KAPITLU 11
’Kienu Ferħanin u Rċivew l-Ispirtu’
L-eżempju taʼ Pawlu taʼ kif ittratta maʼ nies ostili li ma wiġbux b’mod favorevoli
Ibbażat fuq Atti 13:1-52
1, 2. X’hemm uniku dwar il-vjaġġ li Barnaba u Sawl dalwaqt se jagħmlu, u x-xogħol tagħhom kif se jgħin biex jitwettaq Atti 1:8?
HUWA jum eċċitanti għall-kongregazzjoni t’Antjokja. Mill-profeti u l-għalliema kollha li hemm fiha, intgħażlu mill-ispirtu qaddis Barnaba u Sawl biex jieħdu l-aħbar tajba f’postijiet iktar imbegħdin. a (Atti 13:1, 2) Veru, mhux l-ewwel darba li ntbagħtu rġiel kwalifikati. Però, fil-passat il-missjunarji kienu vvjaġġaw lejn inħawi fejn il-Kristjanità kienet diġà ġiet aċċettata. (Atti 8:14; 11:22) Din id-darba, Barnaba u Sawl—flimkien maʼ Ġwanni Marku, li se jgħinhom—se jintbagħtu f’artijiet fejn il-maġġuranza tan-nies ma semgħux dwar l-aħbar tajba.
2 Xi 14-il sena qabel, Ġesù kien qal lis-segwaċi tiegħu: “Se tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm, fil-Lhudija kollha, fis-Samarija, u fl-art kollha.” (Atti 1:8) Il-ħatra taʼ Barnaba u Sawl biex jaqdu bħala missjunarji se tgħin biex jitwettaq il-kliem profetiku taʼ Ġesù. b
‘Magħżulin għax-Xogħol’ (Atti 13:1-12)
3. Fl-ewwel seklu, il-vjaġġi twal għala kienu diffiċli?
3 Illum, grazzi għal invenzjonijiet bħall-karozzi u l-ajruplani, in-nies jistgħu jivvjaġġaw distanzi twal f’siegħa jew f’sagħtejn. Dan ma kienx il-każ fl-ewwel seklu WK. Lura dak iż-żmien, il-mod prinċipali tal-ivvjaġġar fuq l-art kien il-mixi, spiss fuq art imħarbta. Vjaġġ taʼ jum, li forsi kien ikopri 30 kilometru, kien iħalli lil dak li jkun bla saħħa! c B’hekk, filwaqt li Barnaba u Sawl mingħajr dubju kellhom sebaʼ mitt sena biex jibdew l-inkarigu tagħhom, ċertament li rrealizzaw li kien se jinvolvi sforz konsiderevoli u sagrifiċċju persunali.—Mt. 16:24.
4. (a) Xi dderieġa l-għażla taʼ Barnaba u Sawl, u sħabhom fit-twemmin kif irreaġixxew għal din il-ħatra? (b) Kif nistgħu nappoġġaw lil dawk li jirċievu inkarigi teokratiċi?
4 Imma l-ispirtu qaddis, għala dderieġa speċifikament biex Barnaba u Sawl jintgħażlu “għal ċertu xogħol”? (Atti 13:2) Il-Bibbja ma tgħidx. Li nafu hu li l-ispirtu qaddis idderieġa l-għażla taʼ dawn l-irġiel. M’hemm ebda indikazzjoni li l-profeti u l-għalliema f’Antjokja ma qablux maʼ din id-deċiżjoni. Minflok, huma appoġġaw bis-sħiħ il-ħatra. Immaġina kif żgur ħassewhom Barnaba u Sawl hekk kif ħuthom spiritwali, mingħajr għira, ‘samu u talbu u poġġew idejhom fuqhom u bagħtuhom.’ (Atti 13:3) Aħna wkoll għandna nappoġġaw lil dawk li jirċievu inkarigi teokratiċi, inkluż lil irġiel maħturin bħala indokraturi tal-kongregazzjoni. Minflok ma ngħiru għal dawk li jirċievu privileġġi bħal dawn, għandna ‘nuruhom konsiderazzjoni kbira bl-imħabba għax-xogħol tagħhom.’—1 Tess. 5:13.
5. Iddeskrivi x’kien hemm involut fl-għoti taʼ xhieda fuq il-Gżira taʼ Ċipru.
5 Wara li mxew sa Selewkja, port viċin Antjokja, Barnaba u Sawl salpaw lejn il-Gżira taʼ Ċipru, vjaġġ taʼ madwar 200 kilometru. d Peress li kien minn Ċipru, Barnaba x’aktarx li kien ħerqan biex iwassal l-aħbar tajba lin-nies t’hemmhekk. Malli waslu Salamina, belt max-xatt tal-Lvant tal-gżira, dawn l-irġiel ma ħlewx ħin. Immedjatament, “bdew ixandru dak li jgħid Alla fis-sinagogi tal-Lhud.” e (Atti 13:5) Barnaba u Sawl ivvjaġġaw minn tarf sa tarf taʼ Ċipru, x’aktarx billi taw xhieda fil-bliet ewlenin tul it-triq. Skont ir-rotta li ħadu, dawn il-missjunarji għandhom mnejn imxew madwar 160 kilometru!
6, 7. (a) Min kien Serġju Pawlu, u Bar-Jesu għala pprova jwaqqfu milli jismaʼ l-aħbar tajba? (b) Sawl kif fixkel l-oppożizzjoni minn Bar-Jesu?
6 Ċipru tal-ewwel seklu kien miżgħud bil-qima falza. Dan sar partikolarment evidenti meta Barnaba u Sawl waslu Pafos, mal-kosta tal-Punent tal-gżira. Hemmhekk iltaqgħu maʼ “Bar-Jesu, li kien saħħar u profeta falz.” U “hu kien mal-prokonslu Serġju Pawlu, raġel intelliġenti.” f Fl-ewwel seklu, ħafna Rumani sofistikati—saħansitra “raġel intelliġenti,” bħal Serġju Pawlu—spiss kienu jmorru għand saħħar jew astrologu biex jgħinhom jieħdu deċiżjonijiet importanti. Minkejja dan, Serġju Pawlu kien interessat ħafna fil-messaġġ tas-Saltna u “xtaq ħafna jismaʼ x’jgħid Alla.” Dan m’għoġbux lil Bar-Jesu, li kien magħruf ukoll bit-titlu professjonali tiegħu Elima, li jfisser “Saħħar.”—Atti 13:6-8.
7 Bar-Jesu kien jopponi l-messaġġ tas-Saltna. Tabilħaqq, l-uniku mod li setaʼ jipproteġi l-pożizzjoni influwenti tiegħu bħala konsulent taʼ Serġju Pawlu kien billi “jwaqqaf lill-prokonslu milli jismaʼ dak li jgħid Alla.” (Atti 13:8) Imma Sawl ma kienx se joqgħod b’idejh fuq żaqqu u jħalli lil dan is-saħħar ifixkel l-interess taʼ Serġju Pawlu. Għalhekk, x’għamel Sawl? Ir-rakkont jgħid: “Imbagħad ġie l-ispirtu qaddis fuq Sawl, li jismu wkoll Pawlu, u dan ħares lejn Elima [jew Bar-Jesu] u qallu: ‘Ja raġel kollok qerq u ħażen, int bin ix-Xitan, int għadu taʼ kulma hu ġust. Kemm se ddum tgħawweġ it-tagħlim ġust taʼ Ġeħova? Ġeħova se jikkastigak, u int se tagħma u għal xi żmien ma tarax id-dawl tax-xemx.’ F’daqqa waħda beda jara ċpar u dlam, u beda jdur u jipprova jsib lil xi ħadd biex imexxih minn idu.” g X’kien ir-riżultat taʼ din il-ġrajja mirakoluża? “Meta l-prokonslu ra x’ġara, hu sar dixxiplu, għax baqaʼ mistagħġeb bit-tagħlim taʼ Ġeħova.”—Atti 13:9-12.
8. Illum, kif nistgħu nimitaw il-kuraġġ taʼ Pawlu?
8 Pawlu ma ġiex intimidat minn Bar-Jesu. Bl-istess mod, aħna m’għandniex nibżgħu mill-opponenti li jipprovaw idgħajfu l-fidi taʼ dawk li juru interess fil-messaġġ tas-Saltna. Naturalment, l-espressjonijiet tagħna għandhom ikunu ‘dejjem kollhom ħlewwa, imħawrin bil-melħ.’ (Kol. 4:6) Fl-istess ħin, ma rridux nipperikolaw il-benesseri spiritwali taʼ persuna interessata sempliċement biex nevitaw konflitt. Lanqas m’għandna nħallu l-biża’ jżommna lura milli nesponu r-reliġjon falza, li tkompli “tgħawweġ it-tagħlim ġust taʼ Ġeħova,” bħalma għamel Bar-Jesu. (Atti 13:10) Bħal Pawlu, jalla niddikjaraw il-verità bil-kuraġġ u nipprovaw nilħqu lil dawk li għandhom qalb onesta. U anki jekk l-appoġġ t’Alla ma jkunx ovvju daqs kemm kien fil-każ taʼ Pawlu, nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova se juża l-ispirtu qaddis tiegħu biex jiġbed lil uħud li jixirqilhom lejn il-verità.—Ġw. 6:44.
“Xi Ħaġa Inkuraġġanti” (Atti 13:13-43)
9. Pawlu u Barnaba kif ħallew eżempju mill-aħjar għal dawk li llum qed jieħdu t-tmexxija fil-kongregazzjoni?
9 Evidentement, seħħet bidla meta l-irġiel telqu minn Pafos u baħħru lejn Perga, fuq il-kosta tal-Asja Minuri, madwar 250 kilometru ’l bogħod bil-baħar. F’Atti 13:13, il-grupp hu identifikat bħala “Pawlu u sħabu.” Dan il-kliem jagħti x’jifhem li issa Pawlu ħa t-tmexxija fl-attivitajiet tal-grupp. Madankollu, m’hemm ebda indikazzjoni li Barnaba beda jgħir għal Pawlu. Għall-kuntrarju, dawn iż-żewġt irġiel komplew jaħdmu flimkien biex iwettqu r-rieda t’Alla. Pawlu u Barnaba ħallew eżempju mill-aħjar għal dawk li llum qed jieħdu t-tmexxija fil-kongregazzjoni. Minflok ma jikkompetu għall-prominenza, il-Kristjani jiftakru fil-kliem taʼ Ġesù: “Intom ilkoll aħwa.” Hu żied jgħid: “Kull min jiftaħar bih innifsu jiġi umiljat, u kull min hu umli se jiġi mfaħħar.”—Mt. 23:8, 12.
10. Iddeskrivi l-vjaġġ minn Perga sa Antjokja tal-Pisidja.
10 Malli waslu Perga, Ġwanni Marku telaq lil Pawlu u lil Barnaba u mar lura lejn Ġerusalemm. Ma nafux ir-raġuni għala telaq ħesrem. Pawlu u Barnaba komplew, billi vvjaġġaw minn Perga sa Antjokja fil-Pisidja, belt fil-provinċja tal-Galazja. Dan ma kienx vjaġġ faċli, ladarba Antjokja tal-Pisidja hi madwar 1,100 metru ’l fuq mil-livell tal-baħar. Il-mogħdijiet perikolużi fil-muntanji kienu magħrufin ukoll għall-attakki spissi mill-ħallelin. Biex tkompli tgħaxxaqha, x’aktarx li f’dan iż-żmien Pawlu kellu problemi taʼ saħħa. h
11, 12. Meta tkellem fis-sinagoga f’Antjokja tal-Pisidja, Pawlu kif qanqal l-interess tal-udjenza tiegħu?
11 F’Antjokja tal-Pisidja, Pawlu u Barnaba daħlu fis-sinagoga f’jum is-Sabat. Ir-rakkont jgħid: “Wara l-qari pubbliku mil-Liġi u mill-kitbiet tal-Profeti, il-mexxejja tas-sinagoga qalu lil Pawlu u Barnaba: ‘Aħwa, jekk għandkom xi ħaġa inkuraġġanti x’tgħidu lin-nies, għiduha.’” (Atti 13:15) Pawlu qam bilwieqfa biex jitkellem.
12 Pawlu beda billi indirizza lill-udjenza tiegħu: “Isimgħu Iżraelin u intom ilkoll li tirrispettaw ħafna lil Alla.” (Atti 13:16) Fl-udjenza taʼ Pawlu kien hemm Lhud u proseliti. Pawlu kif qanqal l-interess taʼ dawn is-semmiegħa, li ma kinux jirrikonoxxu l-irwol taʼ Ġesù fl-iskop t’Alla? L-ewwel, Pawlu ġabar fil-qosor l-istorja tal-ġens Lhudi. Hu spjega kif Ġeħova “għamilhom poplu kbir waqt li għexu bħala barranin fl-art tal-Eġittu” u kif wara li nħelsu, Alla “ħa paċenzja bihom fid-deżert” għal 40 sena. Pawlu rrakkonta wkoll kif l-Iżraelin irnexxielhom jieħdu f’idejhom l-Art Imwiegħda u kif Ġeħova “tahom l-art tagħhom bħala wirt.” (Atti 13:17-19) Ġie suġġerit li Pawlu għandu mnejn kien qed jirreferi għal ċerti siltiet Skritturali li ftit qabel kienu nqraw b’leħen għoli bħala parti mill-osservanza tas-Sabat. Jekk inhu hekk, dan jerġaʼ hu eżempju ieħor li juri kif Pawlu kien jaf isir “kollox għal nies taʼ kull xorta.”—1 Kor. 9:22.
13. Kif nistgħu nilħqu l-qalb tas-semmiegħa tagħna?
13 Aħna wkoll għandna nistinkaw biex nagħmlu l-messaġġ tagħna interessanti għal dawk li nippritkawlhom. Pereżempju, il-fatt li nkunu nafu l-isfond reliġjuż taʼ individwu jistaʼ jgħinna nagħżlu suġġetti li se jkunu taʼ interess partikulari għalih. Ukoll, nistgħu nikkwotaw siltiet mill-Bibbja li l-individwu għandu mnejn ikun familjari magħhom. Jistaʼ jkun effettiv li nħeġġu lill-individwu biex jaqra mill-kopja persunali tiegħu tal-Bibbja. Fittex modi biex tilħaq il-qalb tas-semmiegħa tiegħek.
14. (a) Pawlu kif introduċa l-aħbar tajba dwar Ġesù, u liema twissija ta? (b) Il-folla kif irreaġixxiet għad-diskors taʼ Pawlu?
14 Pawlu wara ddiskuta kif il-linja tas-slaten Iżraelin wasslet għal ‘salvatur, li hu Ġesù,’ li Ġwanni l-Għammied kien ħejja t-triq għalih. Imbagħad Pawlu ddeskriva kif Ġesù kien ngħata l-mewt u ġie mqajjem mill-imwiet. (Atti 13:20-37) “Ħuti, kunu afu,” stqarr Pawlu, “li l-maħfra tad-dnubiet teżisti biss permezz tiegħu. Dan hu li qed jiġi ppritkat lilkom . . . Kull min jemmen fih, Alla jqisu innoċenti permezz tiegħu.” L-appostlu mbagħad wissa lis-semmiegħa tiegħu: “Oqogħdu attenti li ma jiġrilkomx bħalma hemm miktub fil-kotba tal-Profeti: ‘Intom li tħobbu tmaqdru se taraw dak li qed nagħmel u tibqgħu mistagħġbin. Imbagħad mhux se tibqgħu teżistu, għax intom qatt mhu se temmnu dak li qed nagħmel fi żmienkom anki jekk xi ħadd jgħidilkom dwaru fid-dettall.’” Ir-reazzjoni tal-udjenza għad-diskors taʼ Pawlu kienet rimarkevoli. “In-nies bdew jitolbuhom bil-ħniena biex jitkellmu dwar dawn l-affarijiet fis-Sabat taʼ wara wkoll,” tgħid il-Bibbja. Minbarra dan, wara li spiċċat l-assemblea tas-sinagoga, “ħafna Lhud u oħrajn li jimxu mat-tagħlim tal-Lhud u li jaqdu lil Alla marru wara Pawlu u Barnaba.”—Atti 13:38-43.
“Se Mmorru Għand il-Popli l-Oħra” (Atti 13:44-52)
15. X’ġara fis-Sabat taʼ wara d-diskors taʼ Pawlu?
15 Fis-Sabat taʼ wara, “kważi l-belt kollha” nġabret biex tismaʼ lil Pawlu. Dan m’għoġobx lil ċerti Lhud, li “bdew jgħiru ħafna u jmieru lil Pawlu, u b’hekk bdew jidgħu.” Hu u Barnaba bil-kuraġġ qalulhom: “Kien hemm bżonn li dak li jgħid Alla jintqal lilkom l-ewwel. Imma intom m’aċċettajtuhx, u b’hekk urejtu li ma jistħoqqilkomx il-ħajja taʼ dejjem. Allura issa se mmorru għand il-popli l-oħra. Għax Ġeħova ta dan il-kmand: ‘Jien inkarigajtek bħala d-dawl tal-popli, biex tipprietka mal-art kollha l-mezz kif in-nies se jiġu salvati.’”—Atti 13:44-47; Is. 49:6.
16. Il-Lhud kif irreaġixxew għall-kliem iebes tal-missjunarji, u Pawlu u Barnaba kif wieġbu għall-oppożizzjoni?
16 Is-semmiegħa Ġentili ferħu, u “dawk kollha li kienu lesti li jaċċettaw il-verità li twassal għal ħajja taʼ dejjem saru dixxipli.” (Atti 13:48) Il-kelma taʼ Ġeħova malajr inxterdet mal-pajjiż. Ir-reazzjoni tal-Lhud kienet differenti mhux ħażin. Il-missjunarji bħallikieku qalulhom li għalkemm il-kelma t’Alla kienet intqalet lilhom l-ewwel, huma kienu għażlu li jiċħdu lill-Messija, u b’hekk kienu se jiġu ġudikati minn Alla. Il-Lhud xewxu lill-kbarat tal-belt u lin-nisa rispettabbli, “u huma ppersegwitaw lil Pawlu u Barnaba u tefgħuhom barra l-belt.” Pawlu u Barnaba kif wieġbu? Huma “farfru saqajhom mit-trab biex ikunu jafu li Alla wissiehom, u marru Ikonju.” Kien dan it-tmiem tal-Kristjanità f’Antjokja tal-Pisidja? Dażgur li le! Id-dixxipli li tħallew hemmhekk “baqgħu jkunu ferħanin u jirċievu l-ispirtu qaddis.”—Atti 13:50-52.
17-19. B’liema modi nistgħu nimitaw l-eżempju mill-aħjar li ħallew Pawlu u Barnaba, u l-fatt li nagħmlu dan kif se jikkontribwixxi għall-ferħ tagħna?
17 Il-mod li bih dawn l-uħud leali wieġbu għall-oppożizzjoni jipprovdi lezzjoni taʼ valur għalina. Aħna ma niqfux nippritkaw, anki meta nies prominenti tad-dinja jipprovaw iżommuna milli nipproklamaw il-messaġġ tagħna. Innota, ukoll, li meta n-nies t’Antjokja ċaħdu l-messaġġ tagħhom, Pawlu u Barnaba “farfru saqajhom mit-trab”—ġest li ma indikax rabja imma li ma kinux se jieħdu responsabbiltà għal dak li kien se jiġri lin-nies. Dawn il-missjunarji rrealizzaw li ma setgħux jikkontrollaw kif kienu se jwieġbu oħrajn. Dak li setgħu jikkontrollaw kien jekk kinux se jkomplu jippritkaw. U meta marru Ikonju għamlu preċiż hekk!
18 Xi ngħidu għad-dixxipli li tħallew f’Antjokja? Veru, huma kienu f’territorju ostili. Imma l-ferħ tagħhom ma kienx jiddependi milli n-nies iwieġbu b’mod pożittiv. Ġesù qal: “Ikun iktar ferħan min jismaʼ l-kelma t’Alla u jobdiha!” (Lq. 11:28) U dan hu eżattament dak li kienu deċiżi li jagħmlu d-dixxipli f’Antjokja tal-Pisidja.
19 Bħal Pawlu u Barnaba, jalla dejjem niftakru li r-responsabbiltà tagħna hi li nippritkaw l-aħbar tajba. Huma biss is-semmiegħa tagħna li jistgħu jieħdu d-deċiżjoni li jaċċettaw il-messaġġ jew jiċħduh. Jekk dawk li nippritkawlhom jidhru li ma jridux iwieġbu, nistgħu nitgħallmu lezzjoni mid-dixxipli tal-ewwel seklu. Billi napprezzaw il-verità u nħallu lilna nfusna niġu gwidati mill-ispirtu qaddis, aħna wkoll nistgħu nkunu ferħanin, saħansitra meta niffaċċjaw l-oppożizzjoni.—Gal. 5:18, 22.
a Ara l-kaxxa “ Barnaba—‘Wieħed li Jinkuraġġixxi.’”
b Sa dan iż-żmien, diġà kien hemm kongregazzjonijiet f’postijiet imbegħdin bħal Antjokja tas-Sirja—xi 550 kilometru mit-Tramuntana taʼ Ġerusalemm.
d Fl-ewwel seklu, vapur setaʼ jivvjaġġa madwar 150 kilometru f’jum jekk l-irjieħ kienu jkunu favorevoli. F’kundizzjonijiet mhux favorevoli, vjaġġ bħal dan setaʼ jieħu ħafna iżjed.
e Ara l-kaxxa “ Fis-Sinagogi tal-Lhud.”
f Ċipru kien taħt il-ħakma tas-Senat Ruman. L-amministratur prinċipali tal-gżira kien gvernatur lokali f’pożizzjoni taʼ prokonslu.
g Minn dan iż-żmien ’il quddiem, Sawl hu msejjaħ Pawlu. Xi wħud issuġġerew li hu adotta dan l-isem Ruman f’unur Serġju Pawlu. Madankollu, il-fatt li hu żamm l-isem Pawlu anki wara li telaq minn Ċipru jindika li Pawlu, “appostlu tal-ġnus,” iddeċieda li minn dakinhar ’il quddiem juża l-isem Ruman tiegħu. Ukoll, għandu mnejn uża l-isem Pawlu minħabba li l-pronunzja Griega tal-isem Ebrajk tiegħu, Sawl, hu simili ħafna għal kelma Griega li għandha konnotazzjoni ħażina.—Rum. 11:13.