KAPITLU 1
“Ħa tiġi saltnatek”
1, 2. Ġeħova nnifsu x’qal lil tlieta mill-appostli taʼ Ġesù, u dawn kif irreaġixxew?
KIEKU Alla Ġeħova nnifsu jgħidlek biex tagħmel xi ħaġa, kif kont twieġeb? Ikun xi jkun li staqsiek tagħmel, ma tkunx ħerqan li tismaʼ minnu? U żgur!
2 Xi żmien wara l-Qbiż tas-sena 32 EK, tlieta mill-appostli taʼ Ġesù—Pietru, Ġakbu, u Ġwanni—sabu ruħhom f’sitwazzjoni eżatt bħal din. (Aqra Mattew 17:1-5.) Kienu maʼ Sidhom fuq “muntanja għolja” meta kellhom viżjoni li fiha raw lemħa bil-quddiem taʼ Ġesù bħala Sultan glorjuż tas-sema. Tant dehret reali l-viżjoni li Pietru pprova jkollu sehem fiha. Waqt li Pietru kien qed jitkellem, ifformat sħaba fuqhom. Imbagħad Pietru u l-imseħbin tiegħu semgħu biċ-ċar dak li ftit bnedmin biss qatt kellhom il-privileġġ li jisimgħu—leħen Ġeħova nnifsu. Wara li aċċertahom li Ġesù kien Ibnu, Ġeħova b’mod ċar qalilhom: “Isimgħu minnu.” L-appostli taw kas dak li qalilhom Alla. Taw widen għal dak li għallem Ġesù, u ħeġġew lil oħrajn biex jagħmlu bħalhom.—Atti 3:19-23; 4:18-20.
3. Ġeħova għala jridna nagħtu widen lil Ibnu, u għalhekk liema suġġett nagħmlu tajjeb li neżaminaw?
3 Dan il-kliem—“Isimgħu minnu”—tniżżel fil-Bibbja għall-ġid tagħna. (Rum. 15:4) Għala? Għax Ġesù hu l-kelliemi taʼ Ġeħova u kull darba li Ġesù għallem, hu qasam magħna dak li Missieru riedna nkunu nafu. (Ġw. 1:1, 14) Ġesù tkellem ħafna dwar is-Saltna t’Alla, il-gvern Messjaniku fis-sema magħmul minn Kristu Ġesù u l-144,000 ħakkiem bi sħab miegħu. Fil-fatt, tkellem iktar dwar din is-Saltna milli tkellem dwar kwalunkwe suġġett ieħor. Għalhekk, nagħmlu tajjeb li neżaminaw bir-reqqa dan is-suġġett vitali. (Riv. 5:9, 10; 14:1-3; 20:6) Imma, l-ewwel ejja neżaminaw għala Ġesù tkellem daqstant dwar is-Saltna t’Alla.
“Mill-abbundanza tal-qalb . . . ”
4. Ġesù kif wera li kien jimpurtah ħafna mis-Saltna?
4 Ġesù jimpurtah ħafna mis-Saltna. Kif nafu? Għax dak li ngħidu juri x’hemm f’qalbna—jikxef x’inhu tassew importanti għalina. Ġesù nnifsu qal: “Mill-abbundanza tal-qalb jitkellem il-fomm.” (Mt. 12:34) Ġesù ħataf kull opportunità biex jitkellem dwar is-Saltna. Hemm iktar minn 100 referenza għas-Saltna fl-erbaʼ Evanġelji, u l-biċċa l-kbira minnhom fi stqarrijiet minn Ġesù. Hu għamel is-Saltna t-tema tal-ippritkar tiegħu billi qal: “Irrid inxandar l-aħbar tajba tas-saltna t’Alla lil bliet oħrajn ukoll, għax għal dan intbgħatt.” (Lq. 4:43) Anke wara li rxoxta, Ġesù baqaʼ jitkellem dwar is-Saltna mad-dixxipli tiegħu. (Atti 1:3) Żgur li qalb Ġesù kienet tfur b’apprezzament għas-Saltna, u dan ġiegħlu jitkellem dwarha.
5-7. (a) Kif nafu li Ġeħova tassew jimpurtah mis-Saltna? Agħti eżempju. (b) Kif nistgħu nuru li tassew jimpurtana mis-Saltna?
5 Ġeħova wkoll jimpurtah ħafna mis-Saltna. Kif nafu? Ftakar li Ġeħova bagħat lill-Iben uniġenitu tiegħu fid-dinja; Ġeħova hu s-sors taʼ kulma qal u għallem Ibnu. (Ġw. 7:16; 12:49, 50) Ġeħova hu s-sors ukoll taʼ dak kollu li hu mniżżel fl-erbaʼ Evanġelji li jirrakkontaw il-ħajja u l-ministeru taʼ Ġesù. Aħseb ftit dwar xi jfisser dan.
Kull wieħed u waħda minna jagħmel tajjeb li jistaqsi, ‘Tassew jimpurtani mis-Saltna t’Alla?’
6 Immaġina li qed tagħmel album bir-ritratti tal-familja. Għandek ħafna ritratti minn fejn tagħżel, imma l-album ċertu ammont biss jesaʼ. X’ħa tagħmel? Tagħżel liema minnhom trid tinkludi fl-album. F’ċertu sens, l-Evanġelji huma bħal album tar-ritratti li jagħtina stampa ċara taʼ Ġesù. Ġeħova ma nebbaħx lill-kittieba tal-Evanġelji biex iniżżlu bil-miktub dak kollu li qal u għamel Ġesù waqt li kien fuq l-art. (Ġw. 20:30; 21:25) Minflok, l-ispirtu taʼ Ġeħova ggwidahom biex iniżżlu l-kliem u l-għemejjel li jgħinuna nifhmu l-iskop tal-ministeru taʼ Ġesù u x’inhu l-iktar importanti għal Ġeħova. (2 Tim. 3:16, 17; 2 Pt. 1:21) Ladarba l-Evanġelji huma miżgħuda bit-tagħlim taʼ Ġesù dwar is-Saltna t’Alla, nistgħu ngħidu fiċ-ċert li Ġeħova tassew jimpurtah mis-Saltna. Aħseb ftit—Ġeħova jridna nkunu nafu dwar is-Saltna tiegħu!
7 Kull wieħed u waħda minna jagħmel tajjeb li jistaqsi, ‘Tassew jimpurtani mis-Saltna t’Alla?’ Jekk iva, se nkunu ħerqanin biex nisimgħu x’qal u x’għallem Ġesù dwar is-Saltna—l-importanza tagħha u kif u meta se tiġi.
Is-Saltna x’se tagħmel meta tiġi?
8. Ġesù kif ġabar fil-qosor l-importanza tas-Saltna?
8 Ikkunsidra t-talba mudell. Bi kliem espressiv iżda sempliċi, Ġesù ġabar fil-qosor l-importanza tas-Saltna u wera x’kienet se twettaq. Fit-talba, Ġesù jitlob għal sebaʼ affarijiet. L-ewwel tlieta jikkonċernaw l-iskopijiet taʼ Ġeħova—li jitqaddes ismu, tiġi Saltnatu, u titwettaq ir-rieda tiegħu fuq l-art bħalma hi fis-sema. (Aqra Mattew 6:9, 10.) Dawn it-tliet affarijiet huma konnessi mill-qrib maʼ xulxin. Is-Saltna Messjanika hi l-mezz li Ġeħova se juża biex iqaddes ismu u jwettaq ir-rieda tiegħu.
9, 10. (a) Is-Saltna t’Alla x’se tagħmel meta tiġi? (b) Liema wegħda tal-Bibbja tixxennaq int biex taraha titwettaq?
9 Is-Saltna t’Alla x’se tagħmel meta tiġi? Meta nitolbu, “Ħa tiġi saltnatek,” inkunu qed nitolbu biex is-Saltna tieħu azzjoni deċiżiva. Meta tiġi s-Saltna, din se tuża l-qawwa sħiħa tagħha fuq l-art. Se tneħħi min-nofs is-sistema preżenti mill-agħar, inkluż kull gvern uman, u ġġib dinja ġdida u ġusta. (Dan. 2:44; 2 Pt. 3:13) Imbagħad, taħt il-ħakma tas-Saltna, l-art kollha se ssir ġenna. (Lq. 23:43) Dawk fil-memorja t’Alla se jinġiebu lura għall-ħajja u jerġgħu jingħaqdu mal-għeżież tagħhom. (Ġw. 5:28, 29) Il-bnedmin ubbidjenti se jilħqu l-perfezzjoni u jgawdu l-ħajja taʼ dejjem. (Riv. 21:3-5) Fl-aħħar, l-art se tkun f’armonija sħiħa mas-smewwiet, u b’hekk tirrifletti r-rieda t’Alla Ġeħova! Ma tixxennaqx int biex tara dawn il-wegħdi tal-Bibbja jitwettqu? Ftakar li kull darba li titlob biex tiġi s-Saltna t’Alla, tkun qed titlob biex dawn il-wegħdi prezzjużi jseħħu.
10 Jidher ċar li s-Saltna t’Alla għadha ma ‘ġietx’ biex twettaq it-talba mudell. Wara kollox, il-gvernijiet umani għadhom qed jaħkmu u d-dinja ġdida u ġusta għadha mhix hawn. Imma hemm aħbar tajba. Is-Saltna t’Alla ġiet stabbilita, kif se niddiskutu fil-kapitlu li jmiss. Issa ejja neżaminaw dak li qal Ġesù dwar meta kellha tiġi stabbilita s-Saltna u meta kellha tiġi fuq l-art.
Is-Saltna t’Alla meta kellha tiġi stabbilita?
11. Ġesù x’ta x’jifhem dwar meta kellha tiġi stabbilita s-Saltna t’Alla?
11 Ġesù ta x’jifhem li s-Saltna ma kinitx se tiġi stabbilita fl-ewwel seklu EK, avolja xi wħud mid-dixxipli tiegħu kienu qed jistennew hekk. (Atti 1:6) Ikkunsidra x’qal f’żewġ tixbihat differenti, waħda minnhom x’aktarx taha fis-sena 31 EK u l-oħra fis-sena 33 EK.
12. It-tixbiha tal-qamħ u s-sikrana, kif tagħti x’tifhem li s-Saltna ma ġietx stabbilita fl-ewwel seklu EK?
12 It-tixbiha tal-qamħ u s-sikrana. (Aqra Mattew 13:24-30.) Wara li rrakkonta din it-tixbiha, forsi fir-rebbiegħa tas-sena 31 EK, Ġesù spjegaha lid-dixxipli tiegħu. (Mt. 13:36-43) Dan hu l-qofol tat-tixbiha u t-tifsira tagħha: Wara l-mewt tal-appostli, ix-Xitan kien se jiżraʼ s-sikrana (Kristjani foloz) fost il-qamħ (“ulied is-saltna,” jiġifieri, Kristjani midlukin). Kemm il-qamħ u kemm is-sikrana kienu se jitħallew jikbru flimkien matul żmien taʼ tkabbir. Dan kien se jkompli sal-ħsad, li “hu l-konklużjoni taʼ sistema.” Wara l-bidu taż-żmien tal-ħsad, is-sikrana kellha tinġabar. Imbagħad kellu jinġabar il-qamħ. B’hekk, it-tixbiha tagħti x’tifhem li s-Saltna ma kellhiex tiġi stabbilita fl-ewwel seklu EK, imma wara li spiċċa ż-żmien tat-tkabbir. Kif żvolġew l-affarijiet, fl-1914, spiċċa ż-żmien tat-tkabbir u beda ż-żmien tal-ħsad.
13. Ġesù x’tixbiha ta li wriet li ma kienx se jsir is-Sultan Messjaniku immedjatament malli jerġaʼ jmur fis-sema?
13 It-tixbiha tal-miniet. (Aqra Luqa 19:11-13.) Ġesù ta din it-tixbiha fis-sena 33 EK, meta kien fi triqtu lejn Ġerusalemm għall-aħħar darba. Xi wħud mis-semmiegħa tiegħu ħasbu li kien se jistabbilixxi s-Saltna malli jaslu Ġerusalemm. Biex jikkoreġi din l-idea u biex juri li kien fadal ħafna żmien qabel ma tiġi stabbilita s-Saltna, Ġesù qabbel lilu nnifsu maʼ “raġel nobbli minn twelidu” li kellu jivvjaġġa “lejn art imbiegħda biex jikseb poter bħala sultan.” a Fil-każ taʼ Ġesù, l-“art imbiegħda” kienet is-sema, fejn kien se jirċievi qawwa bħala Sultan mingħand Missieru. Imma Ġesù kien jaf li ma kienx se jsir is-Sultan Messjaniku immedjatament malli jerġaʼ jmur fis-sema. Minflok, kien se joqgħod fuq il-lemin t’Alla u jistenna sa ma jasal iż-żmien stabbilit. Kif żvolġew l-affarijiet, dam jistenna għal bosta sekli.—Salm 110:1, 2; Mt. 22:43, 44; Ebr. 10:12, 13.
Is-Saltna t’Alla meta se tiġi fuq l-art?
14. (a) Ġesù kif wieġeb il-mistoqsija li għamlulu erbgħa mill-appostli tiegħu? (b) It-twettiq tal-profezija taʼ Ġesù, x’jurina dwar il-preżenza tiegħu u s-Saltna?
14 Ftit jiem qabel ma nqatel Ġesù, erbgħa mill-appostli tiegħu staqsewh: “X’se jkun is-sinjal tal-preżenza tiegħek u tal-konklużjoni tas-sistema?” (Mt. 24:3; Mk. 13:4) Ġesù wieġeb billi rrakkonta l-profezija dettaljata mniżżla f’Mattew kapitli 24 u 25. Ġesù ta dettalji dwar diversi ġrajjiet globali li kienu se jservu bħala sinjal li jidentifika perijodu taʼ żmien imsejjaħ il-“preżenza” tiegħu. Il-preżenza tiegħu kienet se tibda meta tiġi stabbilita s-Saltna; u l-preżenza tiegħu kienet se tispiċċa meta tiġi s-Saltna. Għandna provi bl-abbundanza li l-profezija taʼ Ġesù ilha titwettaq mill-1914 ’il hawn. b Għaldaqstant, f’dik is-sena bdiet il-preżenza tiegħu u ġiet stabbilita s-Saltna.
15, 16. L-espressjoni “din il-ġenerazzjoni” għal min tirreferi?
15 Iżda s-Saltna t’Alla fl-aħħar mill-aħħar meta se tiġi? Ġesù ma qalx eżatt meta kellha tiġi. (Mt. 24:36) Imma qal xi ħaġa li għandha sserrħilna moħħna li fil-fatt hi fil-qrib ferm. Ġesù qal li s-Saltna kienet se tiġi wara li “din il-ġenerazzjoni” tara b’għajnejha stess it-twettiq tas-sinjal profetiku. (Aqra Mattew 24:32-34.) L-espressjoni “din il-ġenerazzjoni” għal min tirreferi? Ejja niflu ftit il-kliem taʼ Ġesù.
16 “Din il-ġenerazzjoni.” Kellu f’moħħu Ġesù lil uħud li ma jemmnux? Le. Ikkunsidra l-udjenza li kellu. Ġesù rrakkonta din il-profezija lil ftit appostli li kienu “resqu lejh kif kien waħdu.” (Mt. 24:3) L-appostli daqt kienu se jiġu midlukin bl-ispirtu qaddis. Innota wkoll il-kuntest. Qabel ma tkellem dwar “din il-ġenerazzjoni,” Ġesù qal: “Issa tgħallmu dan il-punt bħala tixbiha mis-siġra tat-tin: Hekk kif il-fergħa ġdida tagħha tkun għadha ratba u toħroġ il-weraq, tkunu tafu li qorob is-sajf. Hekk ukoll intom, meta taraw dan kollu, kunu afu li hu qrib, fil-bieb.” Is-segwaċi midlukin taʼ Ġesù—mhux dawk li ma jemmnux—kienu se jaraw l-affarijiet li bassar u kienu se jifhmu s-sinifikat tagħhom, jiġifieri, li Ġesù “hu qrib, fil-bieb.” Għalhekk, meta Ġesù tkellem dwar “din il-ġenerazzjoni,” kellu f’moħħu lis-segwaċi midlukin tiegħu.
17. Xi tfisser il-kelma “ġenerazzjoni” u l-espressjoni “dan kollu”?
17 “Żgur ma tgħaddix sakemm iseħħ dan kollu.” Dan il-kliem kif se jitwettaq? Biex inwieġbu, irridu nkunu nafu żewġ affarijiet: it-tifsira tal-kelma “ġenerazzjoni” u tal-espressjoni “dan kollu.” Fil-Bibbja, il-kelma “ġenerazzjoni” spiss tirreferi għal nies taʼ etajiet differenti li jgħixu fl-istess żmien matul perijodu taʼ żmien partikulari. Ġenerazzjoni mhijiex twila żżejjed; u għandha tmiem. (Eżo. 1:6) L-espressjoni “dan kollu” tinkludi l-ġrajjiet imbassrin kollha matul il-preżenza taʼ Ġesù, minn meta tibda fl-1914 sakemm tispiċċa fit-‘tribulazzjoni l-kbira.’—Mt. 24:21.
18, 19. Kif għandna nifhmu kliem Ġesù dwar “din il-ġenerazzjoni,” u x’nistgħu nikkonkludu?
18 Allura, kif għandna nifhmu kliem Ġesù dwar “din il-ġenerazzjoni”? Il-ġenerazzjoni tikkonsisti minn żewġ gruppi taʼ wħud midlukin li għal ċertu perijodu għexu fl-istess żmien—l-ewwel grupp jikkonsisti minn uħud midlukin li raw il-bidu tat-twettiq tas-sinjal fl-1914, u t-tieni grupp jikkonsisti minn uħud midlukin li għal ċertu perijodu għexu fl-istess żmien tal-ewwel grupp. Minn tal-inqas ftit minn dawk tat-tieni grupp se jkunu għadhom ħajjin meta tibda t-tribulazzjoni li ġejja. Iż-żewġ gruppi jifformaw ġenerazzjoni waħda għax għal ċertu perijodu għexu fl-istess żmien bħala Kristjani midlukin. c
19 X’nistgħu nikkonkludu? Mela, aħna nafu li s-sinjal tal-preżenza taʼ Ġesù fil-qawwa tas-Saltna qed jidher b’mod ċar madwar il-globu. Ukoll, nistgħu naraw li l-midlukin li għadhom ħajjin u li huma parti minn “din il-ġenerazzjoni” qed jixjieħu; imma, mhux kollha se jmutu qabel ma tibda t-tribulazzjoni l-kbira. Għalhekk, nistgħu nikkonkludu li tassew qorob ħafna ż-żmien biex is-Saltna t’Alla taġixxi u tibda taħkem fuq l-art! Kemm se jkun eċċitanti li naraw b’għajnejna stess it-twettiq tat-talba li għallimna Ġesù: “Ħa tiġi saltnatek”!
20. Liema suġġett importanti se niddiskutu f’din il-pubblikazzjoni, u x’se jiġi eżaminat fil-kapitlu li jmiss?
20 Ejja qatt ma ninsew il-kliem li lissen Ġeħova nnifsu mis-sema dwar Ibnu: “Isimgħu minnu.” Bħala Kristjani veri, aħna ħerqanin li nagħtu kas dak li qal Alla. Aħna interessati ferm f’kulma qal u għallem Ġesù dwar is-Saltna t’Alla. F’din il-pubblikazzjoni se niddiskutu s-suġġett importanti tas-Saltna—dak li diġà wettqet u dak li se twettaq fil-futur. Il-kapitlu li jmiss se jeżamina l-iżviluppi eċċitanti taʼ qabel u taʼ wara t-twelid tas-Saltna t’Alla fis-sema.
a It-tixbiha taʼ Ġesù setgħet fakkret lis-semmiegħa tiegħu f’Arkelaw, bin Erodi l-Kbir. Qabel ma miet, Erodi ħatar lil Arkelaw bħala werriet tal-ħakma tal-Lhudija u nħawi oħrajn. Però, qabel ma Arkelaw setaʼ jibda jaħkem, l-ewwel kellu jagħmel il-vjaġġ twil lejn Ruma sabiex jikseb l-approvazzjoni t’Awgustu Ċesari.
b Għal iktar informazzjoni, ara kapitlu 9 tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?