofsinhar sakemm jinkalja fuq ir-ramel taħt wiċċ l-ilma ftit ’il bogħod mill-kosta tal-Afrika. Sabiex ma jiġrix hekk, il-baħrin b’ferħ taʼ ġenn tellgħu d-dgħajsa ż-żgħira li l-vapur kien qed jiġbed warajh. Batew biex jagħmlu dan, għax il-frejgatina x’aktarx li kienet mimlija ilma. Imbagħad tħabtu biex jorbtu l-vapur minn taħt, billi għaddew ħbula jew ktajjen minn taħtu biex il-vapur ma jitkissirx. U niżżlu l-armar, il-qalaʼ tal-Majjistra jew il-ħbula tal-arbli u l-qlugħ, u għamlu sforz biex jgħaddu l-vapur minn ġol-maltempata. Immaġina kemm kienet tal-biżaʼ din l-esperjenza! Saħansitra dawn il-prekawzjonijiet ma kinux biżżejjed, għax ‘il-maltempata bdiet titfagħna ’l hemm u ’l hawn bis-saħħa.’ Fit-tielet jum, irmew il-ħbula li jtellgħu l-qlugħ tal-vapur, x’aktarx biex iżommu l-vapur milli jegħreq.—Atti 27:14-19.
13. Kif kienet il-ħajja taʼ Pawlu fuq il-vapur matul il-maltempata?
13 Bilfors li kienu mwerwrin. Imma Pawlu u sħabu għamlu l-kuraġġ. Iktar qabel il-Mulej kien assigura lil Pawlu li l-appostlu kien se jagħti xhieda f’Ruma, u iktar tard anġlu kkonferma din il-wegħda. (Atti 19:21; 23:11) Minkejja dan, lejl u nhar għal ħmistax sħaħ, il-maltempata qalila ma waqfitx. Minħabba x-xita kontinwa u s-sħab magħqud, ix-xemx u l-kwiekeb ma dehrux, u l-kaptan ma setax jiddetermina fejn kienu jew lejn liema direzzjoni kienu mexjin. Lanqas ma kien possibbli li jkollhom ikla. Kif setaʼ xi ħadd jaħseb dwar l-ikel meta tqis il-ksieħ, ix-xita, id-deni minħabba l-baħar, u l-biżaʼ?
14, 15. (a) Pawlu għala semma t-twissija li kien tahom qabel meta kellem lil sħabu fuq il-vapur? (b) X’nistgħu nitgħallmu mill-messaġġ taʼ tama li wassal Pawlu?
14 Pawlu qam bilwieqfa. Semma t-twissija li kien tahom qabel, imma mhux biex jgħidilhom li kellu raġun. Minflok, il-ġrajjiet reċenti kienu prova li kliemu kien taʼ min jagħti kasu. Imbagħad qal: “Inħeġġiġkom biex tagħmlu l-kuraġġ, għax ħadd minnkom mhu se jmut, il-vapur biss se jitkisser.” (Atti 27:21, 22) Min jaf kemm dan il-kliem farraġ lis-semmiegħa tiegħu! Ukoll, Pawlu żgur li kien kuntent ħafna li Ġeħova kien tah messaġġ daqstant taʼ tama biex jgħidu lil dawk taʼ fuq il-vapur. Huwa vitali li niftakru li Ġeħova jinteressah minn kull ħajja umana. Kull individwu hu importanti f’għajnejh. L-appostlu Pietru kiteb: “Ġeħova . . . ma jixtieqx li xi ħadd jinqered imma jixtieq li kulħadd jasal għall-indiema.” (2 Pt. 3:9) Għaldaqstant, kemm hu urġenti li aħna nistinkaw biex naqsmu l-messaġġ taʼ tama taʼ Ġeħova maʼ kemm jistaʼ jkun nies possibbli! Hemm ħajjiet prezzjużi fin-nofs.
15 Pawlu x’aktarx li kien ta xhieda lil ħafna fuq il-vapur dwar “it-tama li Alla se jagħmel dak li wiegħed.” (Atti 26:6; Kol. 1:5) Issa, li probabbilment kienu se jġarrbu nawfraġju, Pawlu setaʼ joffri bażi qawwija għal tama iktar immedjata. Hu qal: “Dan il-lejl ġie ħdejja anġlu tal-Alla li jien inqim . . . , u qalli, ‘Tibżax Pawlu. Int se tidher quddiem Ċesari, u Alla se jsalva lil dawk kollha li qegħdin fuq il-vapur miegħek.’” Pawlu ħeġġiġhom: “Għalhekk, agħmlu kuraġġ, għax jien nemmen li Alla se jagħmel eżatt bħalma qalli l-anġlu. Madankollu, il-vapur se jitkisser u aħna se nispiċċaw fuq gżira.”—Atti 27:23-26.
Atti 27:27-44)
“Waslu Kollha Qawwijin u Sħaħ Fuq L-Art” (16, 17. (a) Pawlu liema okkażjoni ħa biex jitlob, u b’liema effett? (b) It-twissija taʼ Pawlu kif twettqet?
16 Wara ħmistax tal-waħx, li matulhom il-vapur inġarr xi 870 kilometru, il-baħrin ħassew li kien hemm bidla, forsi għax semgħu l-mewġ jinkiser fuq il-blat. Tefgħu l-ankri minn wara biex ma jinġarrux mal-kurrent u biex jidderieġu l-parti taʼ quddiem lejn l-art fil-każ li setgħu jinkaljaw il-vapur fuq ix-xatt. F’dan il-waqt, ipprovaw jinżlu mill-vapur, imma s-suldati ma ħallewhomx. Pawlu qal lill-uffiċjal tal-armata u lis-suldati: “Ma tistgħux tiġu salvati jekk dawn l-irġiel jitilqu minn fuq il-vapur.” Issa peress li l-vapur kien ftit iktar stabbli, Pawlu ħeġġeġ lil kulħadd biex jieħu xi ħaġa tal-ikel, u reġaʼ assigurahom li kienu se jsalvaw. Pawlu mbagħad “irringrazzja lil Alla quddiemhom.” (Atti 27:31, 35) Billi offra din it-talba kollha apprezzament, hu ħalla eżempju għal Luqa, Aristarku, u l-Kristjani llum. It-talb pubbliku tiegħek, huwa sors taʼ inkuraġġiment u faraġ għal oħrajn?
17 Wara t-talba taʼ Pawlu, “għamlu l-kuraġġ u bdew jieklu.” (Atti 27:36) Komplew iħaffu l-vapur billi tefgħu t-tagħbija tal-qamħ il-baħar, u b’hekk il-vapur setaʼ jżomm iktar fil-wiċċ għal meta jersaq lejn ix-xatt. Meta sebaħ, il-membri tal-ekwipaġġ qatgħu l-ankri, ħallew l-irbit tat-tmun, u tellgħu l-qlugħ taʼ quddiem sabiex ikunu jistgħu jidderieġu ftit il-vapur hekk kif jinkaljawh. Imbagħad in-naħa taʼ quddiem tal-vapur weħlet, forsi fuq medda ramel jew fit-tajn, u l-parti taʼ wara bdiet titfarrak biċċiet bil-mewġ qawwi. Xi suldati riedu joqtlu lill-priġunieri sabiex ħadd minnhom ma jaħrab, imma Ġulju ħa passi biex dan ma jsirx. Hu ħeġġeġ lil kulħadd biex jgħum jew biex jintelaq mal-kurrent lejn ix-xatt. Dak li kien bassar Pawlu seħħ—il-276 ruħ kollha salvaw. Iva, “waslu kollha qawwijin u sħaħ fuq l-art.” Imma fejn kienu?—Atti 27:44.
“Kienu Vera Qalbhom Tajba Magħna” (Atti 28:1-10)
18-20. In-nies taʼ Malta kif urew li “kienu vera qalbhom tajba,” u Alla liema miraklu wettaq permezz taʼ Pawlu?
18 Ġara li dawk li salvaw kienu fuq il-gżira taʼ Malta, lejn in-Nofsinhar taʼ Sqallija. (Ara l-kaxxa “ Malta—Fejn?”) In-nies tal-gżira li kienu jitkellmu b’lingwa barranija “kienu vera qalbhom tajba magħna.” (Atti 28:2) Qabbdu n-nar għal dawn l-istranġieri li kienu waslu fuq ix-xatt tagħhom imxarrbin għasra u jirtogħdu bil-bard. In-nar għenhom jisħnu minkejja l-ksieħ u x-xita. Kien ukoll il-kaġun taʼ miraklu.
19 Pawlu ried jagħti daqqa t’id, u allura ġabar xi ħatab li tefaʼ fin-nar. Hekk kif għamel dan, ħarġet lifgħa velenuża u gidmitu, u baqgħet imqabbda maʼ idu. Il-Maltin ħasbu li dan kien xi tip taʼ kastig divin. a
20 In-nies tal-lokal li raw lil Pawlu jiġi migdum ħasbu li kien se “jintefaħ”b’infjammazzjoni. Skont xogħol taʼ referenza, il-kelma bil-lingwa oriġinali li nsibu hawnhekk hi “terminu mediku.” Mhix sorpriża li espressjoni bħal din setgħet ġiet faċilment f’moħħ “Luqa, it-tabib maħbub.” (Atti 28:6; Kol. 4:14) Kien x’kien il-każ, Pawlu farfar is-serp velenuż u ma ġarrab ebda ħsara.
21. (a) X’inhuma xi eżempji taʼ stqarrijiet eżatti, jew preċiżi, li nsibu f’din il-parti mir-rakkont taʼ Luqa? (b) Pawlu liema mirakli wettaq, u liema effett kellhom fuq in-nies Maltin?
21 Publiju, li kien sinjur u sid taʼ ħafna artijiet, kien jgħix fl-inħawi. Għandu mnejn kien l-uffiċjal Ruman ewlieni f’Malta. Luqa ddeskrivieh bħala “l-mexxej tal-gżira,” it-titlu eżatt li nstab fuq żewġ iskrizzjonijiet Maltin. Bl-ospitalità laqaʼ lil Pawlu u lil sħabu għal tlett ijiem. Madankollu, missier Publiju kien marid. Luqa reġaʼ ddeskriva kundizzjoni bl-eżattezza. Hu kiteb li r-raġel “kien marid fis-sodda bid-deni u bid-disenterija,” billi semma n-natura medika preċiża tal-marda. Pawlu talab u poġġa jdejh fuq ir-raġel, u dan fieq. Impressjonati għall-aħħar minn dan il-miraklu, in-nies tal-lokal ġabu wħud morda oħrajn biex jiġu mfejqin, u ġabu għotjiet biex jissodisfaw il-bżonnijiet taʼ Pawlu u sħabu.—Atti 28:7-10.
22. (a) Wieħed professur kif faħħar ir-rakkont taʼ Luqa dwar il-vjaġġ lejn Ruma? (b) X’se nikkunsidraw fil-kapitlu li jmiss?
22 Il-parti mill-vjaġġ taʼ Pawlu li kkunsidrajna s’issa hi eżatta ħafna. Wieħed professur qal: “Ir-rakkont taʼ Luqa . . . jispikka bħala wieħed mill-iktar kitbiet vivaċi u deskrittivi fil-Bibbja kollha kemm hi. Id-dettalji tiegħu rigward l-ivvjaġġar tal-ewwel seklu tant huma preċiżi u d-deskrizzjoni tiegħu tal-kundizzjonijiet fuq il-Mediterran tal-Lvant tant hi eżatta” li bilfors li kienu bbażati fuq ġurnal bil-miktub. Luqa għandu mnejn kiteb dawn in-noti hekk kif ivvjaġġa mal-appostlu. Jekk inhu hekk, il-parti li kien imiss tal-vjaġġ ukoll tatu ħafna dwar xiex jikteb. X’kien se jiġrilu Pawlu meta sa fl-aħħar waslu Ruma? Ejja naraw.
a Il-fatt li n-nies kienu jafu b’dawn is-sriep jindika li l-lifgħat velenużi eżistew fuq il-gżira lura dak iż-żmien. Fi żminijiet moderni, m’hemmx lifgħat velenużi f’Malta. Din id-differenza forsi hi r-riżultat taʼ bidliet fl-ambjent matul is-sekli. Jew il-lifgħat velenużi forsi nqerdu minħabba ż-żieda fil-popolazzjoni tal-bnedmin fuq il-gżira.