KAPITLU 9
Riżultati tal-ippritkar—‘L-għelieqi huma bojod għall-ħsad’
1, 2. (a) Id-dixxipli għala huma mħawdin? (b) Ġesù dwar liema tip taʼ ħsad qed jitkellem?
ID-DIXXIPLI huma mħawdin. Ġesù qalilhom: “Erfgħu għajnejkom u ħarsu lejn l-għelieqi, kif inhuma bojod għall-ħsad.” Huma jħarsu lejn id-direzzjoni fejn qed jipponta Ġesù, imma l-għelieqi mhumiex bojod imma ħodor—il-kulur tax-xgħir li għadu kif nibet. ‘Xi ħsad hu?’ abbli jaħsbu bejnhom u bejn ruħhom. ‘Għad baqaʼ xhur sakemm jasal żmien il-ħsad.’—Ġw. 4:35.
2 Imma Ġesù mhux qed jitkellem dwar ħsad letterali. Minflok, qed juża din l-okkażjoni biex jgħallem lid-dixxipli tiegħu żewġ lezzjonijiet importanti dwar ħsad spiritwali—ħsad jew ġbir tan-nies. X’inhuma dawn il-lezzjonijiet? Biex insiru nafu, ejja nikkunsidraw ir-rakkont b’iktar dettall.
Jiġu motivati għal xogħol li se jferraħhom
3. (a) X’jistaʼ jkun li qanqal lil Ġesù biex jgħid: ‘L-għelieqi huma bojod għall-ħsad’? (Ara n-nota addizzjonali.) (b) Ġesù kif spjega x’ried ifisser?
3 Ġesù kellu din il-konversazzjoni mad-dixxipli lejn l-aħħar tas-sena 30 EK, ħdejn il-belt Samaritana Sikar. Waqt li d-dixxipli tiegħu daħlu fil-belt, Ġesù baqaʼ ħdejn bir. Hemmhekk qasam veritajiet spiritwali maʼ mara li malajr fehmet kemm kien importanti t-tagħlim tiegħu. Meta d-dixxipli reġgħu ġew ħdejn Ġesù, il-mara b’ħeffa telqet lejn Sikar biex tgħid lill-ġirien tagħha bl-affarijiet meraviljużi li kienet tgħallmet. Dak li qalet qanqal ħafna interess, u ħafna mill-ġirien tagħha malajr irħewlha lejn il-bir biex jiltaqgħu maʼ Ġesù. Jistaʼ jkun li kien f’dan il-waqt—hekk kif Ġesù ħares ’il bogħod, lil hinn mill-għelieqi, u ra grupp Samaritani resqin lejh—li qal: “Ħarsu lejn l-għelieqi, kif inhuma bojod għall-ħsad.” a Imbagħad biex jispjega li ma riedx ifisser ħsad letterali, imma wieħed spiritwali, Ġesù żied: “Il-ħassâd qed . . . jiġbor il-frott għall-ħajja taʼ dejjem.”—Ġw. 4:5-30, 36.
4. (a) Liema żewġ lezzjonijiet importanti dwar il-ħsad għallem Ġesù? (b) Liema mistoqsijiet se niddiskutu?
4 Liema żewġ lezzjonijiet importanti dwar il-ħsad spiritwali għallem Ġesù? L-ewwel li x-xogħol hu urġenti. Ġesù qal li ‘l-għelieqi huma bojod għall-ħsad’ biex jimmotiva lis-segwaċi tiegħu. Sabiex jenfasizza kemm kien urġenti x-xogħol, Ġesù żied jgħid hekk lid-dixxipli tiegħu: “Il-ħassâd qed jitħallas.” Iva, il-ħsad diġà kien beda—ma kienx hemm ħin għal dewmien! It-tieni lezzjoni hi li l-ħaddiema huma ferħanin. Min jiżraʼ u min jaħsad se “jifirħu flimkien,” qal Ġesù. (Ġw. 4:35b, 36) Bħalma Ġesù żgur li feraħ meta ra li “ħafna mis-Samaritani . . . poġġew il-fidi fih,” hekk ukoll id-dixxipli tiegħu kienu se jifirħu bil-kbir hekk kif ħadmu b’ruħhom kollha fil-ħsad. (Ġw. 4:39-42) Dan ir-rakkont tal-ewwel seklu hu importanti ħafna għalina għax jagħti stampa taʼ x’inhu jiġri llum matul l-akbar ħsad li qatt kien hawn. Dan il-ħsad taʼ żmienna meta beda? Min jieħu sehem fih? X’kienu r-riżultati?
Is-Sultan jieħu t-tmexxija fl-akbar ħsad li qatt kien hawn
5. Min jieħu t-tmexxija fil-ħsad globali, u l-viżjoni taʼ Ġwanni kif tagħti x’tifhem li x-xogħol hu urġenti?
5 F’viżjoni mogħtija lill-appostlu Ġwanni, Ġeħova jirrivela li inkariga lil Ġesù biex jieħu t-tmexxija fil-ħsad tan-nies fid-dinja kollha. (Aqra Rivelazzjoni 14:14-16.) F’din il-viżjoni Ġesù għandu kuruna u minġel. ‘Il-kuruna tad-deheb fuq ras Ġesù’ tikkonferma li qed jaħkem bħala Sultan. Il-“minġel misnun f’idu” juri li hu l-Ħassad. Billi jgħid permezz t’anġli li “l-prodott taʼ l-art misjur għalkollox,” Ġeħova jenfasizza li x-xogħol hu urġenti. Tabilħaqq, “waslet is-siegħa” biex Ġesù jibda jaħsad—m’hemmx ħin għal dewmien! Alla jikkmanda: “Daħħal il-minġel tiegħek,” u Ġesù jobdi. Hu jdaħħal il-minġel u jaħsad l-art—jiġifieri, jaħsad jew jiġbor in-nies tal-art. Din il-viżjoni eċċitanti tfakkarna li għal darb’oħra ‘l-għelieqi huma bojod għall-ħsad.’ Tgħinna nifhmu din il-viżjoni meta beda dan il-ħsad globali? Iva!
6. (a) “Żmien il-ħsad” meta beda? (b) Il-ħsad tal-art meta beda? Spjega.
6 Fil-viżjoni taʼ Ġwanni f’Rivelazzjoni kapitlu 14 naraw lil Ġesù, il-Ħassad, liebes kuruna (vers 14). Mela l-ħatra tiegħu bħala Sultan fl-1914 diġà seħħet. (Dan. 7:13, 14) Xi żmien wara dan, Ġesù jiġi kmandat li jibda l-ħsad (vers 15). Naraw li l-affarijiet żvolġew bl-istess mod fit-tixbiha taʼ Ġesù dwar il-ħsad tal-qamħ, fejn jgħid: “Il-ħsad hu l-konklużjoni taʼ sistema.” Għaldaqstant, żmien il-ħsad u l-konklużjoni taʼ din is-sistema bdew fl-istess żmien—fl-1914. Kien iktar tard “fi żmien il-ħsad” li beda x-xogħol tal-ħsad. (Mt. 13:30, 39) Issa, li fi żmienna nistgħu nifhmu iktar ċar, nistgħu naraw li l-ħsad beda ftit snin wara li Ġesù beda jaħkem bħala Sultan. L-ewwel, mill-1914 sal-bidu tal-1919, Ġesù naddaf lis-segwaċi midlukin tiegħu. (Mal. 3:1-3; 1 Pt. 4:17) Imbagħad fl-1919, beda l-ħsad tal-art. Mingħajr dewmien, Ġesù uża l-ilsir leali li kien għadu kif ġie maħtur biex jgħin lil ħutna jifhmu l-urġenza tax-xogħol tal-ippritkar. Ejja naraw x’ġara.
7. (a) Liema studju għen lil ħutna jaraw l-urġenza tax-xogħol tal-ippritkar tagħna? (b) Ħutna x’ġew inkuraġġiti jagħmlu?
7 F’Lulju tal-1920, It-Torri tal-Għassa qal: “Jidher ċar minn studju tal-Iskrittura li l-kongregazzjoni ngħatat privileġġ kbir, dak li twassal messaġġ dwar is-Saltna.” Pereżempju, il-kliem profetiku taʼ Isaija għenet lill-aħwa jaraw li l-aħbar dwar is-Saltna kellha tixxandar mad-dinja kollha. (Is. 49:6; 52:7; 61:1-3) Ma kinux jafu kif setgħu jwettqu xogħol bħal dan, imma fdaw li Ġeħova kien se jwittilhom it-triq. (Aqra Isaija 59:1.) Minħabba din il-fehma iktar ċara dwar l-urġenza tax-xogħol tal-ippritkar, ħutna ġew inkuraġġiti jżidu fl-ippritkar tagħhom. L-aħwa kif irreaġixxew?
8. Fl-1921, liema żewġ fatti dwar ix-xogħol tal-ippritkar fehmu ħutna?
8 F’Diċembru tal-1921, It-Torri tal-Għassa ħabbar: “Kienet l-aħjar sena li kellna s’issa; u iktar nies semgħu bil-messaġġ tal-verità matul l-1921 minn kwalunkwe sena oħra.” Ir-rivista żiedet: “Baqaʼ ħafna xi jsir . . . Ejja nagħmluh b’qalb mimlija ferħ.” Innota kif l-aħwa fehmu l-istess żewġ fatti importanti dwar ix-xogħol tal-ippritkar li kien enfasizza Ġesù lill-appostli tiegħu: Ix-xogħol hu urġenti, u l-ħaddiema huma ferħanin.
9. (a) Fl-1954, It-Torri tal-Għassa x’qal dwar ix-xogħol tal-ħsad, u għala? (b) Liema żieda globali fin-numru taʼ pubblikaturi kien hemm fl-aħħar 50 sena? (Ara t-tabella “ Żieda madwar id-dinja.”)
9 Mill-1930 ’il quddiem, wara li ħutna fehmu li folla kbira taʼ nagħaġ oħra kienu se jilqgħu l-messaġġ tas-Saltna, ix-xogħol tal-ippritkar żdied saħansitra iktar. (Is. 55:5; Ġw. 10:16; Riv. 7:9) X’kien ir-riżultat? In-numru taʼ dawk li kienu qed jippritkaw il-messaġġ tas-Saltna żdied minn 41,000 fl-1934 sa 500,000 fl-1953! It-Torri tal-Għassa tal-1 taʼ Diċembru 1954, bir-raġun ikkonkluda: “Hu l-ispirtu taʼ Ġeħova u l-qawwa taʼ Kelmtu li wettqu dan il-ħsad kbir globali.” b—Żak. 4:6.
Pajjiż |
1962 |
1987 |
2013 |
---|---|---|---|
L-Awstralja |
15,927 |
46,170 |
66,023 |
Il-Brażil |
26,390 |
216,216 |
756,455 |
Franza |
18,452 |
96,954 |
124,029 |
L-Italja |
6,929 |
149,870 |
247,251 |
Il-Ġappun |
2,491 |
120,722 |
217,154 |
Il-Messiku |
27,054 |
222,168 |
772,628 |
In-Niġerja |
33,956 |
133,899 |
344,342 |
Il-Filippini |
36,829 |
101,735 |
181,236 |
L-Istati Uniti |
289,135 |
780,676 |
1,203,642 |
Iz-Zambja |
30,129 |
67,144 |
162,370 |
1950 |
234,952 |
1960 |
646,108 |
1970 |
1,146,378 |
1980 |
1,371,584 |
1990 |
3,624,091 |
2000 |
4,766,631 |
2010 |
8,058,359 |
Ir-riżultat tal-ħsad—Imbassar f’tixbihat memorabbli
10, 11. Fit-tixbiha taż-żerriegħa tal-mustarda, liema aspetti taʼ tkabbir taż-żerriegħa nistgħu naraw?
10 Fit-tixbihat tiegħu dwar is-Saltna, Ġesù bassar bi kliem memorabbli r-riżultat tax-xogħol tal-ħsad. Ejja nikkunsidraw tixbiha dwar iż-żerriegħa tal-mustarda u oħra dwar il-ħmira. Se niffokaw partikularment fuq kif twettqu fiż-żmien tat-tmiem.
11 It-tixbiha taż-żerriegħa tal-mustarda. Raġel jiżraʼ żerriegħa tal-mustarda. Din tikber u ssir siġra li fiha jistkennu l-għasafar. (Aqra Mattew 13:31, 32.) Liema aspetti taʼ tkabbir taż-żerriegħa nistgħu naraw f’din it-tixbiha? (1) It-tkabbir innifsu hu rimarkevoli. “L-iżgħar miż-żrieragħ kollha” ssir siġra bi “friegħi kbar.” (Mk. 4:31, 32) (2) It-tkabbir hu garantit. “Wara li [ż-żerriegħa] tinżeraʼ, titlaʼ.” Ġesù ma qalx, “Forsi titlaʼ.” Le, hu jgħid: “Titlaʼ.” Ħadd u xejn ma jistaʼ jwaqqaf dan it-tkabbir. (3) Is-siġra li qed tikber tattira lill-għasafar u tipprovdilhom post fejn joqogħdu. “L-għasafar tas-sema” jiġu u “joqogħdu għad-dell tagħha.” Dawn it-tliet aspetti kif japplikaw għall-ħsad spiritwali li qed iseħħ fi żmienna?
12. It-tixbiha taż-żerriegħa tal-mustarda, kif tapplika għall-ħsad li qed iseħħ fi żmienna? (Ara wkoll it-tabella “ Numru li dejjem jiżdied taʼ studji tal-Bibbja.”)
12 (1) It-tkabbir: It-tixbiha tenfasizza t-tkabbir tal-messaġġ tas-Saltna u tal-kongregazzjoni Kristjana. Mill-1919, il-ħaddiema żelużi tal-ħsad inġabru fil-kongregazzjoni Kristjana rfinuta. F’dak iż-żmien, l-għadd taʼ ħaddiema kien żgħir, imma żdied b’rata mgħaġġla. Infatti, dan it-tkabbir—mill-bidu tas-seklu 20 sa żmienna—kien fenomenali. (Is. 60:22) (2) Garanzija: Ħadd u xejn ma rnexxielu jwaqqaf it-tkabbir tal-kongregazzjoni Kristjana. Minkejja kemm l-għedewwa t’Alla opponew u pprovaw joħonqu lil din iż-żerriegħa żgħira, din xorta waħda baqgħet tikber u għelbet kull sfida. (Is. 54:17) (3) Post fejn joqogħdu: “L-għasafar tas-sema” li jsibu post fejn joqogħdu fis-siġra jirrappreżentaw lill-ħafna miljuni taʼ wħud b’attitudni xierqa minn xi 240 pajjiż li wieġbu għall-messaġġ tas-Saltna billi saru parti mill-kongregazzjoni Kristjana. (Eżek. 17:23) Hemmhekk, jirċievu ikel spiritwali, serħan, u protezzjoni.—Is. 32:1, 2; 54:13.
13. Liema aspetti taʼ tkabbir jiġu enfasizzati fit-tixbiha tal-ħmira?
13 It-tixbiha tal-ħmira. Wara li mara tħallat xi ħmira mad-dqiq, il-ħmira tħemmer l-għaġna kollha. (Aqra Mattew 13:33.) Liema aspetti taʼ tkabbir jiġu enfasizzati f’din it-tixbiha? Ejja nikkunsidraw tnejn minnhom. (1) It-tkabbir jikkaġuna bidla. Il-ħmira ‘tħemmer l-għaġna kollha.’ (2) It-tkabbir hu mifrux. Il-ħmira tħemmer “tliet seat [xi 10 kilogrammi] dqiq”—l-għaġna kollha. Dawn iż-żewġ aspetti kif japplikaw għall-ħsad spiritwali li qed iseħħ fi żmienna?
14. It-tixbiha tal-ħmira kif tapplika għall-ħsad li qed isir fi żmienna?
14 (1) Bidla: Il-ħmira tirrappreżenta l-messaġġ tas-Saltna, u l-għaġna tagħti stampa tal-umanità. Bħalma l-ħmira tikkaġuna bidla fid-dqiq meta t-tnejn jitħalltu flimkien, hekk ukoll il-messaġġ tas-Saltna jikkaġuna bidla f’qalb l-individwi wara li jaċċettaw dan il-messaġġ. (Rum. 12:2) (2) Mifrux: Il-fatt li l-ħmira tinfirex tirrappreżenta l-fatt li l-messaġġ tas-Saltna jinfirex. Il-ħmira tinfirex sakemm tħemmer l-għaġna kollha. Bl-istess mod, il-messaġġ tas-Saltna nfirex “sa l-iktar parti mbiegħda taʼ l-art.” (Atti 1:8) Dan l-aspett tat-tixbiha jagħtina x’nifhmu wkoll li anke f’pajjiżi fejn xogħolna hu projbit, il-messaġġ tas-Saltna xorta se jinxtered. Dan se jiġri anke jekk l-ippritkar tagħna f’dawn il-pajjiżi ma jagħtix fl-għajn.
15. Il-kliem li nsibu f’Isaija 60:5, 22, kif twettaq? (Ara wkoll il-kaxxi “ Ġeħova għamilha possibbli,” u “ Kif il-‘wieħed ċkejken’ sar ‘ġens setgħan.’”
15 Xi 800 sena qabel ma Ġesù qal dawn it-tixbihat, Ġeħova, permezz t’Isaija, bassar bi kliem memorabbli l-kobor tal-ħsad spiritwali li qed iseħħ fi żmienna u l-ferħ li jġib miegħu dan il-ħsad. c Ġeħova jiddeskrivi nies “mill-bogħod” jiffollaw lejn l-organizzazzjoni tiegħu. Ġeħova jitkellem maʼ “mara”, li llum hi rappreżentata mill-fdal midluk fuq l-art, u jgħid: “Int se tara u wiċċek jixgħel, u qalbek titriegħed u tikber, għax l-għana tal-baħar se jiġi lejk; ir-riżorsi tal-ġnus se jiġu għandek.” (Is. 60:1, 4, 5, 9) Kemm hu minnu dan il-kliem! Illum, il-qaddejja taʼ Ġeħova li ilhom jaqduh għandhom wiċċhom qed jixgħel bil-ferħ hekk kif jaraw kif l-għadd taʼ pubblikaturi tas-Saltna f’pajjiżhom żdied minn ftit għal ħafna eluf!
Raġunijiet biex il-qaddejja kollha taʼ Ġeħova jifirħu
16, 17. X’inhi waħda mir-raġunijiet għala “min jiżraʼ u min jaħsad jifirħu flimkien”? (Ara wkoll il-kaxxa “ Kif żewġ fuljetti messew żewġt iqlub fl-Amażonja.”)
16 Ftakar li Ġesù qal lill-appostli: “Il-ħassâd qed . . . jiġbor il-frott għall-ħajja taʼ dejjem, u b’hekk min jiżraʼ u min jaħsad jifirħu flimkien.” (Ġw. 4:36) Kif ‘nifirħu flimkien’ fil-ħsad globali? B’diversi modi. Ejja nikkunsidraw tlieta minnhom.
17 L-ewwel, nifirħu għax naraw l-irwol taʼ Ġeħova fix-xogħol. Meta nippritkaw il-messaġġ tas-Saltna, niżirgħu ż-żerriegħa. (Mt. 13:18, 19) Meta ngħinu lil xi ħadd isir dixxiplu taʼ Kristu, inkunu qed naħsdu l-frott. U lkoll kemm aħna nħossuna ferħanin se ntiru meta bi stagħġib naraw kif Ġeħova jġiegħel iż-żerriegħa tas-Saltna “tinbet u tikber.” (Mk. 4:27, 28) Xi żerriegħa li nxerrdu, tinbet iktar tard u tinħasad minn ħaddieħor. Jistaʼ jkun li kellek esperjenza simili għal dik taʼ Joan, oħt Kristjana fil-Britannja li tgħammdet 60 sena ilu. Hi qalet: “Iltqajt maʼ individwi li qaluli li żrajt żerriegħa fi qlubhom meta tajthom xhieda ħafna snin ilu. Bla ma kont naf, Xhieda oħra mbagħad studjaw il-Bibbja magħhom u għenuhom isiru qaddejja taʼ Ġeħova. Inħossni ferħana li ż-żerriegħa li żrajt kibret u nħasdet.”—Aqra l-1 Korintin 3:6, 7.
18. Skont l-1 Korintin 3:8, x’inhi t-tieni raġuni għala għandna nifirħu?
18 It-tieni raġuni għala nibqgħu ħaddiema ferħanin hi għax inżommu f’moħħna dak li qal Pawlu: “Kull wieħed jirċievi l-premju tiegħu skond il-ħidma tiegħu.” (1 Kor. 3:8) Il-premju jingħata skont ix-xogħol, mhux skont ir-riżultati tax-xogħol. Dan tassew iserraħ moħħ dawk l-aħwa li qed jippritkaw f’territorji fejn ma tantx qed jintwera interess! F’għajnejn Alla, kull Xhud li b’qalbu kollha jieħu sehem fix-xogħol taż-żrigħ qed ‘jagħti ħafna frott,’ u għalhekk għandu għal xiex jifraħ.—Ġw. 15:8; Mt. 13:23.
19. (a) Il-profezija taʼ Ġesù f’Mattew 24:14, kif tagħtina raġuni biex nifirħu? (b) X’għandna nżommu f’moħħna anke jekk personalment ma jirnexxilniex nagħmlu dixxiplu?
19 It-tielet raġuni għala nifirħu hi għax ix-xogħol tagħna jwettaq il-profezija. Ikkunsidra t-tweġiba li Ġesù ta lill-appostli tiegħu meta saqsew: “X’se jkun is-sinjal tal-preżenza tiegħek u tal-konklużjoni tas-sistema?” Hu qalilhom li aspett mis-sinjal kien se jkun xogħol globali taʼ ppritkar. Kien hu qed jitkellem dwar ix-xogħol taʼ li nagħmlu d-dixxipli? Le. Hu qal: “Din l-aħbar tajba tas-saltna tiġi pridkata fl-art abitata kollha bħala xiehda.” (Mt. 24:3, 14) Għalhekk, l-ippritkar tas-Saltna, jiġifieri ż-żrigħ taż-żerriegħa, hu aspett tas-sinjal. Għaldaqstant, hekk kif nippritkaw l-aħbar tajba tas-Saltna, niftakru li anke jekk ma jirnexxilniex nagħmlu dixxiplu, xorta waħda jirnexxilna nagħtu “xiehda.” d Iva, iwieġbu kif iwieġbu n-nies, għandna sehem f’li nwettqu l-profezija taʼ Ġesù u għandna l-privileġġ li naqdu bħala “ħaddiema sħab m’Alla.” (1 Kor. 3:9) X’raġuni tajba biex nifirħu!
“Minn tlugħ ix-xemx sa nżulha”
20, 21. (a) Kif qed jitwettaq il-kliem taʼ Malakija 1:11? (b) Rigward ix-xogħol tal-ħsad, x’int determinat li tagħmel, u għala?
20 Fl-ewwel seklu, Ġesù għen lill-appostli tiegħu jifhmu li x-xogħol tal-ħsad kien urġenti. Mill-1919 ’il quddiem, Ġesù għen lid-dixxipli tiegħu biex jifhmu l-istess ħaġa. In-nies t’Alla rreaġixxew billi żiedu fl-attivitajiet tagħhom. Infatti, ix-xogħol tal-ħsad wera li ma jistaʼ jitwaqqaf b’xejn. Bħalma bassar il-profeta Malakija, ix-xogħol tal-ippritkar illum qed isir “minn tlugħ ix-xemx sa nżulha.” (Mal. 1:11) Iva, minn tlugħ ix-xemx sa nżulha—mil-Lvant sal-Punent, ikunu fejn ikunu fuq l-art—dawk li jiżirgħu u dawk li jaħsdu jaħdmu u jifirħu flimkien. U minn tlugħ ix-xemx sa nżulha—minn filgħodu sa filgħaxija, jew il-ġurnata kollha—naħdmu b’sens t’urġenza.
21 Hekk kif illum inħarsu lura lejn l-aħħar 100 sena u naraw kif grupp żgħir taʼ qaddejja t’Alla kiber u sar “ġens setgħan,” qalbna tassew “titriegħed u tikber,” jew tfur, bil-ferħ. (Is. 60:5, 22) Jalla l-ferħ u l-imħabba għal Ġeħova, “Sid il-ħsad,” iqanqlu lil kull wieħed u waħda minna biex jibqaʼ jagħti sehmu fl-akbar ħsad li qatt kien hawn.—Lq. 10:2.
a Jistaʼ jkun li meta Ġesù qal li ‘l-għelieqi huma bojod,’ kien qed jirreferi għall-ilbiesi bojod li setgħu kienu lebsin il-grupp Samaritani li kienu resqin lejh.
b Sabiex titgħallem iktar dwar dawk is-snin u l-għaxriet taʼ snin li ġew wara, inħeġġuk taqra paġni 425-520 tal-ktieb Jehovah’s Witnesses—Proclaimers of God’s Kingdom, li jiddiskutu r-riżultati tax-xogħol tal-ħsad mill-1919 sal-1992.
c Għal iktar informazzjoni dwar din il-profezija dettaljata, ara l-ktieb Il-Profezija taʼ Isaija—Dawl għall-Bnedmin Kollha II, paġni 303-320.
d Din il-verità vitali diġà kienet mifhuma mill-Istudenti tal-Bibbja tal-bidu. It-Torri tal-Għassa tal-15 taʼ Novembru 1895 qal: “Jekk ftit li xejn tistgħu tiġbru qamħ, xorta tistgħu tagħtu xhieda kbira. . . . Kulħadd jistaʼ jxandar l-Evanġelju.”