KAPITLU 27
“Jagħtihom Xhieda fid-Dettall”
Priġunier f’Ruma, Pawlu jkompli jipprietka
Ibbażat fuq Atti 28:11-31
1. Pawlu u sħabu liema fiduċja għandhom, u għala?
BASTIMENT li fuq quddiem għandu statwa tat-tfal taʼ Żews, x’aktarx li jġorr ħafna qmuħ, sejjer mill-gżira Mediterranja taʼ Malta lejn l-Italja. Is-sena hi madwar 59 WK. Abbord hemm l-appostlu Pawlu—priġunier skortat minn gwardja—u sħabu l-Kristjani Luqa u Aristarku. (Atti 27:2) Kuntrarju għall-ekwipaġġ tal-vapur, dawn l-evanġelizzaturi ma qed ifittxu ebda protezzjoni mingħand it-tfal tal-alla Grieg Żews—it-tewmin Kastor u Polluks. (Ara nota taʼ studju bl-Ingliż f’Atti 28:11, nwtsty.) Minflok, Pawlu u sħabu jaqdu lil Ġeħova, li kien stqarr li Pawlu kien se jagħti xhieda tal-verità f’Ruma u jidher quddiem Ċesari.—Atti 23:11; 27:24.
2, 3. Il-vapur li kien fuqu Pawlu liema rotta jieħu, u Pawlu liema appoġġ gawda sa mill-bidu?
2 Tlett ijiem wara li jasal Sirakuża, belt sabiħa fi Sqallija kważi importanti daqs Ateni u Ruma, il-vapur imur lejn Reġġju, fin-Nofsinhar tal-Italja. Imbagħad, bl-għajnuna taʼ riħ min-Nofsinhar, il-bastiment jagħmel vjaġġ taʼ 320 kilometru lejn il-port Taljan taʼ Putijoli (viċin Napli tal-lum) iktar malajr mis-soltu, u jasal fit-tieni jum.—Atti 28:12, 13.
3 Pawlu issa qiegħed fl-aħħar parti tal-vjaġġ tiegħu lejn Ruma, fejn se jidher quddiem l-Imperatur Neruni. Mill-bidu sal-aħħar, “l-Alla taʼ kull faraġ” kien maʼ Pawlu. (2 Kor. 1:3) Bħalma se naraw, dan l-appoġġ ma jonqosx; Pawlu lanqas ma jitlef iż-żelu tiegħu bħala missjunarju.
“Pawlu . . . Irringrazzja lil Alla u Għamel Kuraġġ” (Atti 28:14, 15)
4, 5. (a) F’Putijoli, Pawlu u sħabu liema ospitalità rċivew, u għala għandu mnejn ngħata daqstant libertà? (b) Saħansitra meta jkunu l-ħabs, il-Kristjani kif jistgħu jibbenefikaw mill-kondotta tajba tagħhom?
4 F’Putijoli, Pawlu u sħabu ‘sabu aħwa li ħeġġewhom biex jibqgħu magħhom sebat ijiem.’ (Atti 28:14) X’eżempju mill-aħjar tal-ospitalità Kristjana! Dawn l-aħwa ospitabbli x’aktarx li kisbu benefiċċju kbir mill-inkuraġġiment spiritwali li rċivew mingħand Pawlu u sħabu. Imma priġunier mgħasses għala ngħata daqstant libertà? Possibbilment minħabba li l-appostlu kiseb il-fiduċja sħiħa tal-gwardji Rumani tiegħu.
5 Bl-istess mod illum, il-qaddejja taʼ Ġeħova, waqt li jkunu f’ħabsijiet u f’kampijiet taʼ konċentrament, spiss ngħataw libertajiet u privileġġi speċjali minħabba l-kondotta Kristjana tagħhom. Pereżempju, fir-Rumanija, raġel li kien qed jiskonta sentenza taʼ 75 sena minħabba serq beda jistudja l-Kelma t’Alla u għamel bidliet drastiċi fil-personalità tiegħu. Minħabba f’hekk, l-uħud li jgħassu l-ħabs ippremjawh billi ħallewh imur il-belt—mingħajr għassa—biex jixtri xi affarijiet għall-ħabs! M’għandniex xi ngħidu, fuq kollox il-kondotta tajba tagħna tigglorifika lil Ġeħova.—1 Pt. 2:12.
6, 7. L-aħwa minn Ruma kif urew imħabba straordinarja?
6 Minn Putijoli, Pawlu u sħabu x’aktarx li mxew xi 50 kilometru lejn Capua fit-Triq t’Appju, li kienet tagħti għal Ruma. Din it-triq famuża, li kienet ċangjata bi blokki kbar u ċatti tal-lava, kienet toffri veduti mill-isbaħ tal-kampanja Taljana u, f’ċertu postijiet matul it-triq, tal-Baħar Mediterran. It-triq kienet tgħaddi wkoll minn post imsejjaħ il-Pontine Marshes li fih għadajjar imtajna, madwar 60 kilometru ’l bogħod minn Ruma, fejn kien hemm is-Suq t’Appju. Meta l-aħwa f’Ruma “semgħu li konna sejrin hemmhekk,” kiteb Luqa, xi wħud marru sa ħdejn is-Suq t’Appju, waqt li oħrajn stennew fit-Tliet Taverni, post taʼ mistrieħ xi 50 kilometru minn Ruma. Xi mħabba straordinarja!—Atti 28:15.
7 Is-Suq t’Appju ma kienx post taʼ mistrieħ komdu għall-vjaġġaturi li kienu għajjenin. Il-poeta u kittieb Ruman Orazju jiddeskrivi s-Suq bħala li kien “iffollat bil-baħrin u b’sidien tal-lukandi żorri.” Hu kiteb li “l-ilma kien taʼ kwalità ħażina ħafna,” jew maħmuġ. U hu saħansitra rrifjuta li jiekol hemmhekk! Madankollu, minkejja l-iskumditajiet kollha, il-grupp t’aħwa minn Ruma b’ferħ kienu qed jistennew lil Pawlu u lil sħabu sabiex iwassluhom qawwijin u sħaħ matul l-aħħar parti tal-vjaġġ tagħhom.
8. Pawlu għala irringrazzja lil Alla ‘malli rahom’ lil ħutu?
8 “Meta Pawlu rahom” lil ħutu, ir-rakkont jgħid li “irringrazzja lil Alla u għamel kuraġġ.” (Atti 28:15) Iva, is-sempliċi fatt li ra lil għeżież ħutu, li xi wħud minnhom l-appostlu forsi kien jafhom personalment, saħħu u farrġu. Pawlu għala irringrazzja lil Alla? Hu kien jaf li mħabba mhix egoistika hija aspett mill-frott tal-ispirtu. (Gal. 5:22) Illum, ukoll, l-ispirtu qaddis iqanqal lill-Kristjani biex jagħmlu sagrifiċċji għan-nom t’oħrajn u biex ifarrġu lil dawk fil-bżonn.—1 Tess. 5:11, 14.
9. Kif nistgħu nimitaw lill-aħwa li ltaqgħu maʼ Pawlu?
9 Pereżempju, l-ispirtu qaddis iqanqal lill-aħwa ospitabbli biex jieħdu ħsieb il-bżonnijiet tal-indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet, missjunarji, u qaddejja oħrajn full-time, li ħafna minnhom għamlu sagrifiċċji kbar sabiex jaqdu lil Ġeħova iktar bis-sħiħ. Staqsi lilek innifsek: ‘Nistaʼ nagħmel iktar biex nappoġġa ż-żjara tal-indokratur li jżuru l-kongregazzjonijiet, forsi billi nuri ospitalità miegħu u maʼ martu jekk miżżewweġ? Nistaʼ niftiehem biex naħdem magħhom fil-ministeru?’ Taʼ dan tistaʼ tirċievi barka kbira. Pereżempju, immaġina l-ferħ li ħassew l-aħwa taʼ Ruma hekk kif semgħu lil Pawlu u lil sħabu jirrakkontaw xi ftit mill-ħafna esperjenzi inkuraġġanti tagħhom.—Atti 15:3, 4.
“Kullimkien Jitkellmu Kontriha” (Atti 28:16-22)
10. X’kienu ċ-ċirkustanzi taʼ Pawlu f’Ruma, u l-appostlu x’għamel ftit wara li wasal?
10 Meta finalment il-grupp taʼ vjaġġaturi daħal Ruma, “Pawlu tħalla joqgħod f’dar waħdu b’suldat għassa miegħu.” (Atti 28:16) Sabiex dawk li kienu arrestati fid-djar ma jaħarbux, kienu jiġu marbutin b’katina mal-gwardja tagħhom. Minkejja dan, Pawlu kien proklamatur tas-Saltna, u ċertament li katina ma kinitx se ssikktu. Għalhekk, wara li ħa biss tlett ijiem biex jirkupra mill-vjaġġ, hu sejjaħ flimkien lill-kbarat tal-Lhud f’Ruma sabiex jintroduċi lilu nnifsu u jagħti xhieda.
11, 12. Meta kellem lil sħabu l-Lhud, Pawlu kif ipprova jegħleb kwalunkwe preġudizzju li setaʼ kellhom?
11 “Ħuti,” qal Pawlu, “għalkemm m’għamilt xejn kontra dan il-poplu jew kontra d-drawwiet taʼ missirijietna, jien ġejt arrestat f’Ġerusalemm u ngħatajt f’idejn ir-Rumani. Wara li interrogawni, huma riedu jeħilsuni, għax ma kienx hemm raġuni biex joqtluni. Imma meta l-Lhud oġġezzjonaw, jien kelli nitlob biex niġi quddiem Ċesari, però jien m’għamiltx hekk għax kelli xi akkuża kontra l-poplu tiegħi.”—Atti 28:17-19.
12 Billi indirizza lis-semmiegħa Lhud tiegħu bħala “ħuti,” Pawlu pprova jistabbilixxi bażi komuni magħhom u jegħleb kwalunkwe preġudizzju li setaʼ kellhom. (1 Kor. 9:20) Ukoll, għamilha ċara li hu ma kienx hemmhekk biex jipponta subgħajh lejn sħabu l-Lhud, imma biex jappella għal quddiem Ċesari. Madankollu, din kienet l-ewwel darba li l-komunità lokali Lhudija semgħet dwar l-appell taʼ Pawlu. (Atti 28:21) Għala jidher li kien hemm nuqqas taʼ komunikazzjoni min-naħa tal-Lhud fil-Lhudija? Xogħol wieħed taʼ referenza jgħid: “Il-vapur taʼ Pawlu żgur li kien fost l-ewwel li waslu fl-Italja wara x-xitwa, u ma jistax ikun li kienu waslu xi rappreżentanti tal-awtoritajiet tal-Lhud minn Ġerusalemm jew xi ittra dwar il-każ.”
13, 14. Pawlu kif introduċa t-tema tas-Saltna, u aħna kif nistgħu nimitaw l-eżempju tiegħu?
13 Pawlu issa introduċa t-tema tas-Saltna bi stqarrija li żgur li kienet se tqanqal il-kurżità tal-mistidnin Lhud tiegħu. Hu qal: “Jien tlabt biex narakom u nitkellem magħkom, għax jien marbut b’din il-katina minħabba dak li Iżrael qed jittama għalih.” (Atti 28:20) Naturalment, din it-tama ma setgħetx teżisti mingħajr il-Messija u s-Saltna tiegħu, bħalma kienet qed tiġi proklamata mill-kongregazzjoni Kristjana. “Nixtiequ nisimgħu x’taħseb int,” wieġbu x-xjuħ Lhud, “għax dwar din is-setta kulma nafu hu li kullimkien jitkellmu kontriha.”—Atti 28:22.
14 Meta jkollna l-opportunità naqsmu l-aħbar tajba, nistgħu nimitaw lil Pawlu billi nużaw stqarrijiet jew mistoqsijiet li jqanqlu l-ħsieb biex inqajmu l-interess tas-semmiegħa tagħna. Suġġerimenti tajbin ħafna jistgħu jinstabu f’pubblikazzjonijiet bħall-ktejjeb Kif Nibdew u Nkomplu Diskussjonijiet Fuq Il-Bibbja, l-ktieb Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku, u l-browxer Irsisti fil-qari u t-tagħlim. Qed tagħmel użu tajjeb minn dawn l-għajnuniet għall-istudju tal-Bibbja?
“Jagħtihom Xhieda fid-Dettall”—Mudell Għalina (Atti 28:23-29)
15. Liema erbaʼ affarijiet jispikkaw rigward ix-xhieda taʼ Pawlu?
15 Pawlu rranġa biex jiltaqaʼ ġurnata oħra mal-Lhud, “u marru iktar nies għandu minn qabel.” Pawlu spjegalhom xi kwistjonijiet billi “minn filgħodu sa filgħaxija, hu kien . . . jagħtihom xhieda fid-dettall dwar is-Saltna t’Alla biex jipprova jikkonvinċihom dwar Ġesù kemm mil-Liġi taʼ Mosè u kemm mill-kitbiet tal-profeti.” (Atti 28:23) Jispikkaw erbaʼ affarijiet fix-xhieda taʼ Pawlu. L-ewwel, hu ffoka fuq is-Saltna t’Alla. It-tieni, ipprova jilħaq lis-semmiegħa tiegħu “biex jipprova jikkonvinċihom.” It-tielet, irraġuna mill-Iskrittura. Ir-rabaʼ, wera li kien lest li jagħmel sagrifiċċji persunali, billi ta xhieda “minn filgħodu sa filgħaxija.” X’eżempju mill-aħjar għalina! X’kien ir-riżultat? “Kien hemm min emmen,” filwaqt li oħrajn le. Dan wassal għal nuqqas taʼ qbil, u n-nies “bdew jitilqu,” jirrapporta Luqa.—Atti 28:24, 25a.
16-18. Ir-respons negattiv tal-Lhud taʼ Ruma għala ma kienx taʼ sorpriża għal Pawlu, u kif għandna nħossuna meta l-messaġġ tagħna jiġi miċħud?
16 Pawlu ma kienx sorpriż bir-reazzjoni tal-Lhud; kien diġà ra din ir-reazzjoni qabel u kienet imbassra fil-profezija tal-Bibbja. (Atti 13:42-47; 18:5, 6; 19:8, 9) Għalhekk, lill-mistidnin tiegħu li qalbhom ma tqanqlitx u li kienu sejrin, Pawlu qalilhom: “L-ispirtu qaddis sewwa qal lill-antenati tagħkom permezz tal-profeta Isaija. Dan qal, ‘Mur għand dan il-poplu u għidilhom: “Għalkemm tisimgħu m’intomx se tifhmu, u għalkemm tħarsu m’intomx se taraw. Għax dan il-poplu rasu iebsa.”’” (Atti 28:25b-27) It-terminu tradott “rasu iebsa” fil-lingwa oriġinali jindika qalb li “bbieset,” jew “ħxienet,” u b’hekk il-messaġġ tas-Saltna ma tħalliex jippenetraha. X’sitwazzjoni traġika!
17 Kuntrarju għas-semmiegħa Lhud tiegħu, ‘il-popli żgur se jisimgħu,’ ikkonkluda Pawlu. (Atti 28:28; Salm 67:2; Is. 11:10) Tabilħaqq, l-appostlu kien ċert li dan hu minnu, għax personalment kien ra ħafna Ġentili jwieġbu b’mod favorevoli għall-messaġġ tas-Saltna!—Atti 13:48; 14:27.
18 Bħal Pawlu, ejja ma niħdux għalina meta n-nies jiċħdu l-aħbar tajba. Wara kollox, aħna nafu li l-maġġuranza tan-nies jistgħu ma jsibux it-triq tal-ħajja. (Mt. 7:13, 14) Iktar minn hekk, meta wħud li għandhom attitudni xierqa jieħdu waqfa favur il-qima vera, ejja nifirħu u nilqgħuhom mill-qalb.—Lq. 15:7.
Atti 28:30, 31)
“Jippritkalhom Dwar is-Saltna t’Alla” (19. Pawlu kif għamel użu tajjeb miċ-ċirkustanzi tiegħu?
19 Luqa jikkonkludi r-rakkont tiegħu fuq nota verament pożittiva u taʼ mħabba billi qal: “[Pawlu] baqaʼ fid-dar li kera sentejn sħaħ, u kien jilqaʼ mill-qalb lil dawk kollha li kienu jmorru għandu. Hu kien jippritkalhom dwar is-Saltna t’Alla u jgħallem dwar il-Mulej Ġesù Kristu bl-akbar libertà tal-kelma u bla tfixkil.” (Atti 28:30, 31) X’eżempju mill-aqwa t’ospitalità, fidi, u żelu!
20, 21. Semmi xi eżempji taʼ dawk li bbenefikaw mill-ministeru taʼ Pawlu f’Ruma.
20 Wieħed minn dawk li Pawlu laqaʼ b’qalb tajba kien raġel jismu Oneżimu, ilsir li kien ħarab minn Kolossi. Pawlu għen lil Oneżimu jsir Kristjan, u Oneżimu, min-naħa tiegħu, sar ‘ħu maħbub u leali’ għal Pawlu. Fil-fatt, Pawlu ddeskrivieh bil-kliem “ibni, li sirt missieru.” (Kol. 4:9; Flm. 10-12) Min jaf kemm Oneżimu inkuraġġixxa lil Pawlu! a
21 Oħrajn ukoll ibbenefikaw mill-eżempju tajjeb taʼ Pawlu. Lill-Filippin, hu kitbilhom: “Dak li ġrali rriżulta fl-avanz taʼ l-aħbar tajba minflok il-kontra, għax l-irbit tiegħi fi sħubija maʼ Kristu sar jaf bih kulħadd fost il-Gwardja Pretorjana u l-oħrajn kollha; u l-biċċa l-kbira mill-aħwa fil-Mulej, billi jħossuhom fiduċjużi minħabba l-irbit tiegħi fil-ħabs, qed juru iktar u iktar kuraġġ biex jitkellmu l-kelma t’Alla bla biżaʼ.”—Flp. 1:12-14.
22. Pawlu kif ħa vantaġġ mis-sitwazzjoni tiegħu?
22 Pawlu ħa vantaġġ mis-sitwazzjoni tiegħu billi kiteb ittri importanti li issa huma parti mill-Iskrittura Griega Kristjana. b Hu kitibhom għall-Kristjani tal-ewwel seklu, u dawn l-ittri għenuhom ħafna. L-ittri taʼ Pawlu jgħinu lilna wkoll, għax dak li kiteb għadu jgħodd għal-lum il-ġurnata.—2 Tim. 3:16, 17.
23, 24. Bħal Pawlu, ħafna Kristjani taʼ żmienna kif urew attitudni pożittiva minkejja li ġew mitfugħin il-ħabs b’mod inġust?
23 Sa żmien il-ħelsien tiegħu, li ma jissemmiex fl-Atti, Pawlu kien ilu arrestat erbaʼ snin—sentejn f’Ċesarija u sentejn f’Ruma. c (Atti 23:35; 24:27) Imma hu żamm attitudni pożittiva, u għamel kulma setaʼ fis-servizz t’Alla. Bl-istess mod, ħafna mill-qaddejja taʼ Ġeħova llum, għalkemm ġew mitfugħin il-ħabs b’mod inġust minħabba l-fidi tagħhom, baqgħu ferħanin u komplew jippritkaw. Ikkunsidra l-eżempju t’Adolfo, li ġie mitfugħ il-ħabs fi Spanja minħabba n-newtralità Kristjana tiegħu. “Tiskantana int,” qal uffiċjal. “Għamilnielek ħajtek miżerja, u iktar m’għamilnihielek diffiċli, int iktar tbissimt u tkellimt bil-ħlewwa.”
24 Maż-żmien, Adolfo ġie fdat sal-punt li l-bieb taċ-ċella tiegħu kien jitħalla miftuħ. Xi suldati kienu jmorru jżuruh biex jistaqsuh dwar il-Bibbja. Wieħed mill-gwardji saħansitra kien imur fiċ-ċella t’Adolfo biex jaqra l-Bibbja, waqt li Adolfo kien joqgħod għassa. B’hekk, il-priġunier “għasses” lill-gwardja! Jalla l-eżempju mill-aħjar taʼ Xhieda leali bħal dan iqanqalna nuru ‘iktar u iktar kuraġġ biex nitkellmu l-kelma t’Alla bla biża’,’ saħansitra f’ċirkustanzi diffiċli.
25, 26. Fi ftit inqas minn 30 sena, Pawlu liema profezija tal-għaġeb raha titwettaq, u dan kif jitqabbel maʼ żmienna?
25 Appostlu taʼ Kristu arrestat f’daru ‘jipprietka dwar is-Saltna t’Alla’ lil kull min kien iżuru—x’konklużjoni li tqawwi l-qalb għall-ktieb dinamiku tal-Atti! Fl-ewwel kapitlu qrajna l-inkarigu li Ġesù ta lis-segwaċi tiegħu meta qal: “Intom se tirċievu l-qawwa meta l-ispirtu qaddis jiġi fuqkom u se tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm, fil-Lhudija kollha, fis-Samarija, u fl-art kollha.” (Atti 1:8) Issa, inqas minn 30 sena wara, il-messaġġ tas-Saltna kien ġie pritkat “fil-ħolqien kollu li hu taħt is-sema.” d (Kol. 1:23) X’testimonjanza għall-qawwa tal-ispirtu t’Alla!—Żak. 4:6.
26 Illum, l-istess spirtu ta l-qawwa lill-fdal taʼ ħut Kristu, flimkien maʼ sħabhom in-“nagħaġ oħra,” biex ikomplu jagħtu “xhieda fid-dettall dwar is-Saltna t’Alla” f’240 pajjiż! (Ġw. 10:16; Atti 28:23) Qiegħed int ikollok sehem sħiħ f’dan ix-xogħol?
a Pawlu ried iżomm lil Oneżimu hemmhekk miegħu, imma b’hekk kien jikser il-liġi Rumana u jmur kontra d-drittijiet taʼ sid Oneżimu, il-Kristjan Filemon. Għalhekk, Oneżimu mar lura għand Filemon, u miegħu ħa ittra mingħand Pawlu li inkuraġġiet lil Filemon biex jilqaʼ lill-ilsir tiegħu b’qalb tajba, bħala ħu spiritwali.—Flm. 13-19.
b Ara l-kaxxa “ Il-Ħames Ittri li Kiteb Pawlu Meta Kien il-Ħabs f’Ruma.”
c Ara l-kaxxa “ Il-Ħajja taʼ Pawlu Wara s-Sena 61 WK”
d Ara l-kaxxa “ L-Aħbar Tajba ‘Pridkata fil-Ħolqien Kollu.’”