KAPITLU 19
Xogħol taʼ bini li jonora lil Ġeħova
1, 2. (a) Il-qaddejja taʼ Ġeħova x’ħadu pjaċir jagħmlu? (b) Ġeħova xi jqis taʼ valur?
IL-QADDEJJA leali taʼ Ġeħova minn dejjem ħadu pjaċir jibnu bini li jfaħħar lil ismu. Pereżempju, l-Iżraelin b’entużjażmu ħadu sehem fil-bini tat-tabernaklu u b’ġenerożità pprovdew il-materjal biex jinbena.—Eżo. 35:30-35; 36:1, 4-7.
2 Ġeħova ma jqisx il-bini nnifsu bħala l-ħaġa primarja li tonorah, lanqas mhu l-iktar ħaġa li jgħożż. (Mt. 23:16, 17) Dak li Ġeħova jqis taʼ valur, l-għotja li tonorah iktar minn kull ħaġ’oħra, hu l-qima li tingħatalu mill-qaddejja tiegħu. Dan jinkludi l-fatt li lesti li jagħtu minnhom infushom u x-xogħol żeluż tagħhom. (Eżo. 35:21; Mk. 12:41-44; 1 Tim. 6:17-19) Dan il-ħsieb hu importanti ħafna. Għala? Għax il-bini llum hawn u għada le. Pereżempju, it-tabernaklu u t-tempju m’għadhomx jeżistu. Minkejja dan, Ġeħova ma nesiex il-ġenerożità u x-xogħol tal-qaddejja leali tiegħu f’li jappoġġaw il-bini.—Aqra l-1 Korintin 15:58; Ebrej 6:10.
3. X’se nikkunsidraw f’dan il-kapitlu?
3 Il-qaddejja taʼ Ġeħova fi żmienna wkoll ħadmu iebes biex jibnu postijiet taʼ qima. U dak li wettaqna bil-gwida tas-Sultan Ġesù Kristu hu tal-għaġeb! Jidher ċar li Ġeħova bierek l-isforzi tagħna. (Salm 127:1) F’dan il-kapitlu, se nikkunsidraw ftit biss mix-xogħol li wettaqna u kif dan onora lil Ġeħova. Ukoll, se naqraw x’għandhom x’jgħidu xi wħud li ħadu sehem f’dan ix-xogħol.
Nibnu Swali tas-Saltna
4. (a) Għala għandna bżonn iktar postijiet fejn inqimu? (b) Diversi uffiċċji tal-fergħa għala qed jingħaqdu flimkien? (Ara l-kaxxa “ Kostruzzjoni tal-fergħa—Naddattaw skont il-bżonn.”)
4 Bħalma rajna f’Kapitlu 16, Ġeħova jirrikjedi minna li niltaqgħu flimkien għall-qima. (Ebr. 10:25) Il-laqgħat tagħna mhux talli jsaħħulna l-fidi imma talli jkabbru l-entużjażmu tagħna għall-ippritkar. Hekk kif qegħdin fl-aħħar jiem, Ġeħova qed ikompli jgħaġġel ix-xogħol. B’riżultat tal-ippritkar, mijiet t’eluf taʼ nies jiffollaw lejn l-organizzazzjoni tiegħu kull sena. (Is. 60:22) Ladarba qed niżdiedu fl-għadd taʼ ċittadini tas-Saltna, għandna bżonn iktar faċilitajiet tal-istampar biex ikollna letteratura Biblika. Ukoll, neħtieġu iktar postijiet fejn inqimu.
5. L-isem Sala tas-Saltna għala hu adattat? (Ara wkoll il-kaxxa “ Il-knisja tad-Dawl Ġdid.”)
5 Kmieni fl-istorja moderna tan-nies taʼ Ġeħova, l-Istudenti tal-Bibbja bdew jaraw il-bżonn li jkollhom il-postijiet tagħhom stess fejn jiltaqgħu għall-qima. Jidher li wieħed mill-ewwel postijiet taʼ qima li nbena kien f’West Virginia, l-Istati Uniti tal-Amerika, fl-1890. Sal-1934, in-nies taʼ Ġeħova kienu bnew jew sewwew għadd taʼ swali, imma dawn il-postijiet taʼ qima kien għad m’għandhomx isem partikulari. Madanakollu, fl-1935, Ħuna Rutherford żar il-Ħawajj, fejn kienet qed tinbena sala bħala parti mill-uffiċċju tal-fergħa ġdid. Meta ġie mistoqsi xi jmisshom isejħu lil din is-sala, Ħuna Rutherford wieġeb: “X’taħseb li kieku kellna nsejħulha ‘Sala tas-Saltna,’ ladarba dan hu x-xogħol li qed nagħmlu, li nippritkaw l-aħbar tajba tas-Saltna?” (Mt. 24:14) Dan l-isem adattat ma damx ma beda jintuża biex jirreferi mhux biss għal dik is-sala partikulari imma għall-maġġoranza mill-postijiet fejn jiltaqgħu l-kongregazzjonijiet tan-nies taʼ Ġeħova madwar id-dinja kollha.
6, 7. Is-Swali tas-Saltna li nbnew tant malajr x’effett kellhom?
6 Sas-snin 70, il-bżonn għal Swali tas-Saltna kien qed jiżdied b’ħeffa liema bħalha. Għalhekk, aħwa mill-Istati Uniti żviluppaw metodu effiċjenti biex jibnu Swali tas-Saltna sbieħ u prattiċi f’temp taʼ ftit ġranet biss. Sal-1983, xi 200 minn dawn is-Swali tas-Saltna kienu nbnew fl-Istati Uniti u fil-Kanada. Sabiex isir ix-xogħol, l-aħwa bdew jifformaw kumitati reġjonali tal-bini. Dan il-metodu tant irnexxa li fl-1986, il-Ġemgħa li Tiggverna għamlet dan l-arranġament uffiċjali, u sal-1987, kien hemm 60 Kumitat Reġjonali tal-Bini (RBC) fl-Istati Uniti. a Sal-1992, dawn il-kumitati nħatru wkoll fl-Afrika t’Isfel, l-Arġentina, l-Awstralja, Franza, il-Ġappun, il-Ġermanja, il-Messiku, u Spanja. Żgur li l-aħwa tant beżlin li jibnu Swali tas-Saltna u Swali tal-Assemblea jixirqilhom l-appoġġ tagħna, għax ix-xogħol li qed jagħmlu hu parti mis-servizz sagru.
7 Dawn is-Swali tas-Saltna li nbnew tant malajr taw xhieda mill-isbaħ lin-nies li jgħixu fl-inħawi fejn inbnew. Pereżempju, gazzetta fi Spanja kellha t-titlu prinċipali “Il-fidi tmexxi l-muntanji.” Il-gazzetta tkellmet dwar il-bini taʼ Sala tas-Saltna fil-belt taʼ Martos, u saqsiet: “Kif inhu possibbli li f’din id-dinja mimlija egoiżmu, volontieri minn diversi reġjuni [taʼ Spanja] bla egoiżmu vvjaġġaw lejn Martos biex jibnu bini li kiser kull rekord f’dik li hi ħeffa, perfezzjoni, u organizzar?” L-artiklu wieġeb il-mistoqsija billi kkwota wieħed mix-Xhieda li kien volontier: “Il-krettu jmur għall-fatt li aħna poplu mgħallem minn Ġeħova.”
Nibnu f’pajjiżi b’riżorsi limitati
8. Fl-1999, liema arranġament ġdid approvat il-Ġemgħa li Tiggverna, u għala?
8 Hekk kif qrobna lejn is-sena 2000, ħafna nies saru parti mill-organizzazzjoni taʼ Ġeħova f’pajjiżi fejn l-aħwa huma taʼ ftit mezzi. Il-kongregazzjonijiet lokali għamlu dak li setgħu biex jibnu postijiet għal qima. Imma f’xi pajjiżi, kellhom iħabbtu wiċċhom mat-twaqqigħ għaċ-ċajt u l-preġudizzju għax is-Swali tas-Saltna lokali kienu bażiċi ħafna meta mqabblin maʼ postijiet oħra taʼ qima. Madanakollu, b’seħħ mill-1999, il-Ġemgħa li Tiggverna approvat arranġament biex jitħaffef il-bini taʼ Swali tas-Saltna f’pajjiżi b’riżorsi limitati. Il-fondi minn pajjiżi iktar sinjuri ntgħamlu disponibbli biex ‘jagħmlu tajjeb għan-nieqes’ tal-aħwa f’pajjiżi foqra. (Aqra t-2 Korintin 8:13-15.) U l-aħwa minn pajjiżi oħra offrew li jmorru jgħinu fix-xogħol.
9. Liema xogħol deher li mhux ħa jlaħħqu l-aħwa, imma xi rnexxielhom iwettqu?
9 Għall-ewwel, deher li mhux se jlaħħqu max-xogħol li kien hemm. Rapport fl-2001 wera li kien hemm bżonn taʼ iktar minn 18,300 Sala tas-Saltna fi 88 pajjiż b’riżorsi limitati. Imma bl-appoġġ tal-ispirtu t’Alla u tas-Sultan tagħna Ġesù Kristu, l-ebda inkarigu mhu impossibbli. (Mt. 19:26) Mill-1999 sal-2013, in-nies t’Alla kienu bnew 26,849 Sala tas-Saltna bħala parti minn dan l-arranġament. b Ġeħova jkompli jbierek ix-xogħol tal-ippritkar, u allura sal-2013 kien għad hemm bżonn taʼ xi 6,500 Sala tas-Saltna f’dawk il-pajjiżi, u bħalissa, kull sena qed jiżdied magħhom il-bżonn taʼ mijiet taʼ swali oħra.
10-12. Il-kostruzzjoni taʼ dawn is-Swali tas-Saltna ġodda, kif onorat l-isem taʼ Ġeħova?
10 Il-kostruzzjoni taʼ dawn is-Swali tas-Saltna ġodda, kif onorat l-isem taʼ Ġeħova? Rapport mill-uffiċċju tal-fergħa f’Żimbabwe qal: “Fl-ewwel xahar wara li tinbena Sala tas-Saltna ġdida, l-attendenza għal-laqgħat is-soltu tirdoppja.” Jidher li f’ħafna pajjiżi n-nies iżommu lura milli jassoċjaw magħna sakemm ikun hemm post taʼ qima xieraq. Iżda la tinbena Sala tas-Saltna, malajr timtela u jkun hemm bżonn li tinbena oħra. Però, mhux l-apparenza tal-bini biss tiġbed lin-nies lejn Ġeħova. L-imħabba ġenwina Kristjana li juru dawk li jibnu s-swali wkoll teffettwa l-mod kif in-nies iħarsu lejn l-organizzazzjoni tiegħu. Ikkunsidra xi ftit eżempji.
11 L-Indoneżja. Meta raġel li qagħad josserva l-bini taʼ Sala tas-Saltna sar jaf li l-ħaddiema kollha kienu volontieri, qal: “Tgħaġġbuni! Rajt kif kull wieħed u waħda minnkom jaħdem b’qalbu kollha u b’ferħ, avolja ma titħallsux taʼ xogħolkom. Jien naħseb li m’hemm l-ebda organizzazzjoni reliġjuża oħra bħal tagħkom!”
12 L-Ukraina. Mara li kuljum kienet tgħaddi minn ħdejn proġett taʼ bini taʼ Sala tas-Saltna waslet għall-konklużjoni li l-ħaddiema kienu Xhieda taʼ Ġeħova u li l-bini kien se jkun Sala tas-Saltna. Qalet: “Kont smajt dwar ix-Xhieda taʼ Ġeħova minn oħti li saret waħda minnhom. Meta osservajt dan ix-xogħol taʼ bini, iddeċidejt li jien ukoll irrid insir parti minn din il-familja spiritwali. Hawnhekk rajt l-imħabba fl-azzjoni.” Din il-mara aċċettat studju tal-Bibbja u tgħammdet fl-2010.
13, 14. (a) X’nitgħallmu mill-mod kif koppja rreaġixxew wara li qagħdu jaraw il-bini taʼ Sala tas-Saltna? (b) X’tistaʼ tagħmel biex tgħin ħalli l-post taʼ qima fejn tattendi int jonora l-isem taʼ Ġeħova?
13 L-Arġentina. Koppja miżżewġa avviċinat il-ħu li kien qed jieħu ħsieb proġett taʼ kostruzzjoni taʼ Sala tas-Saltna. Ir-raġel qal: “Qgħadna narawkom tibnu s-Sala tas-Saltna, u . . . ddeċidejna li rridu nitgħallmu dwar Alla f’dan il-post.” Imbagħad saqsa: “Xi rridu nagħmlu biex nikkwalifikaw ħalli nattendu l-laqgħat hawn?” Il-koppja aċċettaw studju tal-Bibbja, bil-patt u l-kundizzjoni li l-familja kollha tieħu sehem fl-istudju. L-aħwa b’ferħ aċċettaw.
14 Forsi ma kellekx il-privileġġ li tgħin fil-bini tas-Sala tas-Saltna fejn tattendi int, imma xorta tistaʼ tgħin biex il-post tal-qima lokali jonora l-isem taʼ Ġeħova. Pereżempju, int tistaʼ b’entużjażmu tistieden lill-istudenti tal-Bibbja, iż-żjajjar lura, u membri oħra tal-pubbliku biex jattendu l-laqgħat miegħek fis-Sala tas-Saltna. Ukoll, għandek l-opportunità li tgħin fit-tindif u l-manutenzjoni tal-post taʼ qima fejn tattendi int. Jekk twarrab il-flus, tistaʼ tikkontribwixxi għall-ispejjeż tas-Sala tas-Saltna li tattendi jew tagħti donazzjonijiet għall-bini taʼ dawn il-postijiet taʼ qima f’partijiet oħra tad-dinja. (Aqra l-1 Korintin 16:2.) Dawn l-attivitajiet kollha jġibu tifħir lil isem Ġeħova.
Ħaddiema li “joffru lilhom infushom minn rajhom”
15-17. (a) Min jagħmel ħafna mix-xogħol taʼ bini? (b) X’nitgħallmu mill-kummenti li għamlu l-koppji li ħadmu fi proġetti taʼ kostruzzjoni internazzjonali?
15 Ħafna mix-xogħol involut fil-bini taʼ Swali tas-Saltna, Swali tal-Assemblea, u uffiċċji tal-fergħa jsir minn aħwa rġiel u nisa lokali. Imma spiss jiġu megħjunin minn aħwa rġiel u nisa minn pajjiżi oħra li għandhom l-esperjenza fil-kostruzzjoni. Xi wħud minn dawn il-volontieri organizzaw ħajjithom ħalli jkunu jistgħu jaħdmu fuq proġett internazzjonali għal numru taʼ ġimgħat. Oħrajn għamlu lilhom infushom disponibbli biex jaħdmu għal ħafna snin u jmorru minn proġett taʼ bini għal ieħor.
16 Ix-xogħol taʼ kostruzzjoni internazzjonali fih sfidi partikulari, imma joffri wkoll barkiet. Pereżempju, Timo u Lina vvjaġġaw lejn pajjiżi fl-Amerika t’Isfel, l-Asja, u l-Ewropa biex jaħdmu fil-bini taʼ Swali tas-Saltna, Swali tal-Assembleat, u uffiċċji tal-fergħa. Timo jgħid: “Irċivejt inkarigu ġdid bejn wieħed u ieħor kull sentejn għall-aħħar 30 sena.” Lina, li żżewġet lil Timo 25 sena ilu, tgħid: “Qdejt maʼ Timo f’10 pajjiżi differenti. Jieħu ħafna enerġija u żmien biex tidra l-ikel ġdid, klima ġdida, lingwa ġdida, u territorju taʼ ppritkar ġdid u biex tagħmel ħbieb ġodda.” c Jiddispjaċihom li għamlu dan l-isforz? Lina tgħid: “L-isfidi wasslu għall-akbar barkiet li gawdejna. Esperjenzajna l-imħabba u l-ospitalità Kristjana u rajna kif Ġeħova bi mħabba ħa ħsiebna. Rajna wkoll it-twettiq tal-wegħda li Ġesù ta lid-dixxipli tiegħu, li hi mniżżla f’Marku 10:29, 30. Irċivejna mitt darba iktar fejn għandhom x’jaqsmu l-aħwa u ommijiet spiritwali.” Timo jgħid: “Iġibilna sodisfazzjon kbir li qed nużaw l-abbiltajiet tagħna għall-iktar raġuni nobbli—li nieħdu sehem fit-tkabbir tal-affarijiet tas-Sultan.”
17 Darren u Sarah, li għenu fi proġetti taʼ bini fl-Afrika, l-Amerika Ċentrali, l-Amerika t’Isfel, l-Asja, l-Ewropa, u l-Paċifiku tan-Nofsinhar, iħossu li rċivew iktar milli taw. Minkejja l-isfidi li ffaċċjaw, Darren jgħid: “Kien privileġġ li naħdem m’aħwa differenti minn madwar id-dinja. Rajt li l-imħabba li lkoll għandna għal Ġeħova hi bħal katina li ddur mad-dinja kollha u li tgħaqqad li kull wieħed u waħda minna.” Sarah tgħid: “Tgħidx kemm tgħallimt minn aħwa rġiel u nisa li għandhom kulturi differenti! Meta nara s-sagrifiċċji li jagħmlu biex jaqdu lil Ġeħova, niġi mmotivata biex nibqaʼ nagħti l-aħjar tiegħi.”
18. Il-profezija mniżżla f’Salm 110:1-3, kif qed titwettaq?
18 Is-Sultan David ipprofetizza li għalkemm iċ-ċittadini tas-Saltna t’Alla kienu se jħabbtu wiċċhom mal-isfidi, xorta kienu se “joffru lilhom infushom minn rajhom” biex jappoġġaw l-interessi tas-Saltna. (Aqra Salm 110:1-3.) Dawk kollha li huma involuti fix-xogħol taʼ li jappoġġaw is-Saltna qed ikollhom sehem f’li jwettqu dan il-kliem profetiku. (1 Kor. 3:9) L-għaxriet taʼ uffiċċji tal-fergħa, il-mijiet taʼ Swali tal-Assemblea, u l-għaxriet t’eluf taʼ Swali tas-Saltna madwar id-dinja jagħtu prova li tistaʼ taraha b’għajnejk li s-Saltna t’Alla hi reali u qed taħkem issa. Xi privileġġ għandna li naqdu lis-Sultan Ġesù Kristu f’xogħol li jagħti lil Ġeħova l-unur li tant jistħoqqlu!
a Fl-2013, iktar minn 230,000 volontier kienu approvati biex jaħdmu mal-132 RBC fl-Istati Uniti. F’dak il-pajjiż, kull sena dawn il-kumitati jieħdu ħsieb il-bini taʼ xi 75 Sala tas-Saltna ġdida u jgħinu biex isewwu u jsebbħu xi 900 sala.
b Din l-istatistika ma tinkludix il-ħafna Swali tas-Saltna li nbnew f’pajjiżi li mhumiex parti mill-arranġament.
c Il-qaddejja u l-volontieri internazzjonali jqattgħu l-biċċa l-kbira mill-ħin tagħhom jaħdmu fil-proġett tal-bini, imma wkoll jappoġġaw il-kongregazzjoni lokali fix-xogħol tal-ippritkar fi tmiem il-ġimgħa jew filgħaxija.