Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 10

“It-Tagħlim Dwar Dak li Jgħid Ġeħova Kompla Jinfirex”

“It-Tagħlim Dwar Dak li Jgħid Ġeħova Kompla Jinfirex”

Pietru jinħeles, u l-persekuzzjoni ma jirnexxilhiex twaqqaf it-tixrid tal-aħbar tajba

Ibbażat fuq Atti 12:1-25

1-4. Pietru liema sitwazzjoni diffiċli jiffaċċja, u int kif kont tħossok kieku kont minfloku?

 B’ĦOSS qawwi, il-grada tal-ħadid enormi ngħalqet wara Pietru. Marbut bil-ktajjen bejn żewġ gwardji Rumani, jittieħed lejn iċ-ċella tiegħu. Imbagħad jissaporti sigħat twal, forsi ġranet sħaħ, jistenna biex ikun jaf x’se jsir minnu. Ma tantx hemm lejn xiex iħares ħlief lejn il-ħitan u l-ħadid tal-ħabs, il-ktajjen, u l-gwardji tiegħu.

2 Pietru jingħata sentenza ħarxa. Is-Sultan Erodi Agrippa I hu determinat li jara lil Pietru mejjet. a Infatti, Pietru se jiġi preżentat lill-poplu wara l-Qbiż, u s-sentenza tal-mewt tiegħu se tkun għotja li tferraħ lill-folol. Din mhijiex theddida fiergħa. Wieħed mill-appostli mseħbin taʼ Pietru—Ġakbu—reċentement inqatel minn dan l-istess ħakkiem.

3 Hija l-lejla taʼ qabel l-esekuzzjoni. Dwar xiex qed jaħseb Pietru fiċ-ċella tal-ħabs mudlama tiegħu? Tgħid qed jiftakar hu li snin qabel, Ġesù kien irrivela li Pietru xi darba kien se jiġi marbut u jitmexxa kontra r-rieda tiegħu—lejn mewtu? (Ġw. 21:18, 19) Forsi Pietru qed jaħseb jekk kienx wasal dan iż-żmien.

4 Kieku kont fis-sitwazzjoni taʼ Pietru, kif kont tħossok? Ħafna kieku jiddispraw, billi jaħsbu li tilfu kull tama. Madankollu, għal segwaċi ġenwin taʼ Ġesù Kristu, hemm xi sitwazzjoni li hi tassew bla tama? X’nistgħu nitgħallmu mill-mod kif Pietru u l-Kristjani sħabu rreaġixxew għall-persekuzzjoni li esperjenzaw? Ejja naraw.

“Il-Kongregazzjoni Kienet Qed Titlob Bil-Ħniena” (Atti 12:1-5)

5, 6. (a) Is-Sultan Erodi Agrippa I, għala u kif attakka lill-kongregazzjoni Kristjana? (b) Il-mewt taʼ Ġakbu għala kienet prova għall-kongregazzjoni?

5 Bħalma tgħallimna fil-kapitlu taʼ qabel taʼ din il-pubblikazzjoni, il-konverżjoni tal-Ġentil Kornelju u taʼ familtu kienet żvilupp eċċitanti ħafna għall-kongregazzjoni Kristjana. Imma l-Lhud li ma kinux jemmnu żgur li nħasdu meta saru jafu li issa ħafna Kristjani Lhud kienu qed iqimu bla ħabi flimkien maʼ dawk li ma kinux Lhud.

6 Erodi, politikant makakk, f’dan ra opportunità biex jitħabbeb mal-Lhud, u għalhekk beda jimmaltratta lill-Kristjani. Bla dubju, hu sar jaf li l-appostlu Ġakbu kien speċjalment qrib taʼ Ġesù Kristu. Għaldaqstant, Erodi “qatel bix-xabla lil Ġakbu ħu Ġwanni.” (Atti 12:2) Xi prova għall-kongregazzjoni! Ġakbu kien wieħed mit-tlieta li kienu raw b’għajnejhom it-trasfigurazzjoni taʼ Ġesù u mirakli oħrajn li ma kinux saru quddiem l-appostli l-oħrajn. (Mt. 17:1, 2; Mk. 5:37-42) Ġesù kien semma lil Ġakbu u lil ħuh Ġwanni “t-Tfal tar-Ragħad” minħabba l-entużjażmu jbaqbaq tagħhom. (Mk. 3:17) B’hekk, il-kongregazzjoni tilfet xhud leali u qalbieni kif ukoll appostlu maħbub.

7, 8. Il-kongregazzjoni x’għamlet meta Pietru ġie mitfugħ il-ħabs?

7 L-esekuzzjoni taʼ Ġakbu għoġbot lil-Lhud, kif kien ittama Agrippa. Inkuraġġit minn din ir-reazzjoni, imbagħad dawwar l-attenzjoni tiegħu lejn Pietru. Bħalma ddeskrivejna fil-bidu, hu arresta lil Pietru. Però, Agrippa x’aktarx li ftakar li l-ħabsijiet mhux dejjem kienu effettivi biex iżommu lill-appostli maqbudin, bħalma rajna f’Kapitlu 5 taʼ dan il-ktieb. Peress li ma riedx jissogra, Erodi ra li Pietru jintrabat bil-ktajjen bejn żewġ gwardji, b’16-il gwardja jaħdmu bix-xift lejl u nhar biex ikun ċert li dan l-appostlu ma jaħrabx. Jekk jaħrab, dawn il-gwardji nfushom kienu se jirċievu s-sentenza taʼ Pietru. F’dawn iċ-ċirkustanzi mwiegħra, x’setgħu jagħmlu l-imseħbin Kristjani taʼ Pietru?

8 Il-kongregazzjoni kienet taf eżattament x’kellha tagħmel. Atti 12:5 jgħid: “Waqt li Pietru kien qed jinżamm il-ħabs, il-kongregazzjoni kienet qed titlob bil-ħniena lil Alla għalih.” Iva, it-talb tagħhom għan-nom taʼ ħuhom il-maħbub kien intens, talb bil-ħrara u mill-qalb. Il-mewt taʼ Ġakbu ma kinitx qatgħatilhom qalbhom, u lanqas ma kienet ġegħlithom iqisu t-talb bħala li hu bla valur. It-talb jiswa ħafna għal Ġeħova. Jekk ikun fi qbil mar-rieda tiegħu, hu se jwieġbu. (Ebr. 13:18, 19; Ġak. 5:16) Din hi lezzjoni importanti għall-Kristjani llum.

9. X’nistgħu nitgħallmu mill-eżempju li ħallew l-imseħbin fit-twemmin taʼ Pietru fejn jidħol it-talb?

9 Taf b’xi aħwa li qed jiffaċċjaw ħafna provi? Forsi qed iġarrbu persekuzzjoni, projbizzjonijiet mill-gvern, jew diżastri naturali. Għala ma titlobx għalihom mill-qalb? Forsi taf ukoll dwar xi wħud li għaddejjin minn tbatijiet li ma jagħtux daqstant fil-għajn, bħal inkwiet fil-familja, skuraġġiment, jew xi sfida għall-fidi tagħhom. Jekk timmedita qabel ma titlob, għandek mnejn taħseb f’diversi wħud li tistaʼ ssemmihom b’isimhom hekk kif tkellem lil Ġeħova, “Semmiegħ it-talb.” (Salm 65:2) Wara kollox, għandek bżonn li ħutek jagħmlu l-istess għalik, meta tgħaddi minn żminijiet diffiċli.

Aħna nitolbu għan-nom taʼ ħutna li qegħdin il-ħabs minħabba l-fidi tagħhom

“Imxi Warajja” (Atti 12:6-11)

10, 11. Iddeskrivi l-mod kif l-anġlu taʼ Ġeħova ħeles lil Pietru mill-ħabs.

10 Kien Pietru ansjuż dwar il-periklu li ffaċċja? Ma nistgħux ngħidu fiċ-ċert, imma matul dak l-aħħar lejl fil-ħabs, kien rieqed fil-fond bejn iż-żewġ gwardji li kienu għassa miegħu. Dan ir-raġel leali ċertament li kien jaf li minkejja x’kien se jiġri l-għada, hu kien fis-sigurtà maʼ Ġeħova. (Rum. 14:7, 8) Kien x’kien il-każ, Pietru żgur li qatt ma setaʼ jobsor il-ġrajjiet eċċitanti li kienu se jseħħu. F’daqqa waħda, dawl qawwi mela ċ-ċella tiegħu. Kien hemm anġlu bilwieqfa, li milli jidher il-gwardji ma setgħux jarawh, u qajjem lil Pietru b’urġenza. U dawk il-ktajjen li kienu maʼ jdejh—ktajjen li donnhom ma kienu jitkissru b’xejn—sempliċement waqgħu!

“Waslu ħdejn il-grada tal-ħadid li tagħti għall-belt, u din infetħet waħedha.”​—Atti 12:10

11 L-anġlu ta lil Pietru serje taʼ kmandi konċiżi: “Qum malajr! . . . Ilbes il-ħwejjeġ u s-sandli. . . . Ilbes ukoll il-libsa taʼ fuq.” Pietru obda bla telf taʼ żmien. Finalment, l-anġlu qallu: “Imxi warajja,” u Pietru hekk għamel. Telqu miċ-ċella, għaddew minn quddiem l-għassiesa li kienu barra, u nkiss inkiss imxew lejn il-grada tal-ħadid enormi. Kif kienu se jgħaddu minnu? Anki jekk għadda xi ħsieb bħal dan minn moħħ Pietru, dan il-ħsieb kien għomru qasir. Hekk kif resqu lejn il-grada, “din infetħet waħedha.” Qabel ma Pietru ntebaħ, għaddew mill-grada u ħarġu fit-triq, u mbagħad l-anġlu sparixxa. Pietru tħalla hemmhekk, u f’daqqa waħda rrealizza li dan kollu kien ġara tassew. Din ma kinitx xi viżjoni. Kien ħieles!—Atti 12:7-11.

12. Għala jistaʼ jkun taʼ faraġ għalina li nimmeditaw fuq kif Ġeħova ħeles lil Pietru?

12 Mhuwiex taʼ faraġ li nimmeditaw fuq il-qawwa bla limitu taʼ Ġeħova biex jeħles lill-qaddejja tiegħu? Pietru nżamm fil-jasar minn sultan li kellu l-appoġġ tal-iktar gvern b’saħħtu li d-dinja qatt kienet rat. Madankollu, Pietru sempliċement ħareġ mill-ħabs bil-mixi! Huwa minnu li Ġeħova ma jwettaqx mirakli bħal dawn għall-qaddejja tiegħu kollha. Ma kienx għamel dan għal Ġakbu; lanqas m’għamel dan għal Pietru iktar tard, meta l-kliem taʼ Ġesù dwar l-appostlu fl-aħħar twettaq. Il-Kristjani llum ma jistennewx ħelsien mirakoluż. Madankollu, aħna nżommu f’moħħna li Ġeħova ma nbidilx. (Mal. 3:6) U dalwaqt se juża lil Ibnu biex jeħles lil miljuni bla għadd mill-mewt, l-iktar ħabs li ma jċedix. (Ġw. 5:28, 29) Illum, nistgħu niksbu kuraġġ kbir minn wegħdi bħal dawn meta niffaċċjaw il-provi.

‘Rawh u Baqgħu Mbellhin’ (Atti 12:12-17)

13-15. (a) Il-membri tal-kongregazzjoni li kienu qed jiltaqgħu fid-dar taʼ Marija, kif irreaġixxew għall-wasla taʼ Pietru? (b) Il-ktieb tal-​Atti fuq xiex jibda jiffoka, imma Pietru liema effett kompla jkollu fuq ħutu spiritwali?

13 Pietru kien bilwieqfa fit-triq mudlama biex jara fejn se jmur. Imbagħad ħa deċiżjoni. Fil-viċin kienet toqgħod mara Kristjana jisimha Marija. Milli jidher Marija kienet armla tat-tajjeb u kellha dar li kienet kbira biżżejjed biex tiltaqaʼ kongregazzjoni fiha. Kienet omm Ġwanni Marku, li r-rakkont tal-​Atti jsemmih għall-ewwel darba hawnhekk u li eventwalment sar bħal iben għal Pietru. (1 Pt. 5:13) F’dan il-lejl, ħafna wħud f’din il-kongregazzjoni kienu fid-dar taʼ Marija minkejja li kien tard, u kienu qed jitolbu bil-ħerqa. Bla dubju kienu qed jitolbu għall-ħelsien taʼ Pietru—imma ma kinux preparati għat-tweġiba taʼ Ġeħova!

14 Pietru ħabbat fuq il-bieb taʼ barra, li kien jagħti għal bitħa quddiem id-dar. Qaddejja jisimha Roda—isem komuni bil-Grieg li jfisser “Warda”—marret biex tiftaħlu. Ma setgħetx temmen lil widnejha. Kien il-leħen taʼ Pietru! Minflok ma fetħet il-bieb, it-tfajla eċċitata ħalliet lil Pietru fit-triq, ġriet lura fid-dar, u pprovat tikkonvinċi lill-kongregazzjoni li Pietru kien hemmhekk. Qalu li kienet qed tiġġennen, imma ma kinitx it-tip li taqtaʼ qalbha. Hi baqgħet tinsisti fuq dak li kienet taf li hu minnu. Xi wħud ċedew ftit u ssuġġerew li forsi kien xi anġlu li kien qed jirrappreżenta lil Pietru. (Atti 12:12-15) Sadanittant, Pietru baqaʼ jħabbat sakemm, sa fl-aħħar, marru ħdejn il-bieb u fetħuh.

15  Ħdejn il-bieb, ‘rawh u baqgħu mbellhin’! (Atti 12:16) Pietru kellu jsikket l-espressjonijiet taʼ ferħ tagħhom sabiex ikun jistaʼ jirrakkontalhom dak li ġralu, jgħidilhom biex jgħiduh lid-dixxiplu Ġakbu u lill-aħwa, u mbagħad jitlaq qabel ma setgħu jsibuh is-suldati t’Erodi. Pietru telaq biex ikompli s-servizz leali tiegħu xi mkien inqas perikoluż. Minbarra l-kontribut tiegħu biex tiġi solvuta l-kwistjoni taċ-ċirkonċiżjoni, bħalma jissemma f’​Atti kapitlu 15, hu ma jissemmiex iktar fir-rakkont. Il-ktieb tal-​Atti mbagħad jibda jiffoka fuq ix-xogħol u l-vjaġġi tal-appostlu Pawlu. Madankollu, nistgħu nkunu ċerti li Pietru saħħaħ il-fidi taʼ ħutu kull fejn mar. Meta telaq lil dak il-grupp fid-dar taʼ Marija, ċertament li dawn kienu ferħanin ħafna.

16. Għala nistgħu nkunu ċerti li l-futur se jġibilna ħafna okkażjonijiet taʼ ferħ?

16 Kultant Ġeħova jagħti lill-qaddejja tiegħu iktar milli qatt jistgħu jistennew, u b’hekk iħossuhom ferħanin se jtiru. L-aħwa spiritwali taʼ Pietru hekk ħassewhom dak il-lejl. Xi drabi aħna forsi hekk inħossuna meta llum nesperjenzaw il-barka kbira taʼ Ġeħova. (Prov. 10:22) Fil-futur, se naraw il-wegħdi kollha taʼ Ġeħova jitwettqu fuq skala globali. Ir-realtajiet glorjużi ċertament li se jisbqu bil-kbir kwalunkwe ħaġa li nistgħu nimmaġinaw illum. Għalhekk, dment li nibqgħu leali, nistgħu nkunu ċerti li se ngawdu ħafna żminijiet taʼ ferħ fil-futur.

“L-Anġlu taʼ Ġeħova Kkastigah” (Atti 12:18-25)

17, 18. X’wassal lin-nies biex ifaħħru żżejjed lil Erodi?

17 Il-ħarba taʼ Pietru bellhet ukoll lil Erodi—imma għalih ma kinitx sorpriża sabiħa. Erodi mill-ewwel ordna tfittxija bir-reqqa, u mbagħad interroga lill-gwardji taʼ Pietru. Huma ‘ġew ikkastigati,’ x’aktarx biex jinqatlu. (Atti 12:19) Erodi Agrippa mhux se jibqaʼ miftakar għall-mogħdrija jew il-ħniena. Qatt ġie kastigat dan ir-raġel krudil?

18 Agrippa għandu mnejn ħassu umiljat minħabba li ma rnexxilux joqtol lil Pietru, imma ma damx ma reġaʼ kiseb l-attitudni kburija tiegħu. Qamet sitwazzjoni li fiha l-għedewwa tiegħu riedu jagħmlu paċi miegħu, u bla dubju kien ħerqan biex jagħmel diskors quddiem udjenza kbira. Luqa rrapporta li bi tħejjija, “Erodi libes ħwejjeġ irjali.” L-istorjografu Lhudi Ġużeppi Flavju kiteb li l-ilbies t’Erodi kien magħmul mill-fidda, sabiex meta d-dawl idda fuq is-sultan, kien jidher li qed jixgħel bil-glorja. Il-politikant minfuħ bih innifsu mbagħad għamel diskors. Il-folla li kienet qed tidilku bix-xamaʼ għajtet: “Dan leħen t’alla, mhux taʼ bniedem!”—Atti 12:20-22.

19, 20. (a) Erodi għala ġie kastigat minn Ġeħova? (b) Liema faraġ nistgħu nsibu fir-rakkont tal-mewta f’daqqa waħda t’Erodi Agrippa?

19 Din il-glorja kienet tappartjeni lil Alla, u Alla kien qed josserva! Erodi kellu ċans jevita diżastru. Setaʼ ċanfar lill-folla jew għall-inqas setaʼ ma qabilx magħhom. Minflok, hu sar eżempju ħaj tal-proverbju: “Qabel tisbita jkun hemm il-kburija.” (Prov. 16:18) “F’daqqa waħda, l-anġlu taʼ Ġeħova kkastigah,” u b’hekk dan ir-raġel egoist u kburi sofra mewta diżgustanti u terribbli. Erodi “ttiekel mid-dud u miet.” (Atti 12:23) Ġużeppi Flavju wkoll innota li Agrippa ġie milqut f’daqqa waħda u żied jgħid li s-sultan wasal għall-konklużjoni li kien qed imut minħabba li aċċetta t-tifħir żejjed tal-folla. Ġużeppi Flavju kiteb li Agrippa dam ikarkar ħamest ijiem qabel ma miet. b

20 Kultant jistaʼ jidher li nies li huma mbegħdin minn Alla jistgħu jaġixxu b’mod mill-agħar mingħajr ma qatt jiġu kastigati. Dan m’għandux jissorprendina, ladarba “d-dinja kollha qiegħda taħt il-qawwa tal-Ħażin.” (1 Ġw. 5:19) Xorta waħda, qaddejja leali t’Alla kultant iħossuhom imnikktin meta nies mill-agħar donnhom ma jiġux kastigati. Din hi raġuni waħda għala rakkonti bħal dan huma taʼ faraġ. Hu bħallikieku qed naraw lil Ġeħova jieħu azzjoni, billi jfakkar lill-qaddejja kollha tiegħu li hu jħobb il-ġustizzja. (Salm 33:5) Illum jew għada, il-ġustizzja tiegħu se tittrijonfa.

21. X’inhi l-lezzjoni primarja f’​Atti kapitlu 12, u għala hi taʼ faraġ għalina llum?

21 Dan ir-rakkont jikkonkludi b’lezzjoni saħansitra iktar inkuraġġanti: “It-tagħlim dwar dak li jgħid Ġeħova kompla jinfirex u kien hemm ħafna li bdew jemmnu.” (Atti 12:24) Dan ir-rapport tal-progress fit-tkabbir tax-xogħol tal-ippritkar għandu mnejn ifakkarna fil-mod kif Ġeħova bierek l-istess xogħol fi żmienna. B’mod ċar, ir-rakkont li hemm f’​Atti kapitlu 12 mhuwiex primarjament dwar il-mewt t’appostlu wieħed u l-ħarba taʼ ieħor. Hu dwar Ġeħova u dwar kif ġab fix-xejn l-attentati taʼ Satana biex ifarrak lill-kongregazzjoni Kristjana u biex iwaqqaf ix-xogħol tal-ippritkar żeluż tagħha. Dawn l-attakki fallew, sewwasew bħalma komplotti simili se jfallu wkoll. (Is. 54:17) Mill-banda l-oħra, dawk li jżommu man-naħa taʼ Ġeħova u taʼ Ġesù Kristu huma parti minn xogħol li qatt mhu se jfalli. Mhuwiex dan ħsieb inkuraġġanti? Xi privileġġ għandna llum li ngħinu fit-“tagħlim dwar dak li jgħid Ġeħova”!

a Ara l-kaxxa “ Is-Sultan Erodi Agrippa I.”

b Wieħed tabib u awtur kiteb li s-sintomi deskritti minn Ġużeppi Flavju u Luqa għandhom mnejn kienu kaġunati minn dud ġismu tond li jimpesta l-intestini. Dud bħal dan kultant jiġi vvomtat, jew joħroġ mill-ġisem tal-pazjent meta jmut. Xogħol taʼ referenza jgħid: “L-eżattezza professjonali taʼ Luqa bħala tabib tenfasizza l-orrur tal-mewt taʼ [Erodi].”