Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 9

“Alla Jqis lil Kulħadd l-Istess”

“Alla Jqis lil Kulħadd l-Istess”

Il-Kristjani jibdew jippritkaw lill-Ġentili mhux ċirkonċiżi

Ibbażat fuq Atti 10:1–11:30

1-3. Pietru liema viżjoni jingħata, u għala għandna bżonn nifhmu s-sinifikat tagħha?

 HI S-SENA 36 wara Kristu (WK) Pietru jħoss is-sħana tax-xemx tal-ħarifa hekk kif qed jitlob fuq bejt taʼ dar ħdejn il-baħar fil-belt taʼ Ġaffa li għandha port. Issa ilu ftit jiem mistieden f’din id-dar. Il-fatt li hu lest li joqgħod hawnhekk, sa ċertu punt, juri li għandu attitudni mhix preġudikata. Is-sid, ċertu Xmun, għandu s-sengħa taʼ konzatur, u mhux kull Lhudi kien se joqgħod maʼ raġel bħal dan. a Minkejja dan, Pietru dalwaqt se jitgħallem lezzjoni vitali rigward l-imparzjalità taʼ Ġeħova.

2 Waqt li Pietru qed jitlob, hu jintilef f’estasi. Dak li jara f’viżjoni kieku kien jinkwieta lil kwalunkwe Lhudi. Mis-sema jara xi ħaġa nieżla qisha liżar li fih annimali mhux nodfa skont il-Liġi. Meta jintqallu biex joqtol u jiekol, Pietru jwieġeb: “Jien qatt ma kilt xi ħaġa li skont il-Liġi hi mniġġsa u mhux nadifa.” Mhux darba imma tliet darbiet jintqallu: “Dak li naddaf Alla tibqax tgħidlu mniġġes.” (Atti 10:14-16) Il-viżjoni tħalli lil Pietru konfuż, imma mhux għal wisq.

3 Il-viżjoni taʼ Pietru x’kienet tfisser? Huwa importanti li nifhmu s-sinifikat tagħha, għax turi verità profonda dwar il-mod kif Ġeħova jqis lin-nies. Bħala Kristjani veri, ma nistgħux nagħtu xhieda bid-dettall dwar is-Saltna t’Alla jekk ma nitgħallmux inqisu lin-nies kif iqishom Alla. Biex nifhmu t-tifsira tal-viżjoni taʼ Pietru, ejja neżaminaw il-ġrajjiet drammatiċi taʼ madwarha.

“Kien Dejjem Jitlob bil-Ħniena lil Alla” (Atti 10:1-8)

4, 5. Min kien Kornelju, u x’ġara waqt li kien qed jitlob?

4 Pietru ma kienx jaf li l-jum taʼ qabel f’Ċesarija, madwar 50 kilometru lejn it-Tramuntana, raġel jismu Kornelju wkoll kien ngħata viżjoni divina. Kornelju, ċenturjun fl-armata Rumana, kien raġel devot. b Kien ukoll raġel tal-familja eżemplari, għax hu “kien jirrispetta ħafna lil Alla u jqimu fid-dar tiegħu mal-familja kollha.” Kornelju ma kienx proselita Lhudi; kien Ġentil mhux ċirkonċiż. Madankollu, kien juri mogħdrija maʼ Lhud fil-bżonn, billi kien jagħtihom għajnuna materjali. Dan ir-raġel sinċier “kien dejjem jitlob bil-ħniena lil Alla.”—Atti 10:2.

5 F’xi t-tlieta taʼ waranofsinhar, Kornelju kien qed jitlob meta ra viżjoni li fiha anġlu qallu: “Alla jinnota t-talb tiegħek u t-tajjeb li tagħmel mal-foqra u hu jibqaʼ jiftakarhom.” (Atti 10:4) Bħalma dderiġieh l-anġlu, Kornelju bagħat xi rġiel biex iġibu lill-appostlu Pietru. Bħala Ġentil mhux ċirkonċiż, Kornelju kien se jidħol minn bieb li sa dakinhar kien magħluq għalih. Kien se jirċievi l-messaġġ tas-salvazzjoni.

6, 7. (a) Irrakkonta esperjenza li turi li Alla jwieġeb it-talb taʼ wħud sinċieri li jridu jsiru jafu l-verità dwaru. (b) X’nistgħu nikkonkludu minn esperjenzi bħal dawn?

6 Illum, iwieġeb Alla t-talb taʼ wħud sinċieri li jridu jsiru jafu l-verità dwaru? Ikkunsidra esperjenza. Mara fl-Albanija aċċettat kopja taʼ It-Torri tal-Għassa li kien fih artiklu dwar it-trobbija tat-tfal. c Lix-Xhud li marret għandha qaltilha: “Temmen li kont qed nitlob lil Alla għall-għajnuna biex irrabbi lill-bniet tiegħi? U bagħat lilek! Tajtni l-informazzjoni eżatta li kelli bżonn!” Il-mara u l-bniet tagħha bdew jistudjaw, u iktar tard żewġha ngħaqad magħhom fl-istudju.

7 Huwa dan eżempju uniku? Xejn affattu! Din l-esperjenza ġiet ripetuta kemm-il darba madwar id-dinja—tiġri spiss wisq biex titqies bħala sempliċi kumbinazzjoni. Mela, x’nistgħu nikkonkludu? L-ewwel, Ġeħova jwieġeb it-talb taʼ wħud sinċieri li jfittxuh. (1 Slat. 8:41-43; Salm 65:2) It-tieni, aħna għandna l-appoġġ anġeliku fix-xogħol tal-ippritkar tagħna.—Riv. 14:6, 7.

“Pietru Kien . . . Imħawwad “ (Atti 10:9-23a)

8, 9. Alla xi wrieh lil Pietru permezz tal-ispirtu tiegħu, u Pietru kif wieġeb?

8 Waqt li kien għadu fuq il-bejt, “Pietru kien . . . imħawwad” dwar it-tifsira tal-viżjoni meta xi messaġġiera mingħand Kornelju resqu lejn id-dar. (Atti 10:17) Kien Pietru, li tliet darbiet kien qal li se jirrifjuta li jiekol ikel kunsidrat mhux nadif skont il-Liġi, se jkun lest imur maʼ dawn l-irġiel u jidħol f’dar taʼ Ġentil? B’xi mod, l-ispirtu qaddis għarraf ir-rieda t’Alla dwar din il-kwistjoni. Lil Pietru ntqallu: “Hemm tlett irġiel qed jistaqsu għalik. Għalhekk lesti, inżel, u itlaq magħhom. Tiddubita xejn, għax jien bgħatthom.” (Atti 10:19, 20) Il-viżjoni taʼ xi ħaġa qisha liżar li Pietru kien ngħata, mingħajr dubju ħejjietu biex jobdi d-direzzjoni tal-ispirtu qaddis.

9 Meta sar jaf li Kornelju kien ġie mgħarraf biex jibgħat għalih b’mod divin, Pietru stieden lill-messaġġiera Ġentili d-dar u “stidinhom biex joqogħdu hemm.” (Atti 10:23a) L-appostlu ubbidjenti kien diġà qed jagħmel aġġustamenti għal żviluppi ġodda fit-twettiq tar-rieda t’Alla.

10. Ġeħova kif imexxi lill-poplu tiegħu, u liema mistoqsijiet għandna mnejn nistaqsu lilna nfusna?

10 Sal-ġurnata tal-lum, Ġeħova jmexxi lill-poplu tiegħu b’mod progressiv. (Prov. 4:18) Permezz tal-ispirtu qaddis tiegħu, qed jiggwida lill-“ilsir leali u għaqli” u l-Ġemgħa li Tiggverna tiegħu. (Mt. 24:45) Kultant, għandna mnejn nirċievu aġġustamenti fil-fehma tagħna tal-Kelma t’Alla jew tibdil f’ċerti proċeduri organizzazzjonali. Nagħmlu tajjeb li nistaqsu lilna nfusna: ‘Jien kif inwieġeb għal irfinar bħal dan? Nissottometti ruħi għat-tmexxija tal-ispirtu t’Alla f’dawn l-affarijiet?’

Pietru “Kkmandahom Jitgħammdu” (Atti 10:23b-48)

11, 12. Pietru x’għamel malli wasal Ċesarija, u x’kien tgħallem?

11 L-għada tal-viżjoni tiegħu, Pietru u disgħa oħrajn—it-tliet messaġġiera li bagħat Kornelju u “s-sitt aħwa” Lhud minn Ġaffa—telqu lejn Ċesarija. (Atti 11:12) Peress li kien qed jistenna lil Pietru, Kornelju laqqaʼ “lil dawk li jiġu minnu u lill-ħbieb kbar tiegħu”—li milli jidher kienu kollha Ġentili. (Atti 10:24) Malli wasal, Pietru għamel xi ħaġa li qabel lanqas biss kienet tgħaddilu minn moħħu: Daħal f’dar taʼ Ġentil mhux ċirkonċiż! Pietru spjega: “Intom tafu kemm hu kontra l-liġi li Lhudi jagħmilha maʼ xi ħadd li mhuwiex Lhudi jew imur għandu, imma Alla wrieni li m’għandi nqis lil ħadd imniġġes jew mhux nadif.” (Atti 10:28) Pietru issa fehem li l-lezzjoni li kellu jitgħallem mill-viżjoni ma kinitx limitata għat-tip taʼ ikel li wieħed għandu jiekol. M’għandu ‘jqis lil ħadd [lanqas saħansitra Ġentil] imniġġes.’

“Ovvjament, Kornelju kien qed jistenniehom u laqqaʼ flimkien lil dawk li jiġu minnu u lill-ħbieb kbar tiegħu.”​—Atti 10:24

12 Dawk kollha miġburin kienu interessati f’dak li Pietru kellu x’jgħid. “Qegħdin hawn quddiem Alla biex nisimgħu dak kollu li kkmandak tgħid Ġeħova,” spjega Kornelju. (Atti 10:33) Immaġina kif kont tħossok li kieku smajt kliem bħal dan mingħand persuna interessata! Pietru beda b’din l-istqarrija qawwija: “Issa qed nifhem verament li Alla jqis lil kulħadd l-istess u hu jilqaʼ lil kull min jirrispettah ħafna u jagħmel it-tajjeb, hu minn liema poplu hu.” (Atti 10:34, 35) Pietru kien tgħallem li l-mod kif Alla jqis lin-nies mhuwiex determinat mir-razza, min-nazzjonalità, jew minn xi fattur ieħor taʼ barra. Pietru kompla biex jagħti xhieda dwar il-ministeru, il-mewt, u l-irxoxt taʼ Ġesù.

13, 14. (a) X’kien hemm sinifikanti dwar il-konverżjoni taʼ Kornelju u Ġentili oħrajn fis-sena 36 WK? (b) Għala m’għandniex niġġudikaw lin-nies fuq id-dehra taʼ barra?

13 Issa ġrat xi ħaġa li qatt ma kienet ġrat qabel: “Waqt li Pietru kien għadu qed jitkellem dwar dawn l-affarijiet,” l-ispirtu qaddis tferraʼ fuq “dawk li ma kinux Lhud.” (Atti 10:44, 45) Dan hu l-uniku każ dokumentat fl-Iskrittura li fih l-ispirtu jitferraʼ qabel il-magħmudija. Minħabba li rrikonoxxa dan is-sinjal tal-approvazzjoni t’Alla, Pietru, lil dan il-grupp taʼ Ġentili “kkmandahom jitgħammdu.” (Atti 10:48) Il-konverżjoni taʼ dawn il-Ġentili fis-sena 36 WK mmarkat it-tmiem tal-perijodu li fih il-Lhud gawdew favur speċjali. (Dan. 9:24-27) Billi ħa t-tmexxija f’din l-okkażjoni, Pietru uża t-tielet u l-aħħar ‘ċavetta tas-Saltna.’ (Mt. 16:19) Din iċ-ċavetta fetħet il-bieb għall-Ġentili mhux ċirkonċiżi biex isiru Kristjani midlukin bl-ispirtu.

14 Illum, bħala proklamaturi tas-Saltna nirrikonoxxu li “Alla ma juri ebda parzjalità.” (Rum. 2:11) Hija r-rieda tiegħu li “bnedmin taʼ kull xorta jiġu salvati.” (1 Tim. 2:4) Għalhekk, qatt m’għandna niġġudikaw lin-nies fuq id-dehra taʼ barra. L-inkarigu tagħna hu li nagħtu xhieda bid-dettall dwar is-Saltna t’Alla, u dan jinvolvi li nippritkaw lin-nies kollha, hi x’inhi r-razza, in-nazzjonalità, l-apparenza, jew l-isfond reliġjuż tagħhom.

“Ma Baqgħux Joġġezzjonaw u Bdew Jigglorifikaw lil Alla” (Atti 11:1-18)

15, 16. Xi Kristjani Lhud għala argumentaw maʼ Pietru, u hu kif spjega l-azzjonijiet tiegħu?

15 Bla dubju, Pietru kellu sebaʼ mitt sena biex jirrapporta dak li kien ġara, u għalhekk telaq lejn Ġerusalemm. Evidentement, l-aħbar li Ġentili mhux ċirkonċiżi kienu “aċċettaw il-kelma t’Alla” waslet qablu. Ftit wara li wasal Pietru, “dawk li riedu li n-nies minn popli oħra jiġu ċirkonċiżi bdew jikkritikawh.” Kienu mfixklin minħabba li kien daħal ‘fid-dar taʼ rġiel mhux ċirkonċiżi u kiel magħhom.’ (Atti 11:1-3) Il-kwistjoni ma kinitx jekk il-Ġentili setgħux isiru segwaċi taʼ Kristu. Minflok, dawn id-dixxipli Lhud fir-realtà kienu qed jinsistu li l-Ġentili kellhom josservaw il-Liġi—inkluż iċ-ċirkonċiżjoni—sabiex iqimu lil Ġeħova b’mod aċċettabbli. B’mod ċar, xi dixxipli Lhud sabuha bi tqila biex jaċċettaw it-tmiem tal-Liġi Mosajka.

16 Pietru kif spjega l-azzjonijiet tiegħu? Skont Atti 11:4-16, hu semma erbaʼ evidenzi taʼ direzzjoni mis-sema: (1) il-viżjoni divina li ngħata (Versi 4-10); (2) il-kmand tal-ispirtu (Versi 11, 12); (3) iż-żjara tal-anġlu lil Kornelju (Versi 13, 14); u (4) it-tferrigħ tal-ispirtu qaddis fuq il-Ġentili. (Versi 15, 16) Pietru kkonkluda b’mistoqsija konvinċenti ħafna: “Għalhekk, jekk Alla [lill-Ġentili li emmnu] tahom l-istess rigal b’xejn [tal-ispirtu qaddis] li ta lilna [lill-Lhud] li emminna fil-Mulej Ġesù Kristu, jien min jien biex infixkel lil Alla milli jagħmel dak li jrid?”—Atti 11:17.

17, 18. (a) Il-Kristjani Lhud x’deċiżjoni ħadu minħabba x-xhieda taʼ Pietru? (b) Għala tistaʼ tkun taʼ sfida li nippreservaw l-unità tal-kongregazzjoni, u liema mistoqsijiet nagħmlu tajjeb li nistaqsu lilna nfusna?

17 Ix-xhieda taʼ Pietru ġiegħlet lil dawn il-Kristjani Lhud jieħdu deċiżjoni. Kienu se jkunu lesti jwarrbu kwalunkwe traċċa taʼ preġudizzju u jaċċettaw lill-Ġentili li kienu għadhom kif tgħammdu bħala Kristjani sħabhom? Ir-rakkont jgħidilna: “Meta semgħu dawn l-affarijiet huma [l-appostli u Kristjani Lhud oħrajn] ma baqgħux joġġezzjonaw u bdew jigglorifikaw lil Alla billi qalu: ‘Mela Alla jrid li anki n-nies li mhumiex Lhud jindmu ħalli jkunu jistgħu jirċievu l-ħajja taʼ dejjem.’” (Atti 11:18) Din l-attitudni pożittiva ppreservat l-unità tal-kongregazzjoni.

18 Illum, jistaʼ jkun taʼ sfida li nżommu l-unità, għax l-aduraturi veri ġew “minn kull ġens u tribù u poplu u lsien.” (Riv. 7:9) B’hekk, insibu nies minn diversi razez, kulturi, u sfondi f’ħafna kongregazzjonijiet. Nagħmlu tajjeb li nistaqsu lilna nfusna: ‘Neħħejt minn qalbi kwalunkwe traċċa taʼ preġudizzju? Determinat jien li qatt ma nħalli l-karatteristiki li jifirdu taʼ din id-dinja—inkluż in-nazzjonaliżmu, it-tribwaliżmu, il-kburija fil-kultura, u r-razziżmu—jinfluwenzaw il-mod kif nittratta lil ħuti l-Kristjani?’ Ftakar xi ġralu Pietru (Kefa) xi snin wara l-konverżjoni tal-ewwel Ġentili. Peress li ġie effettwat mill-preġudizzju t’oħrajn, hu “qagħad lura u nfired minn” mal-Kristjani Ġentili u kellu jiġi kkoreġut minn Pawlu. (Gal. 2:11-14) Ejja dejjem nibqgħu ngħassu kontra n-nassa tal-preġudizzju.

“Ammont Kbir taʼ Nies Bdew Jemmnu” (Atti 11:19-26a)

19. Il-Kristjani Lhud f’Antjokja lil min bdew jippritkaw, u b’liema riżultat?

19 Bdew is-segwaċi taʼ Ġesù jippritkaw lill-Ġentili mhux ċirkonċiżi? Innota x’ġara iktar tard f’Antjokja tas-Sirja. d Din il-belt kellha komunità kbira taʼ Lhud, imma ma tantx kien hemm ostilità bejn il-Lhud u l-Ġentili. Għalhekk, Antjokja kienet territorju tajjeb biex isir l-ippritkar lill-Ġentili. Kien hawnhekk li xi dixxipli Lhud bdew jiddikjaraw l-aħbar tajba “lin-nies li kienu jitkellmu bil-Grieg.” (Atti 11:20) Dan l-ippritkar ma kienx biss għal-Lhud li jitkellmu bil-Grieg imma wkoll għall-Ġentili mhux ċirkonċiżi. Ġeħova bierek ix-xogħol, u “ammont kbir taʼ nies bdew jemmnu.”—Atti 11:21.

20, 21. Barnaba kif wera modestja xierqa, u aħna kif nistgħu nuru modestja simili meta nwettqu l-ministeru tagħna?

20 Biex tieħu ħsieb din l-għalqa lesta għall-ħsad, il-kongregazzjoni taʼ Ġerusalemm bagħtet lil Barnaba f’Antjokja. L-interess kbir li kien hemm milli jidher ma kienx jiflaħ għalih bniedem waħdu. Min kien iktar adattat minn Sawl, li kien se jsir l-appostlu tal-ġnus, biex jgħin? (Atti 9:15; Rum. 1:5) Kien Barnaba se jqis lil Sawl bħala rival? Għall-kuntrarju, Barnaba wera modestja xierqa. Hu ħa l-inizjattiva biex imur Tarsu, ifittex lil Sawl, u jieħdu lura Antjokja biex jagħti daqqa t’id. Flimkien qattgħu sena jinkuraġġixxu lid-dixxipli fil-kongregazzjoni t’hemmhekk.—Atti 11:22-26a.

21 Kif nistgħu nuru l-modestja waqt li nwettqu l-ministeru tagħna? Din il-kwalità tinvolvi li nagħrfu l-limitazzjonijiet tagħna. Ilkoll għandna kapaċitajiet u abbiltajiet differenti. Pereżempju, xi wħud jistgħu jkunu effettivi f’li jagħtu xhieda informali jew minn dar għal dar, imma jsibuha diffiċli biex jagħmlu żjajjar lura jew biex jibdew studji tal-Bibbja. Jekk trid titjieb f’xi aspett tal-ministeru, għala ma titlobx l-għajnuna? Billi tieħu inizjattiva bħal din, għandek mnejn issir iktar produttiv u taħsad ferħ akbar fil-ministeru.—1 Kor. 9:26.

Bagħtu “l-Għajnuna lill-Aħwa” (Atti 11:26b-30)

22, 23. L-aħwa f’Antjokja kif esprimew l-imħabba lejn l-aħwa, u l-poplu t’Alla llum kif jaġixxi b’mod simili?

22 Kien f’Antjokja li “d-dixxipli bdew jissejħu għall-ewwel darba Kristjani.” (Atti 11:26b) Dan l-isem approvat minn Alla jiddeskrivi b’mod xieraq lid-dixxipli taʼ Kristu. Hekk kif in-nies tal-ġnus saru Kristjani, żviluppat rabta taʼ fratellanza bejn il-Lhud u l-Ġentili li emmnu? Ikkunsidra x’ġara meta kien hemm ġuħ kbir madwar is-sena 46 WK. e Fi żmien il-qedem, il-ġuħ kien jeffettwa ħafna lill-foqra, li la kellhom flus imġemmgħin u lanqas ikel maħżun. Matul dan iż-żmien taʼ ġuħ, il-Kristjani Lhud li kienu jgħixu fil-Lhudija, li ħafna minnhom milli jidher kienu foqra, kellhom bżonn il-provvisti. Meta saru jafu b’dan il-bżonn, l-aħwa f’Antjokja—inkluż il-Kristjani Ġentili—bagħtu “l-għajnuna lill-aħwa li jgħixu fil-Lhudija.” (Atti 11:29) X’espressjoni ġenwina taʼ mħabba lejn l-aħwa!

23 Huwa l-istess fost il-poplu t’Alla llum. Meta nsiru nafu li ħutna—f’pajjiż ieħor jew fl-inħawi tagħna stess—huma fil-bżonn, minn jeddna nsibu modi biex ngħinuhom. Il-Kumitati tal-Fergħa malajr jorganizzaw Kumitati għall-Għajnuna fid-Diżastri biex jieħdu ħsieb lil ħutna li għandhom mnejn ikunu ntlaqtu minn diżastri naturali, inkluż uragani, terremoti, u tsunamijiet. Dawn l-isforzi t’għajnuna kollha juru kemm hi ġenwina l-fratellanza tagħna.—Ġw. 13:34, 35; 1 Ġw. 3:17.

24. Kif nistgħu nuru li nifhmu l-importanza tat-tifsira tal-viżjoni li ngħata Pietru?

24 Bħala Kristjani veri, aħna nifhmu l-importanza tat-tifsira tal-viżjoni li ngħata Pietru fuq il-bejt f’Ġaffa. Aħna nqimu lil Alla imparzjali. Hija r-rieda tiegħu li nagħtu xhieda bid-dettall dwar is-Saltna tiegħu, u dan jinvolvi li nippritkaw lil oħrajn hi x’inhi r-razza, l-oriġini nazzjonali, jew l-istat soċjali tagħhom. Mela, ejja nkunu determinati li nagħtu lil kull min lest li jismaʼ opportunità biex iwieġeb għall-aħbar tajba.—Rum. 10:11-13.

Meta ħutna jkunu fil-bżonn, minn jeddna nsibu modi biex ngħinuhom

a Xi Lhud kienu jistmerru lil min kien konzatur minħabba li s-sengħa tiegħu kienet iġġibu f’kuntatt mal-ġlud u mal-iġsma t’annimali mejtin u mal-materjali li jqażżuk meħtiġin għal xogħlu. Il-konzaturi kienu kunsidrati bħala li mhumiex nodfa biex jidhru fit-tempju, u l-post tan-negozju tagħhom kellu jkun minn tal-inqas 50 driegħ, jew kemxejn iktar minn 22 metru, ’il bogħod mill-belt. Din tistaʼ tkun raġuni waħda għala d-dar taʼ Xmun kienet “ħdejn il-baħar.”—Atti 10:6.

b Ara l-kaxxa “ Kornelju u l-Armata Rumana.”

c L-artiklu, intitolat “Pariri li Tistaʼ Tafdahom dwar it-Trobbija tat-Tfal,” deher fil-ħarġa tal-1 taʼ Novembru, 2006, f’paġni 4 sa 7.

d Ara l-kaxxa “ Antjokja tas-Sirja.”

e L-istorjografu Lhudi Ġużeppi Flavju jirreferi għal dan il-“ġuħ kbir” matul ir-renju tal-Imperatur Klawdju (41-54 WK).