Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 6

Stiefnu​—⁠“Alla Kien Japprovah u Tah Qawwa Kbira”

Stiefnu​—⁠“Alla Kien Japprovah u Tah Qawwa Kbira”

Nitgħallmu mix-xhieda kuraġġuża taʼ Stiefnu quddiem is-Sinedriju

Ibbażat fuq Atti 6:8–8:3

1-3. (a) Stiefnu jinsab f’liema sitwazzjoni tal-biżaʼ, u madankollu kif jirreaġixxi għaliha? (b) Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw?

 STIEFNU qiegħed bilwieqfa quddiem il-membri tal-qorti. F’sala impressjonanti, x’aktarx viċin it-tempju f’Ġerusalemm, 71 raġel qegħdin bilqiegħda f’forma taʼ nofs ċirku kbir. Din il-qorti, is-Sinedriju, illum inġabret biex tiġġudika lil Stiefnu. L-imħallfin huma rġiel setgħanin u taʼ influwenza kbira, u l-biċċa l-kbira minnhom ftit li xejn għandhom rispett għal dan id-dixxiplu taʼ Ġesù. Fil-fatt, ir-raġel li laqqaʼ l-qorti hu l-Qassis il-Kbir Kajfa, li kien qed jippresiedi meta s-Sinedriju kkundanna lil Ġesù Kristu għall-mewt ftit tax-xhur qabel. Iħossu beżgħan Stiefnu?

2 Hemm xi ħaġa rimarkevoli dwar l-espressjoni fuq wiċċ Stiefnu f’dan il-mument. L-imħallfin iħarsu fiss lejh u jaraw “li wiċċu kien bħal t’anġlu.” (Atti 6:15) L-anġli jwasslu messaġġi mingħand Alla Ġeħova, u b’hekk għandhom raġun ikunu bla biża’, kalmi, u paċifiċi. U l-istess fil-każ taʼ Stiefnu—anki dawn l-imħallfin mimlijin mibegħda jistgħu jaraw dan. Kif jistaʼ jkun daqstant kalm?

3 Il-Kristjani llum jistgħu jitgħallmu ħafna mit-tweġiba għal din il-mistoqsija. Ukoll, irridu nkunu nafu x’wassal lil Stiefnu għal dan il-mument kruċjali. Kif kien iddefenda l-fidi tiegħu qabel? U b’liema modi nistgħu nimitawh?

“Xewxu lin-Nies” (Atti 6:8-15)

4, 5. (a) Stiefnu għala kien dixxiplu prezzjuż fil-kongregazzjoni? (b) Stiefnu b’liema mod “Alla kien japprovah u tah qawwa kbira”?

4 Diġà sirna nafu li Stiefnu kien dixxiplu prezzjuż fil-kongregazzjoni Kristjana l-ġdida. Fil-kapitlu taʼ qabel taʼ dan il-ktieb rajna li kien fost dawk is-sebat irġiel umli li kienu lesti jagħtu daqqa t’id lill-appostli meta ntalbu biex jagħtu l-għajnuna. L-umiltà tiegħu hi iktar rimarkevoli meta nikkunsidraw l-għotjiet li dan ir-raġel kien ġie mbierek bihom. F’​Atti 6:8, naqraw li rnexxielu “jagħmel affarijiet tal-għaġeb u mirakli,” bħalma għamlu xi wħud mill-appostli. Jintqalilna wkoll li “Alla kien japprovah u tah qawwa kbira.” Dan x’kien ifisser?

5 Il-kelma Griega għal “Alla kien japprovah” tistaʼ tfisser ukoll “ħlewwa.” Huwa evidenti li Stiefnu kien qalbu tajba u ġentili, u b’hekk kien jiġbed lin-nies lejh. Hu tkellem b’tali mod li pperswada lil ħafna mis-semmiegħa tiegħu, u kkonvinċiehom mis-sinċerità taʼ qalbu u li dak li kien qed jgħallem setaʼ biss ikun għall-ġid tagħhom. Kien mimli qawwa għaliex l-ispirtu taʼ Ġeħova kien qed jaħdem fih, għax b’mod umli ħallieh imexxih. Minflok ma ntefaħ minħabba l-għotjiet u l-abbiltajiet tiegħu, hu dderieġa t-tifħir kollu lejn Ġeħova u wera li kien jimpurtah min-nies li kellem. Għalhekk, mhux taʼ b’xejn li l-opponenti tiegħu kienu jħossuhom mheddin minnu!

6-8. (a) L-opponenti taʼ Stiefnu akkużawh b’liema żewġ affarijiet, u għala? (b) L-eżempju taʼ Stiefnu għala jistaʼ jkun utli għall-Kristjani llum?

6 Diversi rġiel qamu biex jitlewmu maʼ Stiefnu, iżda “huma ma setgħux jirbħulu l-argument għax kien qed jitkellem b’għerf kbir u bl-għajnuna tal-ispirtu qaddis.” a Frustrati, huma “bil-moħbi kkonvinċew” lil xi rġiel biex iġibu akkużi kontra dan is-segwaċi innoċenti taʼ Kristu. Ukoll, “xewxu lin-nies,” lix-xjuħ, u lill-iskribi, sabiex Stiefnu jittieħed bil-forza quddiem is-Sinedriju. (Atti 6:9-12) L-opponenti akkużawh b’żewġ affarijiet: Li kien qed jidgħi kemm kontra Alla kif ukoll kontra Mosè. B’liema modi?

7 L-akkużaturi foloz qalu li Stiefnu dagħa kontra Alla fis-sens li tkellem kontra “dan il-post qaddis”—it-tempju f’Ġerusalemm. (Atti 6:13) Akkużawh li dagħa kontra Mosè fis-sens li tkellem kontra l-Liġi Mosajka, billi biddel xi drawwiet li kien għaddielhom Mosè. Din kienet akkuża serja ħafna, għax il-Lhud f’dak iż-żmien għamlu enfasi kbira fuq it-tempju, fuq id-dettalji tal-Liġi Mosajka, u fuq il-ħafna tradizzjonijiet orali li kienu żiedu maʼ din il-Liġi. B’hekk, l-akkuża kienet tfisser li Stiefnu kien raġel perikoluż u li kien ħaqqu l-mewt!

8 B’sogħba, xi nies reliġjużi spiss jużaw tattiki bħal dawn sabiex jaqilgħu l-inkwiet għall-qaddejja t’Alla. Sal-lum il-ġurnata, xi opponenti reliġjużi kultant ixewxu lil mexxejja sekulari biex jippersegwitaw lix-Xhieda taʼ Ġeħova. Kif għandna nirreaġixxu meta niffaċċjaw akkużi mgħawġin jew foloz? Nistgħu nitgħallmu ħafna minn Stiefnu.

Xhieda bil-Kuraġġ Dwar “l-Alla l-Glorjuż” (Atti 7:1-53)

9, 10. Xi kritiċi x’sostnew dwar id-diskors taʼ Stiefnu quddiem is-Sinedriju, u xi rridu nżommu f’moħħna?

9 Bħalma ssemma fil-bidu taʼ dan il-kapitlu, wiċċ Stiefnu kien kalm bħal dak t’anġlu hekk kif semaʼ l-akkużi li nġiebu kontrih. Issa Kajfa dar lejh u qallu: “Veru dan?” (Atti 7:1) Issa kien imiss lil Stiefnu biex jitkellem. U hekk għamel!

10 Xi kritiċi attakkaw id-diskors taʼ Stiefnu billi sostnew li għalkemm id-diskors kien twil lanqas biss wieġeb l-akkuża li nġiebet kontrih. Imma, fir-realtà, Stiefnu ħalla eżempju eċċellenti għalina dwar kif ‘niddefendu’ l-aħbar tajba. (1 Pt. 3:15) Żomm f’moħħok li Stiefnu ġie akkużat li kien dagħa kontra Alla billi tkellem kontra t-tempju u li kien dagħa kontra Mosè billi tkellem kontra l-Liġi. It-tweġiba taʼ Stiefnu hi ġabra fil-qosor taʼ tliet perijodi taʼ żmien mill-istorja taʼ Iżrael, b’ċerti punti enfasizzati bid-dettall. Ejja nikkunsidraw dawn it-tliet perijodi mill-istorja wieħed wieħed.

11, 12. (a) Stiefnu kif għamel użu effettiv mill-eżempju t’Abraham? (b) Stiefnu għala semma lil Ġużeppi fid-diskors tiegħu?

11 L-era tal-patrijarki. (Atti 7:1-16) Stiefnu beda billi tkellem dwar Abraham, li l-Lhud kienu jirrispettawh għall-fidi tiegħu. Filwaqt li beda b’dan is-suġġett importanti li kienu jaqblu fuqu, Stiefnu enfasizza li Ġeħova, “l-Alla l-glorjuż,” deher lil Abraham l-ewwel darba fil-Mesopotamja. (Atti 7:2) Fil-fatt, dan ir-raġel kien resident barrani fl-Art Imwiegħda. Abraham la kellu tempju u lanqas il-Liġi Mosajka. Kif setaʼ xi ħadd jinsisti li l-fedeltà lejn Alla għandha dejjem tiddependi minn dawn l-arranġamenti?

12 Ġużeppi, dixxendent t’Abraham, ukoll kien stmat ħafna mill-udjenza taʼ Stiefnu, imma Stiefnu fakkarhom li ħut Ġużeppi stess, il-missirijiet tat-tribujiet taʼ Iżrael, ippersegwitaw lil dan ir-raġel ġust u bigħuh fil-jasar. Minkejja dan, Alla użah biex isalva lil Iżrael mill-ġuħ. Stiefnu x’aktarx li ra s-similaritajiet ċari bejn Ġużeppi u Ġesù Kristu, imma ma tkellimx dwar dan ix-xebh sabiex l-udjenza tiegħu tkompli tisimgħu kemm jistaʼ jkun.

13. Id-diskussjoni dwar Mosè kif wieġbet l-akkużi kontra Stiefnu, u din għenet biex tiġi żviluppata liema tema?

13 Żmien Mosè. (Atti 7:17-43) Stiefnu qal ħafna dwar Mosè—u din kienet ħaġa għaqlija ladarba ħafna membri tas-Sinedriju kienu Sadduċej, li ċaħdu l-kotba kollha tal-Bibbja minbarra dawk li nkitbu minn Mosè. Ukoll, ftakar fl-akkuża li Stiefnu kien dagħa kontra Mosè. Kliem Stiefnu wieġeb din l-akkuża direttament, għax wera li kellu rispett profond għal Mosè u għal-Liġi. (Atti 7:38) Hu nnota li anki Mosè kien ġie miċħud minn dawk li tant kien stinka biex isalvahom. Huma ċaħduh meta kellu 40 sena. U iktar minn 40 sena wara, sfidaw it-tmexxija tiegħu diversi drabi. b B’hekk, Stiefnu b’mod progressiv żviluppa tema importanti: Il-poplu t’Alla darba wara l-oħra ċaħad lil dawk li Ġeħova kien ħatar biex imexxuhom.

14. L-użu tal-eżempju taʼ Mosè appoġġa liema punti fid-diskors taʼ Stiefnu?

14 Stiefnu fakkar lill-udjenza tiegħu li Mosè kien bassar li profeta bħal Mosè kien se jqum minn Iżrael. Dan min kien se jkun, u kif kien se jiġi milqugħ? Stiefnu ħalla t-tweġibiet għall-konklużjoni tiegħu. Semma punt importanti ieħor: Mosè kien tgħallem li kwalunkwe art tistaʼ ssir qaddisa, bħal fil-każ tal-art ħdejn l-għollieqa taqbad, fejn kien kellmu Ġeħova. Allura, tistaʼ l-qima taʼ Ġeħova tiġi limitata jew ristretta għal bini wieħed, bħat-tempju f’Ġerusalemm? Ejja naraw.

15, 16. (a) It-tabernaklu għala kien importanti għall-argument li kien qed jiżviluppa Stiefnu? (b) Stiefnu kif uża t-tempju taʼ Salamun fid-diskussjoni tiegħu?

15 It-tabernaklu u t-tempju. (Atti 7:44-50) Stiefnu fakkar lill-qorti li qabel ma kien hemm xi tempju f’Ġerusalemm, Alla kien ikkmanda lil Mosè biex jibni tabernaklu—struttura qisha tinda li setgħet tinġarr u li kienet tintuża għall-qima. Min kien se jissogra jargumenta li t-tabernaklu kien inferjuri għat-tempju, ladarba Mosè nnifsu kien ta qima hemmhekk?

16 Iktar tard, meta Salamun bena t-tempju f’Ġerusalemm, ġie mnebbaħ biex iwassal lezzjoni vitali fit-talba tiegħu. Bħalma poġġieha Stiefnu, “l-Iktar Għoli ma jgħixx ġo djar mibnija min-nies.” (Atti 7:48; 2 Kron. 6:18) Ġeħova jistaʼ juża tempju biex jgħinu jwettaq l-iskopijiet tiegħu, imma m’għandux bżonn tempju biex jgħammar fih. Allura, l-aduraturi tiegħu għala għandhom iħossu li l-qima pura tiddependi minn bini magħmul bl-idejn umani? Stiefnu ġab dan l-argument għal konklużjoni qawwija billi kkwota mill-ktieb taʼ Isaija: “Is-sema hi t-tron tiegħi, u l-art hi l-banketta għal saqajja. X’tip taʼ dar se tibnuli? jgħid Ġeħova. Jew fejn hu l-post taʼ mistrieħ tiegħi? Mhux jien għamilthom dawn l-affarijiet kollha?” —Atti 7:49, 50; Is. 66:1, 2.

17. Id-diskors taʼ Stiefnu kif (a) indirizza l-attitudnijiet tas-semmiegħa tiegħu u (b) wieġeb għall-akkużi li nġiebu kontrih?

17 Hekk kif tirrivedi d-diskors taʼ Stiefnu lis-Sinedriju sa dan il-punt, ma taqbilx li tassew wera ċar li l-akkużaturi tiegħu kellhom attitudnijiet żbaljati? Hu wera li l-iskop taʼ Ġeħova hu progressiv u dinamiku, mhux wieqaf u marbut mat-tradizzjonijiet. Dawk li poġġew enfasi żejda fuq dan il-bini sabiħ f’Ġerusalemm u fuq id-drawwiet u t-tradizzjonijiet li kienu żviluppaw madwar il-Liġi Mosajka kienu tilfu l-iskop kollu li kien hemm wara l-Liġi u t-tempju! B’mod indirett, id-diskors taʼ Stiefnu qajjem il-mistoqsija vitali: L-aħjar mod kif tonora l-Liġi u t-tempju, mhuwiex billi tobdi lil Ġeħova? Fir-realtà, kliem Stiefnu pprovda difiża eċċellenti għall-azzjonijiet tiegħu stess, għax hu kien obda lil Ġeħova bl-aħjar mod li setaʼ.

18. B’liema modi għandna nipprovaw nimitaw lil Stiefnu?

18 X’nistgħu nitgħallmu mid-diskors taʼ Stiefnu? Hu kien familjari ħafna mal-Iskrittura. Bl-istess mod, aħna rridu nkunu studenti diliġenti tal-Kelma t’Alla jekk se nimmaniġġaw “sew il-kelma tal-verità.” (2 Tim. 2:15) Nistgħu wkoll nitgħallmu dwar il-ħlewwa u t-tattika li wera Stiefnu. L-udjenza tiegħu ma setgħetx tkun iktar ostili! Però, sakemm setaʼ, hu tkellem dwar dak li kellhom komuni bejniethom billi ffoka fuq l-affarijiet li dawk l-irġiel kienu jqisuhom taʼ valur kbir. Ukoll, indirizzahom bir-rispett, billi lix-xjuħ sejħilhom “missirijiet.” (Atti 7:2) Aħna wkoll irridu nippreżentaw il-veritajiet tal-Kelma t’Alla “bil-ħlewwa u b’rispett profond.”—1 Pt. 3:15.

19. Stiefnu kif wassal bil-kuraġġ il-messaġġ taʼ ġudizzju taʼ Ġeħova lis-Sinedriju?

19 Madankollu, ma nżommux lura milli naqsmu l-veritajiet tal-Kelma t’Alla għax nibżgħu li noffendu lil xi nies; lanqas ma rrattbu l-messaġġi taʼ ġudizzju taʼ Ġeħova. Stiefnu hu eżempju tajjeb taʼ dan. Bla dubju, setaʼ jara li l-evidenza kollha li kien qiegħed quddiem is-Sinedriju ftit li xejn kellha effett fuq dawk l-imħallfin qalbhom iebsa. Għalhekk, imqanqal mill-ispirtu qaddis, hu kkonkluda t-taħdita tiegħu billi bla biżaʼ wriehom li kienu preċiż bħal missirijiethom li kienu ċaħdu lil Ġużeppi, lil Mosè, u lill-profeti kollha. (Atti 7:51-53) Fil-fatt, dawn l-imħallfin tas-Sinedriju kienu qatlu lill-Messija, li l-miġja tiegħu stess kienet ġiet imbassra minn Mosè u mill-profeti kollha. Fir-realtà, kienu kisru l-Liġi Mosajka bl-agħar mod possibbli!

“Mulej Ġesù, Jien Nagħtik Ħajti” (Atti 7:54–8:3)

“Meta semgħu hekk, tgħidx kemm irrabjaw u bdew jheżżu snienhom.”—Atti 7:54

20, 21. Is-Sinedriju kif irreaġixxa għall-kliem taʼ Stiefnu, u Ġeħova kif saħħu?

20 Il-verità li ħadd ma setaʼ jiċħadha taʼ kliem Stiefnu mliet lil dawk l-imħallfin b’dagħdigħa. Billi aġixxew b’mod xejn dinjituż, huma bdew jgħażżu snienhom għal Stiefnu. Dan ir-raġel leali bilfors li induna li ma kien se jintwera ebda ħniena, bħalma ma kienx intwera Sidu, Ġesù.

21 Stiefnu kellu bżonn il-kuraġġ biex jiffaċċja dak li kien se jiġrilu dalwaqt, u bla dubju rċieva ħafna inkuraġġiment mill-viżjoni li Ġeħova mbagħad tah b’qalb tajba. Stiefnu ra l-glorja t’Alla, u ra lil Ġesù fuq il-leminija taʼ Ġeħova! Hekk kif Stiefnu ddeskriva l-viżjoni, l-imħallfin tiegħu poġġew idejhom fuq widnejhom. Għala? Iktar qabel, Ġesù kien qal lil din l-istess qorti li kien il-Messija u li dalwaqt kien se jkun fuq il-lemin taʼ Missieru. (Mk. 14:62) Il-viżjoni taʼ Stiefnu tat prova li Ġesù qal il-verità. Dan is-Sinedriju kien, fil-fatt, ittradixxa u qatel lill-Messija! B’fehma waħda, huma ġrew għal fuq Stiefnu biex iħaġġruh għall-mewt. c

22, 23. Il-mewt taʼ Stiefnu b’liema modi kienet bħal dik taʼ Sidu, u l-Kristjani llum kif jistgħu jkunu fiduċjużi daqskemm kien Stiefnu?

22 Stiefnu miet b’mod simili ħafna għal kif miet Sidu, bis-serenità, mimli fiduċja f’Ġeħova u maħfra għal dawk li qatluh. Hu qal, “Mulej Ġesù, jien nagħtik ħajti,” forsi għax kien għadu qed jara lil Bin il-bniedem maʼ Ġeħova fil-viżjoni. Bla dubju, Stiefnu kien jaf il-kliem inkuraġġanti taʼ Ġesù: “Jien l-irxoxt u l-ħajja.” (Ġw. 11:25) Finalment, Stiefnu talab direttament lil Alla b’leħen għoli: “Ġeħova, iżżommhomx responsabbli għal dan id-dnub.” Wara li qal dan, raqad fil-mewt.—Atti 7:59, 60.

23 B’hekk, Stiefnu sar l-ewwel martri dokumentat fost is-segwaċi taʼ Kristu. (Ara l-kaxxa “ ‘Martri’ f’Liema Sens?”) Però, b’dispjaċir, ma kienx se jkun l-aħħar wieħed. Sa żmienna, xi qaddejja leali taʼ Ġeħova nqatlu minn fanatiċi reliġjużi u politiċi, u opponenti krudili oħrajn. Xorta waħda, għandna għal xiex inkunu fiduċjużi daqskemm kien Stiefnu. Ġesù issa qed imexxi bħala Re, u qed jeżerċita l-qawwa tremenda li tah Missieru. Xejn ma se jwaqqfu milli jirxoxta lis-segwaċi leali tiegħu.—Ġw. 5:28, 29.

24. Sawl kif kellu sehem fil-mewt taʼ Stiefnu bħala martri, u x’kienu ftit mill-effetti dejjiema tal-mewt taʼ dan ir-raġel leali?

24 Raġel żagħżugħ jismu Sawl kien qed josserva dan kollu. Hu approva l-qtil taʼ Stiefnu, u saħansitra qagħad għassa mal-ħwejjeġ taʼ dawk li kienu qed iwaddbu l-ġebel. Ftit wara dan, hu kien minn taʼ quddiem f’żieda f’daqqa taʼ persekuzzjoni vjolenti u krudila. Imma l-mewt taʼ Stiefnu kien se jkollha effett pożittiv u dejjiemi. L-eżempju tiegħu kien biss se jsaħħaħ lil Kristjani oħrajn biex jibqgħu leali u jiksbu rebħa simili. Barra minn hekk, Sawl—li fis-snin taʼ wara kien jissejjaħ l-iktar Pawlu—kien se jħares lura lejn l-irwol tiegħu fil-mewt taʼ Stiefnu b’dispjaċir kbir. (Atti 22:20) Hu kien għen biex jinqatel Stiefnu, imma iktar tard kien se jirrealizza: “Kont midgħi u persekutur u raġel insolenti.” (1 Tim. 1:13) B’mod ċar, Pawlu qatt ma nesa lil Stiefnu u d-diskors qawwi li għamel dakinhar. Fil-fatt, ftit mid-diskorsi u l-kitbiet taʼ Pawlu żviluppaw temi li kien semma Stiefnu fid-diskors tiegħu. (Atti 7:48; 17:24; Ebr. 9:24) Maż-żmien, Pawlu tgħallem bis-sħiħ isegwi l-eżempju taʼ fidi u kuraġġ li ħalla Stiefnu, raġel “li Alla kien japprovah u tah qawwa kbira.” Il-mistoqsija hi, Aħna se nsegwuh?

a Xi wħud minn dawn l-opponenti kienu jappartjenu lis-“Sinagoga tal-Meħlusin.” Għandhom mnejn li xi darba kienu nqabdu mir-Rumani u iktar tard ġew meħlusin, jew forsi kienu lsiera meħlusin li kienu saru proseliti Lhud. Xi wħud kienu miċ-Ċiliċja, bħalma kien Sawl taʼ Tarsu. Ir-rakkont ma jgħidx jekk Sawl kienx fost dawk miċ-Ċiliċja li ma setgħux jegħlbu lil Stiefnu.

b Id-diskors taʼ Stiefnu fih informazzjoni li ma nistgħu nsibuha mkien iktar fil-Bibbja, bħalma huma xi fatti dwar l-edukazzjoni Eġizzjana taʼ Mosè, l-età tiegħu meta ħarab l-ewwel darba mill-Eġittu, u kemm dam f’Midjan.

c Ma jidhirx li s-Sinedriju kellu l-awtorità taħt il-liġi Rumana biex jordna esekuzzjoni. (Ġw. 18:31) Kien x’kien il-każ, il-mewt taʼ Stiefnu tidher li kienet qtil li sar minn folla nies irrabjata, minflok att ġudizzjarju.