Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 18

Kif inhuma finanzjati l-attivitajiet tas-Saltna

Kif inhuma finanzjati l-attivitajiet tas-Saltna

KAPITLU DWAR

Għala u kif in-​nies taʼ Ġeħova jappoġġaw ix-​xogħol tas-​Saltna finanzjarjament

1, 2. (a) Ħuna Russell kif wieġeb lil qassis li ried ikun jaf kif inhuma finanzjati l-​attivitajiet tal-​Istudenti tal-​Bibbja? (b) X’se nikkunsidraw f’dan il-​kapitlu?

 DARBA minnhom, qassis taʼ grupp reliġjuż mar fuq Ħuna Charles T. Russell u saqsieh kif inhuma finanzjati l-​attivitajiet tal-​Istudenti tal-​Bibbja.

Ħuna Russell spjega: “Qatt ma nitolbu lin-​nies biex jagħtu l-​flus.”

Il-​qassis saqsa: “Allura minn fejn iġġibuhom il-​flus?”

“Li kieku kelli ngħidlek il-​verità bilkemm se temminni,” wieġeb Russell. “Meta n-​nies jattendu l-​laqgħat tagħna, ħadd ma jiġi jdur jiġbor il-​flus. Imma n-​nies jaraw li hemm xi spejjeż u jgħidu bejnhom u bejn ruħhom, ‘Din is-​sala tiswa xi ħaġa . . . Kif nistaʼ nikkontribwixxi?’”

Il-​qassis bilkemm emmnu lil Ħuna Russell.

“Il-​verità qed ngħidlek—xejn iktar u xejn inqas,” kompla jgħidlu Russell. “Fil-​fatt, isaqsuni din il-​mistoqsija, ‘Kif nistaʼ nikkontribwixxi xi ħaġa tal-​flus?ʼ Meta xi ħadd jaqlaʼ xi ħaġa tal-​flus, ikun irid jużahom għall-​Mulej. Jekk m’għandux minn fejn, għax għandna nġegħluh jagħti bilfors?” a

2 Ħuna Russell tabilħaqq ma kien qed jgħid xejn ħlief “il-​verità.” In-​nies t’Alla minn dejjem taw kontribuzzjonijiet volontarji ħalli jappoġġaw il-​qima vera. F’dan il-​kapitlu, se neżaminaw xi eżempji Skritturali dwar dan flimkien maʼ xi eżempji fi żmienna. Hekk kif nikkunsidraw kif l-​attivitajiet tas-​Saltna huma finanzjati llum il-​ġurnata, kull wieħed u waħda minna jagħmel tajjeb li jsaqsi lilu nnifsu, ‘Kif nistaʼ nuri li nappoġġa s-​Saltna?’

“Ħalli kulmin lest li jagħti minn qalbu jġibha bħala l-​kontribuzzjoni”

3, 4. (a) Ġeħova x’fiduċja għandu fl-​aduraturi tiegħu? (b) L-​Iżraelin kif urew l-​appoġġ tagħhom għall-​bini tat-​tabernaklu?

3 Ġeħova għandu fiduċja fl-​aduraturi veri tiegħu. Hu jaf li jekk tiġihom l-​opportunità, minn qalbhom se juru d-​devozzjoni tagħhom billi jagħtu b’mod volontarju. Ikkunsidra żewġ eżempji mill-​istorja t’Iżrael.

4 Wara li mexxa lill-​Iżraelin ’il barra mill-​Eġittu, Ġeħova qalilhom biex jibnu tinda, jew tabernaklu, li tistaʼ tinġarr minn post għal ieħor biex iqimu fiha. Kien se jkollhom bżonn ħafna flus biex jibnuha u jimlewha. Ġeħova qal lil Mosè biex jagħti lin-​nies l-​opportunità li jappoġġaw il-​proġett, billi qal: “Ħalli kulmin lest li jagħti minn qalbu jġibha bħala l-​kontribuzzjoni taʼ Ġeħova.” (Eżo. 35:5) Ftit żmien qabel, l-​Iżraelin kienu lsiera ttrattati “b’tirannija.” Allura kif laqgħu din it-​talba għal kontribuzzjoni? (Eżo. 1:14) Huma appoġġaw il-​proġett b’ruħhom u b’ġisimhom u minn qalbhom taw deheb, fidda, u affarijiet oħra taʼ valur—li ħafna minnhom x’aktarx kienu akkwistawhom mingħand l-​Eġizzjani, is-​sidien li kellhom qabel. (Eżo. 12:35, 36) L-​Iżraelin taw iktar milli kien hemm bżonn, tant li kellhom jiġu “miżmumin milli jġibu iżjed.”—Eżo. 36:4-​7.

5. L-​Iżraelin kif irreaġixxew meta David tahom l-​opportunità li jikkontribwixxu għall-​bini tat-​tempju?

5 Xi 475 sena wara, David ikkontribwixxa mill-​‘proprjetà tiegħu’ għall-​bini tat-​tempju, l-​ewwel ċentru permanenti tal-​qima vera fuq l-​art. Imbagħad ta lill-​Iżraelin sħabu l-​opportunità li jagħtu, billi saqsa: “Illum min hemm lest li minn rajh jimla idu u jagħti għotja lil Ġeħova?” In-​nies irreaġixxew billi “b’qalb sħiħa . . . taw offerti minn rajhom lil Ġeħova.” (1 Kron. 29:3-​9) David għaraf is-​sors veru taʼ dawn il-​kontribuzzjonijiet u f’talba lil Ġeħova qal: “Kollox minnek ġej, u minn idek stess tajniek aħna.”—1 Kron. 29:14.

6. Għala hemm bżonn il-​flus biex jitwettaq ix-​xogħol tas-​Saltna llum il-​ġurnata, u x’mistoqsijiet iqumu?

6 La Mosè u lanqas David ma kellhom għalfejn jisforzaw lin-​nies t’Alla biex jagħtu kontribuzzjonijiet. Minflok, in-​nies taw minn qalbhom. Xi ngħidu għal-​lum il-​ġurnata? Aħna nafu tajjeb li x-​xogħol li qed tagħmel is-​Saltna t’Alla jirrikjedi l-​flus. Hemm bżonn taʼ kemxa flus ġmielha biex nippubblikaw u nqassmu Bibbji u letteratura Biblika, biex nibnu postijiet taʼ qima u faċilitajiet tal-​fergħa u biex dawn inżommuhom f’kundizzjoni tajba, u biex nagħtu għajnuna lil sħabna fit-​twemmin meta jkun hemm xi diżastru. Għalhekk, iqumu żewġ mistoqsijiet importanti: Kif jinkisbu l-​flus meħtiġin? Is-​segwaċi tas-​Sultan iridu jiġu sforzati biex jikkontribwixxu?

“Qatt mhi se tittallab jew titlob lin-​nies għall-​appoġġ”

7, 8. In-​nies taʼ Ġeħova għala ma jittallbux jew jitolbu lin-​nies għall-​flus?

7 Ħuna Russell u l-​imseħbin tiegħu rrifjutaw li jimitaw il-​mod tant komuni kif il-​knejjes tal-​Kristjaneżmu kienu qed jiġbru l-​flus. Fit-​tieni ħarġa tat-​Torri tal-​Għassa, taħt it-​titlu “Tridu t-​‘Torri tal-​Għassa’?” Russell qal: “Aħna nemmnu li ĠEĦOVA hu l-​wieħed li jappoġġa t-​‘Torri tal-​Għassa,’ u ladarba dan il-​fatt huwa minnu din [l-​organizzazzjoni] qatt mhi se tittallab jew titlob lin-​nies għall-​appoġġ. Meta l-​Wieħed li jgħid: ‘Tiegħi l-​fidda u tiegħi d-​deheb,’ jonqos milli jipprovdi l-​fondi neċessarji, aħna nifhmu li jkun iż-​żmien li nwaqqfu l-​ippubblikar.” (Ħag. 2:7-​9) Issa għaddew iktar minn 130 sena u la kellna nieqfu nippubblikaw It-​Torri tal-​Għassa u lanqas nagħlqu l-​organizzazzjoni minħabba nuqqas taʼ flus!

8 In-​nies taʼ Ġeħova ma jittallbux għall-​flus. Ma jagħmlu l-​ebda ġbir matul il-​laqgħat u ma jibagħtux ittri biex jitolbu għajnuna finanzjarja. Lanqas ma jagħmlu xi tombla, bażar, jew lotterija biex jiġbru l-​flus. Iżommu maʼ dak li qal It-​Torri tal-​Għassa ħafna żmien ilu: ‘Li nittallbu l-​flus għax-​xogħol tal-​Mulej, bħalma jagħmlu knejjes oħra, qatt ma qisnieh bħala xi ħaġa xierqa. Fil-​fehma tagħna, li tittallab għall-​flus f’isem il-​Mulej tagħna hu offensiv, mhux aċċettabbli għalih, u ma jirriżultax fil-​barka tiegħu—la fuq min jagħti l-​flus u lanqas fuq ix-​xogħol li jsir b’dawn il-​flus.’ b

“Ħa jagħmel kull wieħed bħalma jkun iddeċieda f’qalbu”

9, 10. X’inhi raġuni waħda għala nagħmlu kontribuzzjonijiet volontarji?

9 Illum, bħala ċittadini tas-​Saltna, m’għandniex għalfejn niġu mġegħlin nagħtu. Għall-​kuntrarju, minn qalbna lesti li nagħtu mill-​flus u r-​riżorsi oħra tagħna biex nappoġġaw l-​attivitajiet tas-​Saltna. Għala aħna tant lesti li nagħtu? Ikkunsidra tliet raġunijiet.

10 L-​ewwel, nagħmlu kontribuzzjonijiet volontarji għax inħobbu lil Ġeħova u rridu “nagħmlu dak li jogħġob lilu.” (1 Ġw. 3:22) Aduratur li jagħti minn qalbu tassew jogħġob lil Ġeħova. Ejja neżaminaw kliem l-​appostlu Pawlu dwar li Kristjan jagħti kontribuzzjoni. (Aqra t-2 Korintin 9:7.) Kristjan veru ma jagħtix taʼ bilfors jew fuq qalbu. Anzi, hu jagħti għax “ikun iddeċieda f’qalbu” li jagħmel hekk. c Jiġifieri, jagħti wara li jkun ħaseb dwar ċertu bżonn u jkun ikkunsidra kif jistaʼ jissodisfah. Bniedem bħal dan hu għażiż għal Ġeħova għax “Alla jħobb lil min jagħti bil-​ferħ.” Traduzzjoni oħra tgħid: “Alla jħobb lil dawk li jħobbu jagħtu.”

Anke ż-żgħar tagħna fil-Możambik iħobbu jagħtu

11. Xi jqanqalna nagħtu lil Ġeħova l-​aqwa għotja possibbli?

11 It-​tieni, nagħmlu kontribuzzjonijiet materjali għax dan hu mod kif nirringrazzjaw lil Ġeħova għall-​ħafna barkiet li ngawdu. Ikkunsidra prinċipju fil-​Liġi Mosajka li jqanqalna nagħmlu eżami onest. (Aqra Dewteronomju 16:16, 17.) Meta kien jattendi t-​tliet festi taʼ kull sena, kull raġel Iżraeli kellu jagħti għotja ‘skond il-​barka li jkun tah Ġeħova.’ Għaldaqstant, qabel ma kien jattendi festa, kull raġel kellu jgħodd il-​barkiet, jeżamina lil qalbu, u jiddeċiedi x’kienet l-​aqwa għotja li setaʼ jġib. B’mod simili, meta naħsbu fil-​ħafna modi kif Ġeħova berikna u għadu jberikna, inħossuna mmotivati li nagħtuh l-​aqwa għotja li nistgħu. Din l-​għotja li nagħtu minn qalbna, li tinkludi l-​kontribuzzjonijiet materjali tagħna, turi kemm napprezzaw il-​barkiet li Ġeħova tana bl-​abbundanza.—2 Kor. 8:12-​15.

12, 13. (a) Il-​kontribuzzjonijiet volontarji tagħna kif juru li nħobbu lis-​Sultan? (b) Kull wieħed u waħda minna kemm għandu jagħti?

12 It-​tielet, bil-​kontribuzzjonijiet volontarji tagħna nuru li nħobbu lis-​Sultan Ġesù Kristu. Kif? Innota dak li Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu fl-​aħħar lejl tal-​ħajja tiegħu fuq l-​art. (Aqra Ġwanni 14:23.) Ġesù qal: “Jekk xi ħadd iħobbni, josserva kelmti.” ‘Il-​kelma’ taʼ Ġesù tinkludi l-​kmand tiegħu biex nippritkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna fl-​art kollha. (Mt. 24:14; 28:19, 20) Aħna nosservaw dik ‘il-​kelma’ billi nagħmlu kulma nistgħu—nagħtu mill-​ħin, l-​enerġija, u r-​riżorsi materjali tagħna—biex navvanzaw l-​ippritkar tas-​Saltna. B’hekk, nuru mħabbitna għas-​Sultan Messjaniku.

13 Iva, bħala ċittadini leali tas-​Saltna, b’qalbna kollha rridu nuru li nappoġġaw is-​Saltna billi nagħtu kontribuzzjonijiet finanzjarji. Kemm għandna nagħtu? Kulħadd irid jara hu. Kull wieħed u waħda minna għandu jagħti l-​aħjar li jistaʼ. Imma ħafna minn sħabna fit-​twemmin ftit li xejn għandhom affarijiet materjali. (Mt. 19:23, 24; Ġak. 2:5) Iżda dawn l-​aħwa jitfarrġu għax jafu li Ġeħova u Ibnu jgħożżu anke kontribuzzjonijiet żgħar li jingħataw mill-​qalb.—Mk. 12:41-​44.

Kif jidħlu l-​flus?

14. Għal ħafna snin, x’kien mistenni minn dawk li ħadu l-​letteratura Biblika?

14 Għal ħafna snin, kien mistenni li tingħata kontribuzzjoni għal-​letteratura Biblika li offrew ix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Il-​kontribuzzjoni għal-​letteratura kienet żgħira kemm jistaʼ jkun ħalli anke nies taʼ ftit mezzi setgħu jirċievu l-​letteratura. Ovvjament, jekk inkwilin deher interessat imma ma kienx jaffordja jagħti kontribuzzjoni, il-​pubblikaturi tas-​Saltna ma kienu jiddejqu xejn iħallulu l-​letteratura xorta waħda. Ix-​xewqa profonda tagħhom kienet li jwasslu l-​letteratura għand uħud sinċieri li setgħu jaqrawha u jibbenefikaw minnha.

15, 16. (a) Liema aġġustament fil-​mod kif noffru l-​letteratura nbeda mill-​Ġemgħa li Tiggverna fl-​1990? (b) Kif nagħtu donazzjonijiet volontarji? (Ara wkoll il-​kaxxa “ Fejn jintefqu d-​donazzjonijiet?”)

15 Fl-​1990, il-​Ġemgħa li Tiggverna bdiet taġġusta l-​mod kif noffru l-​letteratura tagħna. Fl-​Istati Uniti, b’seħħ minn dik is-​sena, il-​letteratura kollha bdiet tiġi offruta mingħajr ma jkun mistenni li tingħata kontribuzzjoni. Ittra lill-​kongregazzjonijiet kollha f’dak il-​pajjiż spjegat: “Ir-​rivisti u letteratura oħra se jiġu provduti lill-​pubblikaturi u lil uħud interessati mingħajr ma jiġi mitlub jew issuġġerit li jagħtu ammont speċifiku bħala kontribuzzjoni qabel ma jingħataw il-​letteratura. . . . Kull min jixtieq jagħti donazzjoni biex ikopri l-​ispejjeż tax-​xogħol edukattiv tagħna jistaʼ jagħmel dan, imma jistaʼ jirċievi l-​letteratura kemm jekk jagħti donazzjoni u kemm jekk le.” Dan l-​arranġament serva biex jiġi ċċarat il-​fatt li xogħolna hu reliġjuż u jsir b’mod volontarju. Ukoll, għenna nuru biċ-​ċar li “ma nagħmlux negozju mill-​kelma t’Alla.” (2 Kor. 2:17) Maż-​żmien, l-​arranġament taʼ li jingħataw donazzjonijiet b’mod volontarju beda jsir madwar id-​dinja kollha.

16 Kif nagħtu donazzjonijiet volontarji? Fis-​Swali tas-​Saltna tax-​Xhieda taʼ Ġeħova hemm kaxxi tal-​kontribuzzjoni li ma jagħtux fl-​għajn. Individwi jistgħu jitfgħu donazzjonijiet f’dawn il-​kaxxi jew inkella jibagħtu donazzjonijiet direttament lil wieħed mill-​korporazzjonijiet legali użati mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Kull sena, artiklu fit-​Torri tal-​Għassa jispjega kif dawn id-​donazzjonijiet volontarji jistgħu jsiru.

Fiex qed jintefqu l-​flus?

17-19. Spjega kif id-​donazzjonijiet jintużaw (a) għax-​xogħol taʼ madwar id-​dinja, (b) għall-​kostruzzjoni taʼ Swali tas-​Saltna madwar id-​dinja, u (ċ) għall-​ispejjeż tal-​kongregazzjoni lokali.

17 Xogħol taʼ madwar id-​dinja. Il-​flus jintużaw biex ikopru l-​ispejjeż involuti fl-​ippritkar taʼ madwar id-​dinja. Dawn il-​flus ipattu għall-​ispejjeż li jkollna biex nipproduċu letteratura ħalli nqassmuha madwar id-​dinja, biex nibnu uffiċċji tal-​fergħa u djar taʼ Betel u nżommuhom f’kundizzjoni tajba, u biex ikollna diversi skejjel teokratiċi. Minbarra dan, il-​flus jintużaw għall-​bżonnijiet tal-​missjunarji, l-​indokraturi li jivvjaġġaw, u l-​pijunieri speċjali. Id-​donazzjonijiet tagħna jintużaw ukoll biex tingħata għajnuna lil sħabna fit-​twemmin meta jkun hemm xi diżastru. d

18 Kostruzzjoni taʼ Swali tas-​Saltna madwar id-​dinja. Dawn il-​flus jintużaw biex jgħinu kongregazzjonijiet ħalli jibnu jew isewwu Swali tas-​Saltna. Hekk kif nirċievu l-​kontribuzzjonijiet, iktar flus jistgħu jintużaw biex jgħinu lil kongregazzjonijiet oħra. e

19 Spejjeż tal-​kongregazzjoni lokali. Il-​flus jintużaw għall-​manutenzjoni u spejjeż oħra tas-​Sala tas-​Saltna. L-​anzjani għandhom mnejn jissuġġerixxu li xi ftit mill-​flus jintbagħtu lill-​uffiċċju lokali biex jintużaw fix-​xogħol taʼ madwar id-​dinja. F’każ bħal dan, l-​anzjani jippreżentaw riżoluzzjoni lill-​kongregazzjoni. Jekk ikun hemm qbil, il-​flus jintbagħtu lill-​uffiċċju. Kull xahar, il-​ħu li jieħu ħsieb il-​kontijiet tal-​kongregazzjoni jipprepara rapport tal-​kontijiet, u dan jinqara lill-​kongregazzjoni.

20. Kif tistaʼ tonora lil Ġeħova “bl-​affarijiet prezzjużi tiegħek”?

20 Meta nqisu dak kollu li hu involut f’li nwettqu l-​ippritkar tas-​Saltna u x-​xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli madwar id-​dinja, aħna nitqanqlu biex ‘nonoraw lil Ġeħova bl-​affarijiet prezzjużi tagħna.’ (Prov. 3:9, 10) L-​affarijiet prezzjużi tagħna jinkludu l-​ispiritwalità u l-​abbiltajiet fiżiċi u mentali. Żgur li rridu nużaw dawn l-​affarijiet bis-​sħiħ fix-​xogħol tas-​Saltna. Iżda, ftakar li l-​affarijiet prezzjużi tagħna jinkludu wkoll ir-​riżorsi materjali. Ejja nkunu determinati li nagħtu dak li nistgħu, kull meta dan ikun possibbli. Id-​donazzjonijiet volontarji tagħna jonoraw lil Ġeħova u juru li nappoġġaw is-​Saltna Messjanika.

a It-​Torri tal-​Għassa tal-​15 taʼ Lulju 1915, paġni 218-​219.

b It-​Torri tal-​Għassa tal-​1 t’Awwissu 1899, paġna 201.

c Studjuż jgħid li t-​terminu Grieg li ġie tradott bħala “ddeċieda” “jagħti l-​idea taʼ xi ħaġa li tkun ġiet determinata minn qabel.” Iżid jgħid: “Għalkemm tħoss ferħ spontanju meta tagħti, xorta waħda l-​għoti hu ppjanat u organizzat.”—1 Kor. 16:2.

d Ara Kapitlu 20 għal iktar informazzjoni dwar l-​għoti t’għajnuna.

e Ara Kapitlu 19 għal iktar informazzjoni dwar il-​kostruzzjoni taʼ Swali tas-​Saltna.