Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 8

Il-Kongregazzjoni “Kellhom Perjodu taʼ Paċi”

Il-Kongregazzjoni “Kellhom Perjodu taʼ Paċi”

Il-persekutur aħrax Sawl isir ministru żeluż

Ibbażat fuq Atti 9:1-43

1, 2. Sawl x’kien bi ħsiebu jagħmel f’Damasku?

 IL-VJAĠĠATURI wiċċhom żorr qed joqorbu lejn Damasku, fejn bi ħsiebhom jagħmlu xi ħaġa mill-agħar. Se jisforzaw lid-dixxipli taʼ Ġesù joħorġu minn djarhom, jorbtuhom, jumiljawhom, u jkaxkruhom lejn Ġerusalemm biex jiffaċċjaw il-korla tas-Sinedriju.

2 Il-mexxej tal-folla nies, li jismu Sawl, diġà hu ħati taʼ demm. a Reċentement, osserva b’approvazzjoni lil sħabu l-fanatiċi jħaġġru għall-mewt lil Stiefnu, dixxiplu devot taʼ Ġesù. (Atti 7:57–8:1) Peress li mhuwiex kuntent jippersegwita lis-segwaċi taʼ Ġesù li jgħixu f’Ġerusalemm, Sawl isir bħal ħatba mixgħula lest biex ixerred il-fjammi tal-persekuzzjoni. Hu jrid jeqred għalkollox is-setta bħall-pesta magħrufa bħala “t-Triq.”—Atti 9:1, 2; ara l-kaxxa “ L-Awtorità li Kellu Sawl f’Damasku.”

3, 4. (a) Xi ġralu Sawl? (b) Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw?

3 F’daqqa waħda, dawl qawwi jdawwar lil Sawl. Dawk li qed jivvjaġġaw miegħu jaraw id-dawl, imma ma jistgħux jitkellmu bil-ħasda. Sawl, li jitlef id-dawl t’għajnejh, jaqaʼ mal-art. Bla ma jistaʼ jara, Sawl jismaʼ leħen mis-sema jgħid: “Sawl, Sawl, għala qed tippersegwitani?” Imbellah, Sawl jistaqsi: “Min int, Sinjur?” It-tweġiba li jingħata Sawl ċertament li tolqtu fil-laħam il-ħaj: “Jien Ġesù, li int qed tippersegwita.”—Atti 9:3-5; 22:9.

4 X’nistgħu nitgħallmu mill-ewwel kliem taʼ Ġesù lil Sawl? Kif nistgħu nibbenefikaw jekk nirrivedu dak li ġara fiż-żmien li Sawl ikkonverta? U liema lezzjonijiet nistgħu nisiltu mill-mod kif il-kongregazzjoni użat il-perijodu taʼ paċi li kien hemm wara l-konverżjoni taʼ Sawl?

“Għala Qed Tippersegwitani?” (Atti 9:1-5)

5, 6. X’nistgħu nitgħallmu mill-kliem taʼ Ġesù lil Sawl?

5 Meta Ġesù waqqaf lil Sawl fit-triq lejn Damasku, Hu ma staqsiehx: “Għala qed tippersegwita lid-dixxipli tiegħi?” Imma, bħalma nnotajna hawn fuq, hu qallu: “Għala qed tippersegwitani?” (Atti 9:4) Iva, Ġesù jħoss personalment il-provi li jesperjenzaw is-segwaċi tiegħu.—Mt. 25:34-40, 45.

6 Jekk int qed tiġi maħqur minħabba l-fidi tiegħek fi Kristu, serraħ moħħok li kemm Ġeħova kif ukoll Ġesù huma konxji tas-sitwazzjoni tiegħek. (Mt. 10:22, 28-31) Fil-preżent, il-prova forsi ma titneħħiex. Ftakar, Ġesù ra s-sehem li kellu Sawl fil-mewt taʼ Stiefnu u ra lil Sawl ikaxkar lil dixxipli leali ’l barra minn djarhom f’Ġerusalemm. (Atti 8:3) Madankollu, Ġesù ma waqqfux dak iż-żmien. Minkejja dan, Ġeħova, permezz taʼ Kristu, ta lil Stiefnu u lid-dixxipli l-oħrajn is-saħħa li kellhom bżonn biex jibqgħu leali.

7. X’għandek tagħmel sabiex tissaporti l-persekuzzjoni?

7 Int ukoll tistaʼ tissaporti l-persekuzzjoni jekk tagħmel dan li ġej: (1) Kun determinat li tibqaʼ leali, jiġri x’jiġri. (2) Itlob għall-għajnuna taʼ Ġeħova. (Flp. 4:6, 7) (3) Ħalli l-vendetta f’idejn Ġeħova. (Rum. 12:17-21) (4) Afda f’Ġeħova li se jagħtik is-saħħa biex tissaporti sakemm ineħħi l-prova.—Flp. 4:12, 13.

“Ħija Sawl, il-Mulej . . . Bagħatni” (Atti 9:6-17)

8, 9. Ananija kif setaʼ ħassu dwar l-inkarigu tiegħu?

8 Wara li wieġeb il-mistoqsija taʼ Sawl, “Min int, Sinjur?” Ġesù qallu: “Qum u mur fil-belt. Hemmhekk se jintqallek xi trid tagħmel.” (Atti 9:6) Sawl, li ma kienx qed jara, tmexxa lejn fejn kien qed joqgħod f’Damasku, u hemmhekk sam u talab għal tlett ijiem. Sadanittant, Ġesù tkellem dwar Sawl ma’ dixxiplu f’dik il-belt, raġel jismu Ananija, li “l-Lhud kollha li [kienu] joqogħdu [Damasku] kienu jitkellmu tajjeb dwaru.”—Atti 22:12.

9 Aħseb dwar l-emozzjonijiet imħawdin li żgur ħass Ananija! Hawnhekk, il-Kap tal-kongregazzjoni, Ġesù Kristu rxoxtat, kien qed ikellmu personalment, u għażlu għal inkarigu speċjali. X’unur kbir, imma x’inkarigu diffiċli! Meta ntqallu li jrid ikellem lil Sawl, Ananija wieġeb: “Mulej, smajt mingħand ħafna nies dwaru u dwar il-ħsara kollha li għamel lid-dixxipli tiegħek f’Ġerusalemm. U hawnhekk hu ngħata l-awtorità mingħand il-qassisin importanti biex jarresta lil kull min jafda f’ismek.”—Atti 9:13, 14.

10. X’nitgħallmu dwar Ġesù mill-mod kif ittratta lil Ananija?

10 Ġesù ma ċanfarx lil Ananija talli esprima t-tħassib tiegħu. Madankollu, Ġesù tah direzzjoni ċara. U Ġesù wrieh dinjità billi qallu r-raġuni għala hu riedu jagħmel dan l-inkarigu mhux tas-soltu. Ġesù qal dwar Sawl: “Jien għażilt lil dan ir-raġel biex jagħti xhieda dwar ismi lill-popli, lir-rejiet, u lill-Iżraelin. Jien se nurih b’mod ċar kemm se jkollu jbati minħabba ismi.” (Atti 9:15, 16) Ananija obda lil Ġesù minnufih. Hu sab lil Sawl il-persekutur u qallu: “Ħija Sawl, il-Mulej Ġesù li deherlek fit-triq li kont ġej minnha bagħatni biex int tkun tistaʼ terġaʼ tara u jkollok l-ispirtu qaddis.”—Atti 9:17.

11, 12. X’nitgħallmu mill-ġrajjiet li involvew lil Ġesù, lil Ananija, u lil Sawl?

11 Diversi fatti jsiru evidenti mill-ġrajjiet li jinvolvu lil Ġesù, lil Ananija, u lil Sawl. Pereżempju, Ġesù għandu rwol attiv f’li jidderieġi x-xogħol tal-ippritkar, sewwasew bħalma wiegħed li se jkollu. (Mt. 28:20) Għalkemm illum ma jkellimx lil individwi direttament, Ġesù jidderieġi x-xogħol tal-ippritkar permezz tal-klassi tal-ilsir leali, li issa ħatarha fuq kulma għandu. (Mt. 24:45-47) Il-klassi tal-ilsir, rappreżentata mill-Ġemgħa li Tiggverna tagħha, tibgħat pubblikaturi u pijunieri biex isibu lil dawk li jridu jkunu jafu iktar dwar Kristu. Bħalma ssemma fil-kapitlu taʼ qabel, ħafna minn dawn l-uħud talbu għall-gwida t’Alla, u mbagħad ġew kuntattjati mix-Xhieda taʼ Ġeħova.—Atti 9:11.

12 Ananija b’ubbidjenza aċċetta inkarigu u ġie mbierek. Tobdi int il-kmand biex tagħti xhieda bid-dettall, anki jekk l-inkarigu jagħmlek xi ftit ansjuż? Għal xi wħud, il-fatt li jmorru minn dar għal dar u jiltaqgħu maʼ stranġieri jistaʼ jagħmilhom ansjużi. Oħrajn isibuh taʼ sfida biex jippritkaw lin-nies fuq il-post tax-xogħol tagħhom, fit-triq, bit-telefown, jew bl-ittri. Ananija għeleb il-biżaʼ tiegħu u kellu l-privileġġ li jgħin lil Sawl jirċievi l-ispirtu qaddis. b Ananija rnexxa għax fada f’Ġesù u qies lil Sawl bħala ħuh. Aħna nistgħu negħlbu l-biżaʼ tagħna jekk, bħal Ananija, ikollna l-fiduċja li Ġesù qed jidderieġi x-xogħol tal-ippritkar, ikollna l-empatija għan-nies, u nqisu saħansitra l-iktar individwi li jbeżżgħuna bħala ħutna prospettivi.—Mt. 9:36.

“Mar Jipprietka” Dwar Ġesù (Atti 9:18-30)

13, 14. Jekk qed tistudja l-Bibbja imma għadek m’intix mgħammed, x’tistaʼ titgħallem mill-eżempju taʼ Sawl?

13 Sawl aġixxa malajr fuq dak li tgħallem. Wara li ġie mfejjaq, hu tgħammed u beda jassoċja mill-qrib mad-dixxipli f’Damasku. Imma għamel iktar minn hekk. “Mill-ewwel mar jipprietka fis-sinagogi li Ġesù hu l-Iben t’Alla.”—Atti 9:20.

14 Jekk qed tistudja l-Bibbja imma għadek m’intix mgħammed, se tkun bħal Sawl u taġixxi b’mod deċiżiv fuq dak li titgħallem? Huwa minnu li Sawl esperjenza personalment miraklu li wettaq Kristu, u dan bla dubju kien t’għajnuna biex iqanqlu jieħu azzjoni. Imma oħrajn ukoll raw mirakli li wettaq Ġesù. Pereżempju, grupp wieħed taʼ Fariżej osservawh hekk kif fejjaq l-id niexfa taʼ wieħed raġel, u għadd kbir taʼ Lhud inġenerali kienu jafu li Ġesù qajjem lil Lazzru mill-mewt. Madankollu, ħafna minnhom baqgħu indifferenti għall-miraklu u xi wħud saħansitra opponew lil Ġesù. (Mk. 3:1-6; Ġw. 12:9, 10) B’kuntrast, Sawl inbidel mil-lejl għan-nhar. Sawl għala wieġeb meta oħrajn ma wiġbux? Għax kien jibżaʼ minn Alla iktar milli mill-bniedem u apprezza profondament il-ħniena li Kristu kien wera miegħu. (Flp. 3:8) Jekk int twieġeb b’mod simili, ma se tħalli xejn iwaqqfek milli tieħu sehem fix-xogħol tal-ippritkar u milli tikkwalifika għall-magħmudija.

15, 16. Sawl x’għamel fis-sinagogi, u l-Lhud f’Damasku kif wieġbu?

15 Tistaʼ timmaġina s-sorpriża, il-ħasda, u r-rabja li żgur ħassew il-folol meta Sawl beda jipprietka dwar Ġesù fis-sinagogi? “Dan mhux ir-raġel li ħarbat lil dawk f’Ġerusalemm li kienu jafdaw f’dan l-isem?” huma staqsew. (Atti 9:21) Biex jispjega għala kien biddel l-attitudni tiegħu dwar Ġesù, Sawl ‘b’raġunar loġiku wera b’mod ċar li Ġesù hu l-Kristu.’ (Atti 9:22) Imma l-loġika ma tikkonvinċix lil kulħadd. La tistaʼ tbiddel il-mod taʼ ħsieb tan-nies li jinsistu li jgħixu fi qbil mat-tradizzjoni u lanqas tistaʼ tbiddel lin-nies li huma kburin. Xorta waħda, Sawl ma qatax qalbu.

16 Tliet snin wara, il-Lhud f’Damasku kienu għadhom qed jopponu lil Sawl. Finalment, ftiehmu biex joqtluh. (Atti 9:23; 2 Kor. 11:32, 33; Gal. 1:13-18) Meta l-komplott sar magħruf, Sawl telaq mill-belt b’mod diskret billi ħalla lil oħrajn iniżżluh f’qoffa minn ġo tieqa fis-sur tal-belt. Luqa jiddeskrivi lil dawk li għenu lil Sawl jaħrab dak il-lejl bħala li kienu “d-dixxipli tiegħu,” jiġifieri, taʼ Sawl. (Atti 9:25) Dan il-kliem donnu jindika li minn tal-inqas xi wħud li semgħu lil Sawl jitkellem f’Damasku wieġbu għall-ippritkar tiegħu u saru segwaċi taʼ Kristu.

17. (a) In-nies b’liema modi jwieġbu għall-verità tal-Bibbja? (b) X’għandna nkomplu nagħmlu, u għala?

17 Meta għall-ewwel bdejt tgħid lil familtek, lil sħabek, u lil oħrajn dwar l-affarijiet sbieħ li kont qed titgħallem, għandek mnejn stennejt li kulħadd kien se jaċċetta l-loġika tal-verità tal-Bibbja. Xi wħud għandhom mnejn hekk għamlu, filwaqt li ħafna oħrajn irreaġixxew b’mod differenti. Tabilħaqq, membri taʼ darek stess forsi ttrattawk bħala għadu. (Mt. 10:32-38) Madankollu, jekk tkompli ttejjeb l-abbiltà tiegħek biex tirraġuna mill-Iskrittura u jekk iżżomm kondotta Kristjana, anki dawk li jopponuk jistgħu eventwalment ibiddlu l-attitudni tagħhom.—Atti 17:2; 1 Pt. 2:12; 3:1, 2, 7.

18, 19. (a) Meta Barnaba vverifika li Sawl verament kien sar dixxiplu, x’kien l-effett? (b) Kif nistgħu nimitaw lil Barnaba u lil Sawl?

18 Meta Sawl daħal Ġerusalemm, id-dixxipli bir-raġun m’emmnux li issa kien dixxiplu. Madankollu, meta Barnaba vverifika li Sawl verament kien sar dixxiplu, l-appostli aċċettawh, u baqaʼ magħhom għal xi żmien. (Atti 9:26-28) Sawl kien diskret, imma ma staħax minħabba l-aħbar tajba. (Rum. 1:16) Hu pprietka bil-kuraġġ f’Ġerusalemm, l-istess post minn fejn kien ta bidu għal persekuzzjoni ħarxa kontra d-dixxipli taʼ Ġesù Kristu. Il-Lhud f’Ġerusalemm ma setgħux jemmnu lil għajnejhom meta raw li r-raġel li ħasbu li kien se jieħu t-tmexxija biex jelimina lill-Kristjani issa kien sar wieħed minnhom, u għalhekk ftiehmu biex joqtluh. “Meta l-aħwa saru jafu b’dan,” jgħid ir-rakkont, “[lil Sawl] niżżluh Ċesarija u bagħtuh Tarsu.” (Atti 9:30) Sawl issottometta ruħu lejn id-direzzjoni taʼ Ġesù li ngħatatlu permezz tal-kongregazzjoni. Kemm Sawl kif ukoll il-kongregazzjoni bbenefikaw.

19 Innota li Barnaba ħa l-inizjattiva biex jassisti lil Sawl. Bla dubju, dan l-att ħanin għen biex jikkultiva l-ħbiberija tajba li żviluppat bejn dawn il-qaddejja żelużi taʼ Ġeħova. Bħal Barnaba, tassisti int minn jeddek lil uħud ġodda fil-kongregazzjoni, billi taħdem magħhom fis-servizz tal-għalqa u tgħinhom jagħmlu progress spiritwali? Se tiġi premjat bil-kbir jekk tagħmel hekk. Jekk int pubblikatur ġdid tal-aħbar tajba, bħal Sawl, taċċetta int l-għajnuna li tiġi offruta lilek? Jekk taħdem flimkien maʼ pubblikaturi li għandhom iktar esperjenza, int se ttejjeb l-abbiltà tiegħek fil-ministeru, il-ferħ tiegħek se jiżdied, u se tiżviluppa ħbiberiji li jistgħu jkunu dejjiema.

“Ħafna Bdew Jemmnu” (Atti 9:31-43)

20, 21. Il-qaddejja t’Alla fil-passat u fil-preżenti kif għamlu użu tajjeb minn ‘perijodi taʼ paċi’?

20 Wara l-konverżjoni taʼ Sawl u t-tluq tiegħu b’wiċċ il-ġid, “il-kongregazzjonijiet kollha fil-Lhudija, il-Galilija, u s-Samarija ssaħħu u kellhom perjodu taʼ paċi” (Atti 9:31) Id-dixxipli kif użaw dan iż-“żmien favorevoli”? (2 Tim. 4:2) Ir-rakkont jgħid li kienu qed “jiżdiedu.” L-appostli u aħwa rġiel responsabbli oħrajn saħħew il-fidi tad-dixxipli u ħadu t-tmexxija hekk kif il-kongregazzjoni ‘rrispettat ħafna lil Ġeħova u kienet imsaħħa bl-ispirtu qaddis.’ Pereżempju, Pietru uża ż-żmien biex isaħħaħ lid-dixxipli fil-belt taʼ Lidda fil-Pjanura tas-Saron. L-isforzi tiegħu għenu lil ħafna li kienu jgħixu fil-viċinanza biex ‘jibdew jemmnu fil-Mulej.’ (Atti 9:32-35) Id-dixxipli ma ġewx aljenati minn miri persunali, imma ħabirku biex jieħdu ħsieb xulxin u biex jippritkaw l-aħbar tajba. Ir-riżultat kien li l-kongregazzjoni ‘kompliet tiżdied.’

21 Lejn it-tmiem tas-seklu 20, ix-Xhieda taʼ Ġeħova f’ħafna pajjiżi daħlu f’“perijodu taʼ paċi” simili. Reġimi li kienu ilhom għaxriet taʼ snin jaħqru lill-poplu t’Alla f’daqqa waħda ntemmu, u ċerti projbizzjonijiet fuq ix-xogħol tal-ippritkar tnaqqsu jew tneħħew. Għaxriet t’eluf taʼ Xhieda ħatfu l-opportunità biex jippritkaw pubblikament, b’riżultati impressjonanti.

22. Kif tistaʼ tagħmel użu tajjeb mil-libertà li għandek?

22 Int qed tagħmel użu tajjeb mil-libertà li għandek? Jekk tgħix f’pajjiż li jgawdi libertà reliġjuża, Satana jixtieq iħajrek issus wara l-għana materjali, u mhux wara l-interessi tas-Saltna. (Mt. 13:22) Taljenax ruħek. Uża b’mod produttiv kwalunkwe perijodu taʼ paċi relattiva li forsi qed tgawdi bħalissa. Qisu bħala opportunità biex tagħti xhieda bid-dettall u biex issaħħaħ lill-kongregazzjoni. Ftakar, iċ-ċirkustanzi tiegħek jistgħu jitbiddlu f’ħakka t’għajn.

23, 24. (a) Liema punti nitgħallmu mir-rakkont dwar Tabita? (b) X’għandna nkunu determinati li nagħmlu?

23 Ikkunsidra dak li ġara lil dixxiplu jisimha Tabita, jew Dorka. Kienet tgħix f’Ġaffa, belt qrib Lidda. Din l-oħt leali użat il-ħin u l-ġid tagħha b’mod għaqli, billi kienet “tagħmel ħafna affarijiet tajbin u tgħin lill-foqra.” Però, f’daqqa waħda mardet u mietet. c Il-mewt tagħha kkaġunat ħafna niket fost id-dixxipli f’Ġaffa, speċjalment fost ir-romol li magħhom kienet uriet qalb tajba. Meta Pietru wasal fid-dar li fiha ġisimha kien qed jiġi mħejji għad-difna, hu wettaq miraklu li qatt ma kien sar bħalu fost l-appostli taʼ Ġesù Kristu. Pietru talab, u mbagħad qajjem lil Tabita mill-mewt! Tistaʼ timmaġina l-ferħ tar-romol u tad-dixxipli l-oħrajn meta Pietru sejħilhom lura fil-kamra u tahom lil Tabita ħajja? Min jaf kemm saħħewhom dawn il-ġrajjiet għall-provi li kien hemm quddiemhom! Bir-raġun, il-miraklu “sar jaf bih kulħadd f’Ġaffa, u ħafna bdew jemmnu fil-Mulej.”—Atti 9:36-42.

Int kif tistaʼ timita lil Tabita?

24 Nitgħallmu żewġ punti importanti minn dan ir-rakkont dwar Tabita li jqawwi l-qalb. (1) Il-ħajja tgħaddi malajr. Għalhekk, kemm hu vitali li nagħmlu isem tajjeb m’Alla sakemm għadna nistgħu nagħmlu dan! (Ekk. 7:1) (2) It-tama tal-irxoxt hija żgura. Ġeħova nnota d-diversi atti taʼ qalb tajba li kienet għamlet Tabita, u ppremjaha. Hu se jiftakar fix-xogħol iebes tagħna u se jirxoxtana jekk ħajjitna tintemm qabel Armageddon. (Ebr. 6:10) Għalhekk, kemm jekk bħalissa qed nissaportu “żmien taʼ inkwiet” u kemm jekk qed ingawdu “perijodu taʼ paċi,” ejja nipperseveraw f’li nagħtu xhieda bid-dettall dwar Kristu.—2 Tim. 4:2.

a Ara l-kaxxa “ Sawl il-Fariżew.”

b Bħala regola ġenerali, l-għotjiet tal-ispirtu qaddis kienu jingħataw permezz tal-appostli. Madankollu, f’din is-sitwazzjoni mhix tas-soltu, jidher li Ġesù ta l-awtorità lil Ananija biex jagħti l-għotjiet tal-ispirtu lil Sawl. Wara l-konverżjoni tiegħu, Sawl ma kellux kuntatt mat-12-il appostlu għal żmien konsiderevoli. Però, x’aktarx li kien attiv matul dan il-perijodu. Allura, milli jidher, Ġesù ra li Sawl ikollu l-qawwa li kellu bżonn sabiex iwettaq l-inkarigu tal-ippritkar tiegħu.