Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 2

Is-Saltna titwieled fis-sema

Is-Saltna titwieled fis-sema

KAPITLU DWAR

Kif in-​nies t’Alla ġew imħejjijin għat-​twelid tas-​Saltna

1, 2. X’kienet l-​akbar ġrajja li qatt ġrat fl-​istorja tad-​dinja, u għala ma niskantawx li l-​bnedmin ma rawhiex isseħħ?

 QATT ħsibt dwar kif kont tħossok li kieku għext matul xi ġrajja storika kbira? Ħafna jaħsbu dwar dan. Imma kkunsidra ftit: Kieku veru għext fi żmien taʼ bidla bħal din, kont personalment tara b’għajnejk stess il-​ġrajjiet ewlenin li wasslu għall-​bidla? X’aktarx li le. Ġrajjiet li jwasslu għat-​tmiem taʼ ħakmiet li ilhom jaħkmu u ġrajjiet li jinkitbu ħafna kotba tal-​istorja dwarhom spiss ma jseħħux fil-​pubbliku. Sa ċertu punt, ħafna mill-​istorja sseħħ wara l-​kwinti—f’palazzi tal-​ħakkiema, fi kmamar privati fejn jiltaqaʼ l-​kunsill, jew f’uffiċċji tal-​gvern. Minkejja dan, bidliet bħal dawn jeffettwaw il-​ħajjiet taʼ miljuni taʼ nies.

2 Xi ngħidu dwar l-​akbar ġrajja li qatt ġrat fl-​istorja tad-​dinja? Dik il-​ġrajja effettwat il-​ħajjiet taʼ miljuni taʼ nies, imma l-​bnedmin ma rawhiex isseħħ. Ovvjament, qed nirreferu għat-​twelid tas-​Saltna t’Alla fis-​sema, il-​gvern Messjaniku li kien ilu mwiegħed u li dalwaqt se jġib fi tmiemha lil din is-​sistema dinjija kollha. (Aqra Danjel 2:34, 35, 44, 45.) Ladarba l-​bnedmin ma rawx b’għajnejhom stess dan it-​twelid sinifikanti, għandna nikkonkludu li Ġeħova ħeba din il-​ġrajja mill-​umanità? Jew, minflok, ħejja Hu minn qabel lill-​poplu leali tiegħu għaliha? Ejja naraw.

“Il-​messaġġier tiegħi . . . jħejji triq quddiemi”

3-5. (a) Min kien “il-​messaġġier tal-​patt” imsemmi f’​Malakija 3:1? (b) X’kellu jiġri qabel ma “l-​messaġġier tal-​patt” jiġi fit-​tempju?

3 Sa mill-​imgħoddi, Ġeħova kellu l-​iskop li jħejji lin-​nies tiegħu għat-​twelid tas-​Saltna Messjanika. Pereżempju, ikkunsidra l-​profezija taʼ Malakija 3:1: “Ara! Qed nibgħat lill-​messaġġier tiegħi, u jrid iħejji triq quddiemi. U f’daqqa waħda jiġi fit-​tempju Tiegħu l-​Mulej il-​veru, li lilu qegħdin tfittxu, u jiġi l-​messaġġier tal-​patt li bih titgħaxxqu.”

4 Fit-​twettiq taʼ żmienna, Ġeħova, “il-​Mulej il-​veru,” meta ġie jispezzjona “t-​tempju Tiegħu”? Il-​profezija tispjega li Ġeħova kien se jiġi mal-​“messaġġier tal-​patt.” Dan min kien? Ħadd ħlief is-​Sultan Messjaniku, Ġesù Kristu! (Lq. 1:68-​73) Bħala l-​Ħakkiem li kien għadu kif inħatar, kien se jispezzjona u jirfina lin-​nies t’Alla fuq l-​art, li qed jaqduh fil-​bitħa fuq l-​art tat-​tempju spiritwali tiegħu.—1 Pt. 4:17.

5 Iżda, min kien “il-​messaġġier” l-​ieħor, l-​ewwel wieħed li ssemma f’​Malakija 3:1? Dan l-​individwu profetiku kien se jkun preżenti ħafna qabel il-​preżenza tas-​Sultan Messjaniku. Fl-​għaxriet taʼ snin qabel l-​1914, kien hemm xi ħadd li ‘ħejja triq quddiem’ is-​Sultan Messjaniku?

6. Min aġixxa bħala l-​ewwel “messaġġier” imbassar li ġie biex iħejji lin-​nies t’Alla għal dak li kien ġej?

6 Matul din il-​pubblikazzjoni, se nsibu tweġibiet għal mistoqsijiet bħal dawn fl-​istorja eċċitanti tal-​poplu taʼ Ġeħova fi żmienna. Din l-​istorja turi li lejn l-​aħħar tas-​seklu 19, grupp żgħir taʼ nies leali kien qed juri li hu l-​uniku grupp taʼ Kristjani veri fost ħafna gruppi taʼ Kristjani foloz. Dan il-​grupp żgħir sar magħruf bħala l-​Istudenti tal-​Bibbja. Dawk li ħadu t-​tmexxija fosthom—Charles T. Russell u dawk li ħadmu mill-​qrib miegħu—tassew aġixxew bħala “l-​messaġġier” imbassar. Huma ggwidaw b’mod spiritwali lin-​nies t’Alla u ħejjewhom għal dak li kien ġej. Ejja nikkunsidraw erbaʼ modi kif “il-​messaġġier” għamel dan.

Iqimu bil-​verità

7, 8. (a) Matul is-​seklu 19, min beda jikxef id-​duttrina falza tal-​immortalità tar-​ruħ? (b) C. T. Russell u l-​imseħbin tiegħu kixfu liema tagħlim falz ieħor?

7 Meta studjaw, dawk l-​Istudenti tal-​Bibbja talbu għall-​gwida taʼ Ġeħova; huma qablu fuq veritajiet duttrinali ċari, ġabruhom flimkien, u ppubblikawhom. Għal sekli sħaħ, id-​dinja tal-​Kristjaneżmu kienet imgeżwra fi dlam spiritwali; ħafna mit-​tagħlim tagħha kellu oriġini pagana. Eżempju tajjeb taʼ dan hu d-​duttrina tal-​immortalità tar-​ruħ. Però, matul is-​seklu 19, xi studenti sinċieri tal-​Bibbja għarblu dan it-​tagħlim u raw li l-​Kelma t’Alla ma tappoġġahx. Henry Grew, George Stetson, u George Storrs bi qlubija kitbu u taw taħditiet li fihom kixfu din il-​gidba satanika. a U dak li għallmu kellu impatt qawwi fuq C. T. Russell u l-​imseħbin tiegħu.

8 Il-​grupp żgħir tal-​Istudenti tal-​Bibbja sabu li duttrini oħra li kellhom x’jaqsmu mal-​immortalità tar-​ruħ bl-​istess mod kienu jħawdu lin-​nies u kienu foloz—bħal pereżempju, it-​tagħlim li n-​nies tajbin kollha jmorru s-​sema u li Alla jitturmenta għal dejjem l-​erwieħ immortali tal-​ħżiena fin-​nar tal-​infern. Russell u l-​imseħbin tiegħu bi qlubija kixfu dan il-​gideb f’diversi artikli, kotba, kotba żgħar, fuljetti, u prietki stampati fil-​gazzetti.

9. It-​Torri tal-​Għassa kif kixef id-​duttrina tat-​Trinità bħala li hi falza?

9 Bl-​istess mod, l-​Istudenti tal-​Bibbja kixfu li d-​duttrina tat-​Trinità, li tant nies kienu jgħożżu, ukoll kienet falza. Fl-​1887, It-​Torri tal-​Għassa qal: “L-​Iskrittura hi ċara ħafna dwar ir-​relazzjoni li fil-​fatt teżisti bejn Ġeħova u l-​Mulej tagħna Ġesù u dwar il-​fatt li huma żewġ individwi differenti.” L-​artiklu mbagħad qal li kien taʼ stagħġib li “l-​idea tat-​Trinità—tliet allat f’Alla wieħed, u fl-​istess ħin Alla wieħed fi tliet allat—saret tant magħrufa u ġiet aċċettata mill-​maġġuranza tan-​nies. Imma l-​fatt li hi tant aċċettata, turi x’nagħsa ħadet il-​knisja waqt li l-​għadu mlieha sa ruħ ommha b’gideb u żbalji.” b

10. It-​Torri tal-​Għassa kif ikkonkluda li s-​sena 1914 kienet waħda speċjali?

10 It-​Torri tal-​Għassa kien interessat ferm fi profeziji dwar il-​preżenza taʼ Kristu, bħalma ta x’jifhem it-​titlu sħiħ tiegħu f’dak iż-​żmien (li kien It-​Torri tal-​Għassa taʼ Sijon li Jħabbar il-​Preżenza taʼ Kristu). Il-​kittieba midlukin leali tar-​rivista għamlu rabta bejn il-​profezija taʼ Danjel dwar is-​“sebaʼ żminijiet” u bejn iż-​żmien meta kellhom jitwettqu l-​iskopijiet t’Alla dwar is-​Saltna Messjanika. Sa mis-​snin 70 tas-​seklu 19, huma qalu li s-​sena 1914 kienet is-​sena meta dawk is-​sebaʼ żminijiet kellhom jintemmu. (Dan. 4:25; Lq. 21:24) Għalkemm ħutna f’dak iż-​żmien kienu għadhom ma fehmux is-​sinifikat kollu taʼ dik is-​sena speċjali, huma xandru mal-​erbat irjieħ dak li kienu jafu. U anke fi żmienna għadna nħossu l-​effetti taʼ dan ix-​xandir.

11, 12. (a) Ħuna Russell lil min ta l-​krettu għal dak li għallem? (b) Kemm kien importanti x-​xogħol li Russell u l-​imseħbin tiegħu għamlu fl-​għaxriet taʼ snin qabel l-​1914?

11 La Russell u lanqas l-​imseħbin leali tiegħu ma riedu jieħdu l-​krettu talli kixfu u fehmu dawn il-​veritajiet spiritwali vitali. Russell ta ħafna krettu lil dawk li ġew qablu. Imma l-​iktar, ta l-​krettu lil Alla Ġeħova, il-​wieħed responsabbli biex jgħallem lill-​poplu Tiegħu dak li jeħtieġu jkunu jafu fiż-​żmien meta jeħtieġu jkunu jafuh. Jidher ċar li Ġeħova tassew bierek l-​isforzi taʼ Russell u l-​imseħbin tiegħu biex isaffu l-​verità mill-​gideb. Hekk kif gerbu s-​snin, baqgħu jispikkaw iktar u iktar bħala separati u differenti mill-​Kristjaneżmu.

Ħuna Russell u dawk li ħadmu mill-qrib miegħu ressqu ’l quddiem il-veritajiet tal-Bibbja

12 Kemm kien rimarkevoli x-​xogħol li għamlu dawn l-​irġiel leali biex iressqu ’l quddiem il-​veritajiet duttrinali fl-​għaxriet taʼ snin qabel l-​1914! Meta tkellem dwar dawk is-​snin, It-​Torri tal-​Għassa tal-​1 taʼ Novembru 1917, qal: “Miljuni taʼ nies illum qishom neħħew tagħbija tqila minn fuq spallejhom għax isibu ruħhom meħlusin mill-​biżaʼ li ħassew minħabba t-​tagħlim tan-​nar tal-​infern u duttrini foloz oħra . . . Il-​Verità, li bdiet iktar minn 40 sena ilu, hi bħal mewġa li għadha qed togħla u li se tkompli togħla sakemm timla l-​art kollha kemm hi; u l-​opponenti tagħha għandhom iktar ċans iżommu lura l-​mewġ t’oċean setgħan b’sempliċi xkupa milli jżommu lura l-​Verità milli tinxtered madwar l-​art kollha.”

13, 14. (a) “Il-​messaġġier” kif għen biex iħejji t-​triq għas-​Sultan Messjaniku? (b) X’nistgħu nitgħallmu minn ħutna taʼ iktar minn 100 sena ilu?

13 Ikkunsidra dan: Kienu se jkunu mħejjijin in-​nies għall-​bidu tal-​preżenza taʼ Kristu li kieku ma setgħux jagħrfu d-​differenza bejn Ġesù u Missieru, Ġeħova? Dażgur li le! Lanqas ma kienu se jkunu mħejjijin kieku ħasbu li l-​immortalità kienet tintiret awtomatikament minn kulħadd u mhux li kienet għotja prezzjuża li tingħata lil ftit mis-​segwaċi taʼ Kristu; u lanqas kieku ħasbu li Alla jitturmenta lin-​nies għal dejjem fin-​nar tal-​infern bl-​ebda tama taʼ serħan! Bla ebda dubju, “il-​messaġġier” ħejja t-​triq għas-​Sultan Messjaniku!

14 U xi ngħidu għalina llum? X’nistgħu nitgħallmu minn ħutna taʼ iktar minn 100 sena ilu? Aħna wkoll għandna nkunu qarrejja u studenti entużjasti tal-​Kelma t’Alla. (Ġw. 17:3) Hekk kif din id-​dinja materjalistika ssir iktar u iktar bil-​ġuħ, f’sens spiritwali, jalla l-​aptit tagħna għall-​ikel spiritwali jkompli jiżdied!—Aqra l-1 Timotju 4:15.

“Oħorġu minnha, poplu tiegħi”

15. L-​Istudenti tal-​Bibbja bil-​mod il-​mod x’fehmu? (Ara wkoll in-​nota addizzjonali.)

15 L-​Istudenti tal-​Bibbja għallmu li n-​nies kellhom bżonn jabbandunaw il-​knejjes tad-​dinja. Fl-​1879, It-​Torri tal-​Għassa rrefera għall-​“knisja Babiloniża.” Kien qed jitkellem dwar il-​papa? Jew il-​Knisja Kattolika Rumana? Il-​protestanti qalu li Babilonja, imsemmija fil-​profezija tal-​Bibbja, irrappreżentat lill-​Knisja Kattolika. Madanakollu, l-​Istudenti tal-​Bibbja bil-​mod il-​mod fehmu li “Babilonja” taʼ żmienna rreferiet għall-​knejjes kollha tal-​Kristjaneżmu. Għala? Għax kollha għallmu duttrini foloz bħal dawk li semmejna qabel. c Maż-​żmien, il-​pubblikazzjonijiet tagħna saru iktar u iktar diretti dwar dak li kellhom jagħmlu l-​membri tal-​knejjes taʼ Babilonja li kellhom qalb onesta.

16, 17. (a) It-​tielet volum tal-​Millennial Dawn u t-​Torri tal-​Għassa, kif ħeġġew lin-​nies jabbandunaw ir-​reliġjon falza? (b) X’kienet ħaġa waħda li dgħajfet dawn it-​twissijiet? (Ara n-​nota addizzjonali.)

16 Pereżempju, fl-​1891, it-​tielet volum tal-​Millennial Dawn iddiskuta l-​fatt li Alla ċaħad lil Babilonja taʼ żmienna u qal li l-​knejjes kollha tal-​Kristjaneżmu “huma miċħudin.” Żied jgħid li dawk kollha “li mhumiex favur id-​duttrini u l-​prattiki foloz tagħha issa huma mitlubin jinfirdu minn magħha.”

17 F’Jannar tal-​1900, It-​Torri tal-​Għassa ta parir lil dawk li kienu għadhom miktubin bħala membri taʼ xi denominazzjoni, jew grupp, tal-​knejjes tal-​Kristjaneżmu u li ġġustifikaw dak li għamlu billi qalu: “Jien għalkollox favur il-​verità, u rari nattendi laqgħat oħra.” L-​artiklu staqsa: “Imma taħsbu li dan hu xieraq—li tkun sieq waħda f’Babilonja u l-​oħra barra? Hi din l-​ubbidjenza mistennija . . . minn Alla, li togħġbu u li hi aċċettabbli għalih? Dażgur li le. Hu [il-​membru tal-​knisja] pubblikament daħal f’patt mad-​denominazzjoni meta sar membru tagħha, u b’lealtà għandu jgħix fi qbil mal-​kundizzjonijiet kollha tal-​patt sakemm . . . pubblikament jikkanċella milli jibqaʼ jkun membru u jaqtaʼ kull rabta minn magħha.” Matul is-​snin, dan il-​messaġġ sar iktar sod. d Il-​qaddejja taʼ Ġeħova jridu jaqtgħu kull rabta minn mar-​reliġjon falza.

18. Għala kien meħtieġ li n-​nies joħorġu minn Babilonja l-​Kbira?

18 Kien Kristu, bħala s-​Sultan li kien għadu kif inħatar, se jsib grupp taʼ qaddejja midlukin u mħejjijin fuq l-​art li kieku ma kinux ingħataw regolarment twissijiet bħal dawn biex joħorġu minn Babilonja l-​Kbira? Żgur li le, għax huma biss dawk il-​Kristjani li nħelsu minn taħt difrejn Babilonja li jistgħu jqimu lil Ġeħova “bl-​ispirtu u l-​verità.” (Ġw. 4:24) Illum, ninsabu aħna bl-​istess mod determinati biex nibqgħu ħielsa mir-​reliġjon falza? Ejja nkomplu nobdu l-​kmand: “Oħorġu minnha, poplu tiegħi”!—Aqra Rivelazzjoni 18:4.

Jiltaqgħu għall-​qima

19, 20. It-​Torri tal-​Għassa kif ħeġġeġ lin-​nies t’Alla biex jiltaqgħu flimkien għall-​qima?

19 L-​Istudenti tal-​Bibbja għallmu li sħabhom fit-​twemmin kellhom jiltaqgħu flimkien għall-​qima, kull fejn dan kien possibbli. Għall-​Kristjani ġenwini, mhuwiex biżżejjed li joħorġu mir-​reliġjon falza. Hu wkoll vitali li jieħdu sehem fil-​qima pura. Mill-​ewwel ħarġiet tiegħu, It-​Torri tal-​Għassa ħeġġeġ lill-​qarrejja biex jiltaqgħu flimkien għall-​qima. Pereżempju, f’Lulju tal-​1880, Ħuna Russell kiteb rapport dwar tur taʼ taħditiet li kien għamel u qal kemm kienu inkuraġġanti l-​ħafna laqgħat li kien attenda. Imbagħad ħeġġeġ lill-​qarrejja biex jibagħtu kards dwar il-​progress tagħhom—u xi ftit minnhom kienu se jiġu stampati fil-​paġni tar-​rivista. Għal liema għan? “Għidulna . . . kif il-​Mulej qed jgħinkom; jekk hux qed tattendu l-​laqgħat maʼ dawk li jħaddnu l-​istess fidi prezzjuża.”

Charles Russell maʼ grupp taʼ Studenti tal-Bibbja tal-bidu f’Kopenħagen, id-Danimarka, fl-1909

20 Fl-​1882, artiklu bit-​titlu “Ninġabru flimkien” deher fit-​Torri tal-​Għassa. L-​artiklu ħeġġeġ lill-​Kristjani biex jorganizzaw laqgħat “ħalli lkoll jibbenefikaw, jinkuraġġixxu ruħhom, u jissaħħu.” Qal: “Ma jimpurtax jekk m’hemm ħadd fostkom li hu taʼ skola jew li għandu xi abbiltà kbira. Kull wieħed minnkom ħa jġib miegħu l-​Bibbja tiegħu stess, karta, u lapes u użaw kemm tistgħu għodod t’għajnuna bħalma hi Konkordanza [indiċi tal-​Bibbja]. Agħżlu suġġett; itolbu għall-​gwida tal-​Ispirtu biex tifhmuh; imbagħad aqraw, aħsbu, qabblu skrittura m’oħra, u żgur li tiġu gwidati lejn il-​verità.”

21. Il-​kongregazzjoni f’Allegheny, Pennsylvania, liema eżempju tat rigward il-​laqgħat u ż-​żjajjar pastorali?

21 L-​Istudenti tal-​Bibbja kellhom il-​kwartieri ġenerali tagħhom f’Allegheny, Pennsylvania, l-​Istati Uniti tal-​Amerika. Hemmhekk taw eżempju mill-​aħjar billi ltaqgħu flimkien, u b’hekk obdew il-​parir imnebbaħ li hu mniżżel f’​Ebrej 10:24, 25. (Aqra.) Ħafna żmien wara, ħu mdaħħal fiż-​żmien jismu Charles Capen ftakar f’meta attenda dawk il-​laqgħat meta kien għadu tifel. Hu kiteb: “Għadni niftakar waħda mill-​iskritturi li kienet miżbugħa fuq il-​ħajt tas-​sala tal-​assemblea tas-​Soċjetà. ‘Wieħed hu l-​għalliem tagħkom, filwaqt li intom ilkoll aħwa.’ Dik l-​iskrittura dejjem baqgħet stampata f’moħħi—m’hemmx distinzjoni taʼ kleru u lajċi fost in-​nies taʼ Ġeħova.” (Mt. 23:8) Ħuna Capen ftakar ukoll fil-​laqgħat li jimmotivaw, fl-​inkuraġġiment mill-​qalb li ngħata, u fl-​isforzi diliġenti taʼ Ħuna Russell biex personalment jirgħa lil kull membru tal-​kongregazzjoni.

22. In-​nies leali kif irreaġixxew għall-​inkuraġġiment biex jattendu l-​laqgħat Kristjani, u x’lezzjoni nistgħu nitgħallmu minn dawn l-​uħud?

22 Nies leali rreaġixxew tajjeb għal dan l-​eżempju u għall-​istruzzjoni li ngħataw. Ġew ifformati kongregazzjonijiet fi stati oħra, bħal f’Ohio u Michigan, u mbagħad madwar l-​Amerika taʼ Fuq kollha u f’pajjiżi oħra. Ikkunsidra: Kienu n-​nies leali tassew ikunu mħejjijin għall-​preżenza taʼ Kristu li kieku ma ġewx imħarrġin biex jobdu l-​parir imnebbaħ ħalli jiltaqgħu flimkien għall-​qima? Żgur li le! Xi ngħidu għalina llum? Aħna wkoll irridu nkunu determinati biex nattendu l-​laqgħat Kristjani regolarment, u nfittxu kull opportunità biex inqimu flimkien u nibnu lil xulxin spiritwalment.

Jippritkaw b’żelu

23. It-​Torri tal-​Għassa kif għamilha ċara li l-​midlukin kollha għandhom ikunu predikaturi tal-​verità?

23 L-​Istudenti tal-​Bibbja għallmu li l-​midlukin kollha għandhom ikunu predikaturi tal-​verità. Fl-​1885, It-​Torri tal-​Għassa qal: “M’għandniex ninsew li kull membru tal-​midlukin hu midluk biex jipprietka (Is. 61:1), imsejjaħ għall-​ministeru.” Ħarġa fl-​1888 kellha din it-​twissija: “L-​inkarigu tagħna hu ċar daqs il-​kristall . . . Jekk ninjorawh u noqogħdu nġibu l-​iskużi, ċertament li nkunu qaddejja għażżenin u nuru li ma jistħoqqilniex il-​pożizzjoni għolja li ġejna msejħin għaliha [jiġifieri, li nkunu midlukin].”

24, 25. (a) Ħuna Russell u dawk li ħadmu mill-​qrib miegħu, x’għamlu iktar minbarra li inkuraġġew lin-​nies biex jippritkaw? (b) Wieħed pijunier kif iddeskriva xogħlu fiż-​“żmien meta ftit li xejn kien hawn karozzi”?

24 Ħuna Russell u dawk li ħadmu mill-​qrib miegħu għamlu iktar milli sempliċement inkuraġġew lin-​nies biex jippritkaw. Ukoll, bdew jipproduċu fuljetti msejħin Bible Students’ Tracts, li iktar tard issejħu wkoll Old Theology Quarterly. Il-​qarrejja tat-​Torri tal-​Għassa rċivew il-​fuljetti ħalli jqassmuhom lill-​pubbliku bla ħlas.

Nagħmlu tajjeb li nistaqsu lilna nfusna: ‘Ix-​xogħol tal-​ippritkar hu l-​iktar ħaġa importanti f’ħajti?

25 Dawk li ddedikaw ruħhom għall-​ministeru fultajm issejħu colporteurs (issa msejħin pijunieri). Charles Capen, li semmejna qabel, kien wieħed minnhom. Iktar tard ftakar: “Użajt mapep li għamel l-​Istħarriġ Ġeoloġiku tal-​Gvern tal-​Istati Uniti biex jgħinuni nkopri t-​territorju f’Pennsylvania. Dawn il-​mapep urew it-​toroq kollha, u b’hekk bil-​mixi stajt inkopri t-​territorju kollu. Kultant, wara vjaġġ taʼ tlett ijiem fil-​kampanja li fih ħadt ordnijiet għall-​kotba fis-​serje Studies in the Scriptures, kont nikri żiemel u karettun ħalli nkun nistaʼ niħdilhom il-​kotba. Spiss waqaft u għaddejt il-​lejl għand xi bidwi. Dan kien żmien meta ftit li xejn kien hawn karozzi.”

Pijunier. Innota t-“Tabella taż-żminijiet” miżbugħa fuq ġenb il-karozzella

26. (a) In-​nies t’Alla għala kellhom jieħdu sehem fix-​xogħol tal-​ippritkar sabiex ikunu mħejjijin għall-​ħakma taʼ Kristu? (b) Liema mistoqsijiet nagħmlu tajjeb li nistaqsu lilna nfusna?

26 Żgur li l-​Istudenti tal-​Bibbja kellhom bżonn il-​kuraġġ u ż-​żelu biex jagħmlu dawn l-​isforzi fl-​ippritkar. Kienu l-​Kristjani veri jkunu mħejjijin għall-​ħakma taʼ Kristu li kieku ma ġewx mgħallmin l-​importanza tax-​xogħol tal-​ippritkar? Ċertament li le! Wara kollox, dan ix-​xogħol kellu jsir aspett li jispikka tal-​preżenza taʼ Kristu. (Mt. 24:14) In-​nies t’Alla riedu jkunu mħejjijin biex jagħmlu dan ix-​xogħol li jsalva l-​ħajjiet l-​iktar ħaġa importanti f’ħajjithom. Illum, nagħmlu tajjeb li nistaqsu lilna nfusna: ‘Ix-​xogħol tal-​ippritkar hu l-​iktar ħaġa importanti f’ħajti? Nagħmel sagrifiċċji ħalli jkolli sehem sħiħ f’din l-​attività?’

Is-​Saltna t’Alla titwieled!

27, 28. L-​appostlu Ġwanni x’ra f’viżjoni, u Satana u d-​demonji tiegħu kif irreaġixxew għat-​twelid tas-​Saltna?

27 Fl-​aħħar, waslet is-​sena tant mistennija tal-​1914. Bħalma ddiskutejna fil-​bidu tal-​kapitlu, ma kien hemm l-​ebda bniedem li ra b’għajnejh stess il-​ġrajjiet glorjużi fis-​sema. Però, l-​appostlu Ġwanni ngħata viżjoni li ddeskriviet b’mod simboliku dak li ġara. Immaġina: Ġwanni jara “sinjal kbir fis-​sema.” Il-​“mara” t’Alla—l-​organizzazzjoni tiegħu taʼ ħlejjaq spirti fis-​sema—hi tqila u tiled iben. Jintqalilna li dan it-​tifel simboliku daqt se “jirgħa lill-​ġnus kollha b’xettru tal-​ħadid.” Imma malli jitwieled, ‘jittieħed lejn Alla u lejn it-​tron tiegħu.’ Leħen għoli fis-​sema jgħid: “Issa bdew iseħħu s-​salvazzjoni u l-​qawwa u s-​saltna t’Alla tagħna u l-​awtorità tal-​Kristu tiegħu.”—Riv. 12:1, 5, 10.

28 Mingħajr ebda dubju, Ġwanni ra viżjoni tat-​twelid tas-​Saltna Messjanika. Din tassew kienet ġrajja glorjuża, imma mhux kulħadd ħa pjaċir biha. Satana u d-​demonji tiegħu ggwerraw kontra l-​anġli leali, li kienu taħt it-​tmexxija taʼ Mikiel, jew, Kristu. X’kien ir-​riżultat? Naqraw: “Twaddab għal isfel id-​dragun il-​kbir, is-​serp oriġinali, dak li hu msejjaħ Xitan u Satana, li qed iqarraq bl-​art abitata kollha; twaddab ’l isfel lejn l-​art, u l-​anġli tiegħu twaddbu għal isfel miegħu.”—Riv. 12:7, 9.

Fl-1914, l-Istudenti tal-Bibbja bdew jagħrfu s-sinjal tal-preżenza inviżibbli taʼ Kristu

29, 30. Wara t-​twelid tas-​Saltna Messjanika, il-​kundizzjonijiet kif inbidlu (a) fuq l-​art? (b) fis-​smewwiet?

29 Ħafna qabel l-​1914, l-​Istudenti tal-​Bibbja qalu li kien se jibda żmien taʼ inkwiet f’dik is-​sena speċjali. Imma lanqas huma ma setgħu jobsru kemm dan it-​tbassir kien se jkun eżatt. Bħalma kixfet il-​viżjoni taʼ Ġwanni, Satana mbagħad kien se jibda jkollu impatt saħansitra akbar fuq is-​soċjetà umana: “Gwaj għall-​art u għall-​baħar, għax ix-​Xitan niżel għandkom u għandu rabja kbira, għax jaf li żmien qasir baqagħlu.” (Riv. 12:12) Fl-​1914, faqqgħet l-​Ewwel Gwerra Dinjija u beda jitwettaq madwar id-​dinja kollha s-​sinjal tal-​preżenza taʼ Kristu b’qawwa rjali. L-​“aħħar jiem” taʼ din is-​sistema kienu bdew.—2 Tim. 3:1.

30 Imma kien hemm il-​ferħ fis-​sema. Satana u d-​demonji tiegħu tkeċċew għal dejjem. Ir-​rakkont taʼ Ġwanni jgħid: “Għalhekk, ifirħu smewwiet u intom li tgħammru fihom!” (Riv. 12:12) Bis-​smewwiet imnaddfin u b’Ġesù maħtur bħala Sultan, is-​Saltna Messjanika issa kienet lesta biex taġixxi għan-​nom tal-​poplu t’Alla fuq l-​art. X’azzjoni kienet se tieħu? Bħalma rajna fil-​bidu taʼ dan il-​kapitlu, Kristu bħala “l-​messaġġier tal-​patt” l-​ewwel kien se jirfina l-​qaddejja t’Alla fuq l-​art. Dan x’kien se jfisser?

Żmien taʼ prova

31. Malakija x’bassar dwar il-​proċess tal-​irfinar, u din il-​profezija kif bdiet titwettaq? (Ara wkoll in-​nota addizzjonali.)

31 Malakija bassar li l-​proċess tal-​irfinar ma kienx se jkun faċli. Kiteb: “Min se jissaporti jum il-​miġja tiegħu, u min se jiflaħ jieqaf meta jidher hu? Għax se jkun bħan-​nar tar-​raffinatur u bħas-​sapun tal-​ħasselin.” (Mal. 3:2) Kemm wera li kien minnu dan il-​kliem! B’seħħ mill-​1914, in-​nies t’Alla fuq l-​art ħabbtu wiċċhom maʼ provi u tbatijiet kbar waħda wara l-​oħra. Hekk kif l-​Ewwel Gwerra Dinjija kienet fl-​aqwa tagħha, ħafna Studenti tal-​Bibbja ġarrbu persekuzzjoni vjolenti u tfigħ il-​ħabs. e

32. Liema taqlib minn ġewwa effettwa lin-​nies t’Alla wara l-​1916?

32 L-​organizzazzjoni għaddiet minn taqlib minn ġewwa wkoll. Fl-​1916, Ħuna Russell miet fl-​età taʼ 64 sena biss, u dan ixxokkja lil ħafna min-​nies t’Alla. Il-​mewt tiegħu kixfet li ħafna wħud kienu poġġew wisq enfasi fuq raġel eżemplari wieħed. Għalkemm Ħuna Russell ma ried l-​ebda tip taʼ qima, ħafna kienu għamluh kważi l-​alla tagħhom. Kienu jaħsbu li r-​rivelazzjoni bil-​mod il-​mod tal-​verità kienet intemmet maʼ mewtu, u xi wħud opponew bil-​kbir kwalunkwe sforz biex ikomplu mexjin ’il quddiem. Din l-​attitudni wasslet biex tfaqqaʼ l-​apostasija li firdet lill-​organizzazzjoni.

33. Stennijiet mhux imwettqin kif għaddew lin-​nies t’Alla minn prova?

33 Stennijiet mhux imwettqin kienu prova oħra. Għalkemm It-​Torri tal-​Għassa b’mod tajjeb kien ġibed l-​attenzjoni lejn l-​1914 bħala s-​sena meta kellhom jintemmu Żminijiet il-​Ġentili, l-​aħwa kienu għadhom ma fehmux x’kien se jseħħ f’dik is-​sena. (Lq. 21:24) Huma ħasbu li fl-​1914, Kristu kien se jieħu l-​midlukin fis-​sema ħalli jaħkmu miegħu minn hemmhekk. Din kienet ferħa bla temma. Lejn l-​aħħar tal-​1917, It-​Torri tal-​Għassa ħabbar li żmien il-​ħsad, li kellu jdum 40 sena, kien se jispiċċa fir-​rebbiegħa tal-​1918. Imma x-​xogħol tal-​ippritkar ma spiċċax. Kompla jiffjorixxi wara li għaddiet dik id-​data. Ir-​rivista tat x’tifhem li l-​ħsad kien spiċċa imma li kien għad fadal żmien taʼ tilqit. Xorta waħda, ħafna ma baqgħux jaqdu lil Ġeħova għax kienu diżappuntati.

34. Liema prova diffiċli qamet fl-​1918, u l-​Kristjaneżmu għala ħaseb li n-​nies t’Alla kienu “mejtin”?

34 Qamet prova diffiċli fl-​1918. J. F. Rutherford, dak li beda jieħu t-​tmexxija fost in-​nies t’Alla minflok C. T. Russell, ġie arrestat flimkien maʼ sebaʼ aħwa responsabbli oħra. B’mod inġust għaddiet is-​sentenza li jiġu mitfugħin għal żmien twil fil-​ħabs t’Atlanta, Georgia, l-​Istati Uniti tal-​Amerika. Għal xi żmien, setaʼ deher li x-​xogħol tan-​nies t’Alla kien waqaf. Ħafna mill-​kleru tal-​Kristjaneżmu ferħu. Huma assumew li la l-​“mexxejja” kienu l-​ħabs, il-​kwartieri ġenerali fi Brooklyn kienu ngħalqu, u l-​ippritkar kien qed jiġi attakkat fl-​Amerika u fl-​Ewropa, dawk l-​Istudenti tal-​Bibbja fitti kienu “mejtin”—jiġifieri, ma kinux għadhom taʼ theddida. (Riv. 11:3, 7-​10) Kemm kienu sejrin żmerċ!

Jerġgħu jieħdu l-​ħajja

35. Ġesù għala ħalla t-​tbatijiet jifnu lis-​segwaċi tiegħu, u kif aġixxa biex jgħinhom?

35 L-​għedewwa tal-​verità ma basrux li l-​unika raġuni għala Ġesù kien ħalla dawn it-​tbatijiet jifnu lill-​poplu tiegħu kienet għax Ġeħova f’dak iż-​żmien kien bilqiegħda “bħala raffinatur u wieħed li jnaddaf il-​fidda.” (Mal. 3:3) Ġeħova u Ibnu kienu ċerti li dawn il-​provi bin-​nar kienu se jirfinaw u jnaddfu lill-​uħud leali, u b’hekk dawn kienu se jkunu f’qagħda aħjar minn qabel biex jaqdu lis-​Sultan. Minn kmieni fl-​1919, deher ċar li l-​ispirtu t’Alla kien għamel dak li l-​għedewwa tal-​poplu tiegħu ħasbu li kien impossibbli. L-​uħud leali reġgħu ħadu l-​ħajja! (Riv. 11:11) F’dak iż-​żmien, jidher ċar li Kristu wettaq aspett ewlieni tas-​sinjal tal-​aħħar jiem—ħatar “l-​ilsir leali u għaqli,” grupp żgħir taʼ rġiel midlukin li kienu se jieħdu t-​tmexxija fost il-​poplu tiegħu billi jagħtu ikel spiritwali fiż-​żmien xieraq.—Mt. 24:45-​47.

36. X’wera li n-​nies t’Alla kienu qed jerġgħu jieħdu l-​ħajja f’sens spiritwali?

36 Ħuna Rutherford u l-​imseħbin tiegħu nħelsu mill-​ħabs fis-​26 taʼ Marzu 1919. Malajr saru pjanijiet biex issir konvenzjoni f’Settembru taʼ dik is-​sena. Ukoll, saru xi pjanijiet biex tinbeda rivista oħra bl-​isem The Golden Age. Bħala sieħba għat-​Torri tal-​Għassa, din ġiet imħejjija biex tintuża fil-​ministeru tal-​għalqa. f Fl-​istess sena, ġiet ippubblikata l-​ewwel ħarġa tal-​Bulletin, li issa msejjaħ il-fuljett għall-istudju tal-laqgħa għall-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna. Sa mill-​bidu, dan dejjem ħeġġiġna għall-​ministeru tal-​għalqa. Mingħajr dubju, mill-​1919 ’il quddiem, il-​ministeru persunali minn dar għal dar ingħata iktar prijorità.

37. Fis-​snin taʼ wara l-​1919, xi wħud kif urew li kienu żleali?

37 Ix-​xogħol tal-​ippritkar kompla jirfina lill-​qaddejja taʼ Kristu, għax dawk fosthom li kienu kburin u arroganti ma kinux lesti jidħlu għal xogħol umli bħal dan. Dawk li ma ridux jieħdu sehem f’dan ix-​xogħol ma baqgħux jassoċjaw mal-​uħud leali. Fis-​snin taʼ wara l-​1919, xi wħud żleali rrabjaw u waslu biex qagħdu jaqilgħu l-​qlajjiet u jimmalafamaw bil-​kliem u l-​kitba. Dawn saħansitra żammew maʼ dawk li kienu qed jippersegwitaw lill-​qaddejja leali taʼ Ġeħova.

38. Xi prova jagħtuna s-​suċċessi u r-​rebħiet tas-​segwaċi taʼ Kristu fuq l-​art?

38 Iżda, minkejja attakki bħal dawn, is-​segwaċi taʼ Kristu fuq l-​art baqgħu jissaħħu u jimxu ’l quddiem spiritwalment. Kull suċċess u rebħa li kellhom minn dak iż-​żmien ’l hawn, jagħtuna prova li ma tistax tiċħadha li s-​Saltna t’Alla qed taħkem! Hu biss bis-​saħħa tal-​appoġġ u l-​barka t’Alla—li jipprovdi permezz taʼ Ibnu u s-​Saltna Messjanika—li sempliċi grupp taʼ bnedmin imperfetti setaʼ jirbaħ kontra Satana u din is-​sistema mill-​agħar darba wara l-​oħra!—Aqra Isaija 54:17.

Ħuna Rutherford jagħti taħdita kommoventi f’konvenzjoni ftit xhur wara li jinħeles mill-ħabs

39, 40. (a) X’inhuma ftit mill-​aspetti taʼ din il-​pubblikazzjoni? (b) Kif tistaʼ tibbenefika meta tistudja din il-​pubblikazzjoni?

39 Fil-​kapitli li ġejjin, se neżaminaw dak li wettqet is-​Saltna t’Alla fuq l-​art fis-​seklu mindu twieldet fis-​sema. Kull sezzjoni taʼ dan il-​ktieb se tkopri aspett partikulari tax-​xogħol tas-​Saltna hawn fuq l-​art. F’kull kapitlu, kaxxa tar-​reviżjoni se tgħinna biex persunalment naraw eżattament kemm hi reali għalina s-​Saltna. Fl-​aħħar kapitli, se niddiskutu x’għandna nistennew meta s-​Saltna tiġi fil-​futur qarib biex teqred lill-​ħżiena u ġġib ġenna fuq l-​art. Kif se tibbenefika meta tistudja din il-​pubblikazzjoni?

40 Satana jrid idgħajjef il-​fidi tiegħek fis-​Saltna t’Alla. Imma Ġeħova jrid isaħħaħ il-​fidi tiegħek ħalli din tipproteġik u tgħinek tibqaʼ b’saħħtek. (Efes. 6:16) Għalhekk, inħeġġuk tistudja din il-​pubblikazzjoni bil-​ħerqa. Ibqaʼ staqsi lilek innifsek, ‘Is-​Saltna t’Alla hi reali għalija?’ Iktar ma tkun reali għalik issa, iktar se jkun hemm ċans li int tkun preżenti u tkun qed tappoġġa b’lealtà u b’mod attiv lil din is-​Saltna f’dak il-​jum meta kull min ikun ħaj jara li s-​Saltna t’Alla hi reali u li qed taħkem!

a Biex titgħallem iktar dwar Grew, Stetson, u Storrs, ara l-​ktieb Jehovah’s Witnesses—Proclaimers of God’s Kingdom, paġni 45-​46, u t-​Torri tal-​Għassa tal-​15 t’Awwissu 2006, paġna 12.

b It-​Torri tal-​Għassa beda jiġi tradott għall-​Malti fl-​1977. Bl-​Ingliż, It-​Torri tal-​Għassa qabel kien magħruf bħala Zion’s Watch Tower, imbagħad bħala The Watch Tower, u issa bħala The Watchtower. F’dan il-​ktieb, ġeneralment se nirreferu għalih bħala t-​Torri tal-​Għassa.

c L-​Istudenti tal-​Bibbja raw il-​bżonn li ma jibqgħux jassoċjaw maʼ gruppi reliġjużi li kienu ħbieb mad-​dinja. Imma, xorta waħda, għal ħafna snin baqgħu jqisu bħala ħuthom Kristjani lill-​individwi li, għalkemm ma kinux Studenti tal-​Bibbja, qalu li kienu jemmnu fil-​fidwa u sostnew li kienu dedikati lil Alla.

d Ħaġa waħda li dgħajfet dawn it-​twissijiet kienet il-​ħsieb li dawn kienu japplikaw l-​aktar għall-​merħla żgħira taʼ Kristu, il-​144,000. Se naraw f’kapitlu 5 li qabel l-​1935, kien maħsub li l-​‘folla l-​kbira,’ kif inhi deskritta f’​Rivelazzjoni 7:9, 10, kienet se tinkludi numru bla għadd taʼ membri tal-​knejjes tal-​Kristjaneżmu; u li dawn kienu se jsiru grupp sekondarju li kien se jitlaʼ fis-​sema bħala premju talli fl-​aħħar nett żamm maʼ Kristu.

e F’Settembru tal-​1920, ir-​rivista The Golden Age (issa msejħa Stenbaħ!) ippubblikat ħarġa speċjali li fiha tat dettalji taʼ diversi atti taʼ persekuzzjoni fi żmien il-​gwerra—xi wħud minnhom tassew vjolenti—fil-​Ġermanja, l-​Ingilterra, l-​Istati Uniti, u l-​Kanada. B’kuntrast, fl-​għaxriet taʼ snin qabel l-​Ewwel Gwerra Dinjija, ftit li xejn kien hemm persekuzzjoni taʼ dan it-​tip.

f Għal bosta snin, It-​Torri tal-​Għassa kien miktub prinċipalment għall-​membri tal-​merħla ż-​żgħira għall-​benefiċċju persunali tagħhom.